Stampa t-test kollu ...


L-ERBGĦA

TAT-XIII IL-ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Erbgħa ta’ l-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Mexxej qawwi, li ħlaqt kollox

fi tjubitek, ersaq fostna:

keċċi n-ngħas minn xfar għajnejna

biex niftħuhom għad-dawl tiegħek.

 

Int, Feddej qaddis, agħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna,

biex jisseddaq it-talb tagħna

mat-tifħir li qed noffrulek.

 

It-twissija tal-Profeta,

u l-eżempji sbieħ ta’ Pawlu,

iħeġġuna biex fil-ljieli

nerfgħu jdejna lejk b’kull barka.

 

F’riġlejk niftħu l-qiegħ ta’ qalbna,

int li tifli l-għemil tagħna;

aħna l-ħatja nibku w nolfqu

biex troddilna s-sliem bil-maħfra.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Infaħħruk, Mulej, Sid tagħna,

għax bla qjies u għoli għerfek;

tkun il-grazzja tiegħek magħna,

int li taf x’hemm moħbi f’qalbna.

 

Ħares fina kull m’hu tajjeb,

u kull ħażen biegħed minna,

fil-mergħat it-tajba ħudna

mal-merħliet magħżula tiegħek.

 

Nhar il-ħaqq la tkunx l-imħallef

li jwarrabna mal-misħuta,

iżda semma’ fuqna l-barka

tan-nagħġiet għeżież li ssalva.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej, qawwa tiegħi, agħmel li nkun inħobbok.

 

Salm 17 (18):2-30

 

I

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! *

Il-Mulej blata tiegħi,fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi, *

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru, *

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

 

Mwieġ tal-mewt ħakmuni, *

widien tal-biża' werwruni,

ħbula ta' l-imwiet dawwruni, *

xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.

Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, *

tlabt l-għajnuna 'l Alla tiegħi;

hu sama' leħni mit-tempju tiegħu, *

f'widnejh waslet l-għajta tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej, qawwa tiegħi, agħmel li nkun inħobbok.

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni.

 

II

 

Tqanqlet u theżhżet l-art, †

triegħdu s-sisien tal-muntanji, *

u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.

Duħħan ħareġ minn imnifsejh, †

u nar li jħarbat minn fommu, *

minnu jarmi ilsna tan-nar.

Feraq is-smewwiet u niżel, *

bi ċpar iswed taħt riġlejh.

Fuq kerubin rikeb u tar, *

niżel b'ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.

Bid-dlam insatar bħal b'libsa, *

sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.

Mid-dija ta' quddiemu sħab joħroġ, *

silġ u ilsna tan-nar.

 

Riegħed il-Mulej mis-smewwiet, *

l-Għoli semma' leħnu.

Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom, *

għamel il-beraq u ħarrabhom.

U dehru qigħan il-baħar, *

nkixfu s-sisien ta' l-art,

mat-theddida tiegħek, Mulej, *

man-nefħa ta' mnifsejk.

 

Mill-għoli medd idu u ħatafni, *

ħariġni minn baħar ta' ilma.

Mill-għedewwa b'saħħithom ħelisni, *

mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.

Ġew fuqi f'siegħa ħażina, *

iżda l-Mulej waqaf miegħi.

Ħariġni 'l barra fil-wisa'; *

ħelisni, għax lili jħobbni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni.

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi.

 

 III

 

Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, *

raddli skond is-safa ta' idejja.

Għax jien żammejt triqat il-Mulej, *

ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi.

Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu; *

ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.

Bla tebgħa kont quddiemu, *

mill-ħtija ħarist lili nnifsi.

Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, *

skond is-safa ta' idejja li ra b'għajnejh.

 

Ma' min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb, *

ma' min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija;

ma' min hu safi inti timxi bis-safa, *

ma' min jgħawweġ timxi bil-għaqal.

Għax inti ssalva l-poplu fqajjar, *

u l-għajnejn kburin tbaxxihom.

Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; *

Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.

Bik jien negħleb il-qtajja' ta' l-għedewwa; *

bl-għajnuna ta' Alla tiegħi nirbaħ is-swar!

 Glorja.

 

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi.

 

V/. Ilkoll urew l-għoġba tagħhom.

R/. Għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel Sam 4:2-5:7

 

David isaltan fuq Iżrael. Jidħol f’Ġerusalemm

 

F’dawk il-jiem: Isboset, bin Sawl, kellu żewġ kapijiet ta' l-eżerċtu, jisimhom wieħed Bagħna u l-ieħor Rekab, ulied Rimmon minn Berot, mit-tribù ta' Benjamin, billi Berot kienet fl-art ta' Benjamin. (In-nies ta' Berot kienu ħarbu lejn Gittajm, u baqgħu jgħixu hemm bħallikieku barranin sa llum). Issa Ġonatan, bin Sawl, kellu iben zopp minn riġlejh; dan kellu ħames snin meta waslet l-aħbar tal-mewt ta' Sawl u Ġonatan minn Ġeżragħel; u l-imreddgħa tiegħu qabditu u ħarbet bih; fl-għaġla biex taħrab, it-tifel waqa' u zzappap. Kien jismu Mefiboset.

Ulied Rimmon il-Beroti, Rekab u Bagħana, marru d-dar ta’ Isboset, u daħlu fl-eqqel tas-sħana tal-jum, u sabuh rieqed f’nofsinhar. Il-mara tal-bieb kienet tnaqqi l-qamħ, ħadha n-ngħas u raqdet. U Rekab u Bagħana, ħuh, baqgħu deħlin inkiss inkiss ġod-dar, u sabuh mimdud fuq friexu, f'kamartu, qatluh, qatgħulu rasu, ħaduha, u baqgħu sejrin biha l-lejl kollu fl-Għaraba.

 U ġiebu ras Isboset għand David f'Ħebron u qalu lis-sultan: “Hawn hi ras Isboset, bin Sawl, l-għadu tiegħek, li kien ifittex ħajtek. Il-Mulej illum tħallas b'riżq sidi s-sultan minn Sawl u minn nislu.”

 

U David wieġeb lil Rekab u lil ħuh Bagħana, ulied Rimmon il-Beroti, u qalilhom: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li ħelisni minn kull għawġ! Lil dak li ġie ħabbarli li Sawl kien miet u li kien ħaseb li kien ġiebli xi aħbar tajba, jien qbadtu u qtiltu f'Siklag, flok ħallastu tal-bxara. Kemm aktar issa, li nies ħżiena qatlu bniedem ġust ġo daru u f'soddtu, infittex inqaċċatkom minn wiċċ l-art u nitħallas minnkom ta' demmu?” U David ordna lill-qaddejja tiegħu li joqtluhom, jaqtgħulhom idejhom u riġlejhom, u jdendluhom ħdejn il-menqa ta' Ħebron. U ras Isboset ħaduha u difnuha fil-qabar ta' Abner f'Ħebron.

Mbagħad it-tribujiet ta' Iżrael ġew għand David f'Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi meta Sawl kien sultan fuqna, int kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: 'Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael.’ ” U x-xjuħ kollha ta' Iżrael ġew għand is-Sultan f'Ħebron, u s-sultan David għamel patt magħhom f'Ħebron quddiem il-Mulej; lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.

Tletin sena kellu David meta sar sultan, u dam isaltan erbgħin sena, seba' snin u sitt xhur fuq Ġuda f'Ħebron; u tlieta u tletin sena f'Ġerusalemm fuq Ġuda u Iżrael kollu.

Is-sultan u n-nies tiegħu marru Ġerusalemm kontra l-Ġebusin, li kienu jgħammru fil-pajjiż. Dawn qalulu: “Ma tidħolx hawn! Biżżejjed l-għomja u z-zopop biex jilqgħuk!” - jiġifieri riedu jgħidu li David ma jidħolx hemm. Imma David ħa f'idejh il-fortizza ta' Sijon, u llum jgħidulha l-belt ta' David.

 

 RESPONSORJU Salm 2:2. 6.1

 

R/. Is-slaten ta’ l-art iqumu u l-kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-Mulej u l-midluk tiegħu. * Jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!

V/. Għaliex jixxewwxu l-ġnus u l-popli jreddnu għalxejn? * Jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ktieb fuq it-Triq tal-perfezzjoni ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, verġni.

 

Tiġi saltnatek

 

Ma hemm ħadd, goff u maledukat hu kemm hu, li jekk irid jaqla’ xi ħaġa mingħand xi bniedem kbir u importanti, ma joqgħodx qabel jaħseb u jara f’qalbu kif se jitkellem, ħalli jogħġob lil dan il-bniedem, u ma jdejjqux jew joffendih bil-kliem u l-imġiba tiegħu; joqgħod jaħseb x’sejjer jitlob, u għalfejn se jitolbu, aktar u aktar meta l-ħaġa li se jitlob m’hix tas-soltu jew hi xi ħaġa kbira. Dan kollu jgħidulna t-twajjeb Ġesù, biex jgħallimna kif nitolbu, u, fil-fehma tiegħi, din hi ħaġa ta’ min jaħseb sewwa fuqha.

Ma stajtx, Mulej, tiġbor kollox f’kelma waħda, u tgħallimna ngħidu: Missier, agħtina kull ma jiswa u jaqbel? Ma jidhirlix li hemm għalfejn wieħed iżid xi ħaġ’oħra ma’ dan, meta Alla jaf kollox u jaf sewwa.

Dan hu biżżejjed għalik, o Għerf ta’ dejjem, hu biżżejjed għall-Missier, li qiegħed fis-smewwiet: hekk int tlabtu fil-ġnien tal-Ġetsemani. Hemm urejtu r-rieda tiegħek u l-biża’ tiegħek, iżda qgħadt għalkollox għar-rieda tiegħu. Imma, Sidi, inti taf li r-rieda tagħna m’hix hekk marbuta mar-rieda tal-Missier kif kienet marbuta r-rieda tiegħek; għalhekk kien meħtieġ li aħna nsemmu waħda waħda kull ħaġa li rridu nitolbu għaliha, biex f’qalbna nkunu nistgħu naraw jaqblilniex jew jiswilniex dak li se nitolbu, biex jekk jidhrilna li ftit se jiswielna, ma nitolbuh xejn. Aħna hekk imsawwrin li jekk ma naqilgħux dak li qegħdin nitolbu (u dan ġej mir-rieda ħielsa tagħna) m’aħniex se naslu biex nammettu li Alla jagħtihulna. U dan minnu wkoll dwar l-aqwa ġid: jekk, biex ngħid hekk, ma narawx f’idejna borża mimlija flus, m’hux se nqisu ruħna għonja.

It-twajjeb Ġesù jgħallimna ngħidu l-kliem li bih nitolbu ħa tiġina saltnatu: Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek. Araw, ngħidilkom, l-għerf bla qjies ta’ dan l-imgħallem tagħna! Jiena noqgħod naħseb bejni u bejn ruħi (għax hi ħaġa tajba ħafna li nifhmuha) x’inhi din is-saltna li qegħdin nitolbu għaliha. Alla fil-kobor tiegħu ra li aħna ma stajniex inqaddsu u nsebbħu l-isem glorjuż tal-Missier b’dik il-ħaġa żgħira u dgħajfa li l-aktar nistgħu nagħmlu (jekk qatt nagħmluha kif għandna nagħmluha); għalhekk Alla, fil-kobor tiegħu, ħaseb għal dan mod ieħor, billi minn issa stess jagħtina saltnatu. Għalhekk it-twajjeb Ġesù rabat u għaqqad flimkien iż-żewġ ħwejjeġ, it-tqaddis ta’ ismu u l-miġja ta’ saltnatu.

Irrid mela ngħidilkom u nfissrilkom jien x’nifhem dwar din il-ħaġa, biex ilkoll nifhmu x’qegħdin nitolbu, biex naraw kemm jiswa li nitolbuh f’waqtu u bil-ħeġġa kollha, u biex nagħmlu kull ma nistgħu ħa nogħġbu u nikkuntentaw lil dak li jista’ jagħtihulna.

Jiena jidhirli li l-aqwa ġid tagħna jinsab fis-saltna tas-sema (biex ma nsemmix kollox), u dan ifissser li għandek tqis bla siwi kull ma hu ta’ l-art u tad-dinja, li tithenna għax kulħadd fil-hena, li tgawdi sliem bla tmiem u tħoss sodisfazzjon kbir għax ruħek tara lil Alla mqaddes u mfaħħar u ismu mbierek mill-bnedmin kollha, li tifraħ għax ħadd ma hu joffendih bi dnubietu u l-bnedmin kollha jħobbuh; anzi din ruħek m’għandhiex ħaġ’oħra x’tagħmel ħlief tħobbu għaliex ma tistax ma tħobbux la tagħrfu. Aħna lil Alla għandna nħobbuh f’din id-dinja, għalkemm ma naslux biex inħobbuh b’din il-qawwa u b’din il-perfezzjoni, imma, almenu, jekk tassew nagħrfuh, inħobbuh aħjar u aktar milli ħabbejnieh sa llum.

 

RESPONSORJU

 

R/. Dak li jaf jagħti ħwejjeġ tajba lil uliedu, iġegħelna nitolbu u nfittxu u nħabbtu. * Nieħdu aktar, jekk il-fidi tagħna hi aktar qawwija, it-tama tagħna aktar sħiħa, u x-xewqat tagħna aktar imħeġġa.

V/. Dan niksbuh aktar bi tnehid milli bil-kliem, aktar bil-biki milli bit-tpaċpiċ. * Nieħdu aktar, jekk il-fidi tagħna hi aktar qawwija, it-tama tagħna aktar sħiħa, u x-xewqat tagħna aktar imħeġġa.

 

TALBA

 

 O Alla, int tajtna l-grazzja ta’ l-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl; agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Qed jinħall id-dlam li jistor

fis-sigħat tal-lejl il-ħlejjaq;

dawl il-jum qiegħed isebbaħ

kullimkien bil-bjuda tiegħu.

 

U bħal swaba’ twal u rotob

‘l ahwn u ‘l hinn jinfirxu r-raġġi;

tfiġġ ix-xemx fil-ħmura w tixħet

mant ta’ dija fuq ir-raba’.

 

Hekk, fis-sliem u l-barka t’Alla,

jgħib id-dlam tal-qerq minn moħħna,

minn fuq qalbna s-sħab jiċċarrat,

u fid-dawl tal-grazzja nimxu.

 

Sabiex miegħek biss ningħaqdu,

Kristu Sidna, b’fehma safja:

u kuljum inħossu l-qawwa

tal-ġid kbir li tagħmel magħna.

 

Ejja żurna w iddi fina

kull filgħodu bid-dawl tiegħek;

keċċi d-dell tal-mewt minn ruħna,

ħa nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Fid-dawl tiegħek, o Alla, naraw id-dawl.

 

Salm 35 (36)

 

Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f'qiegħ qalbu; *

m'hemmx biża' ta' Alla quddiem għajnejh.

 

Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, *

li Alla ma jsibx fih ħtija x'jistmell.

Kliem fommu kollu qerq u gideb, *

ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.

Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, *

triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.

 

Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, *

baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek;

Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! †

Għad-dell ta' ġwenħajk

 jistkennu wlied il-bnedmin. *

 bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej.

Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, *

tisqihom ix-xmara ta' l-hena tiegħek.

Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, *

fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

Żomm it-tjieba tiegħek ma' min jagħrfek, *

il-ġustizzja tiegħek ma' min hu qalbu safja.

Ma jersaqx għal fuqi riġel il-kburi, *

ma titfagħnix 'il barra id il-ħażin.

Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, *

intefgħu 'l isfel u ma jistgħux iqumu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Fid-dawl tiegħek, o Alla, naraw id-dawl.

Ant. 2: Mulej, kbir int u msebbaħ, ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

 

Kantiku Ġudit 16:1b-2. 13-16

 

 Insġu għanja ta’ tifħir lil Alla tiegħi, *

Għolluh, u sejjħu lil ismu.

Għax il-Mulej hu Alla li jxejjen il-gwerer; *

minn idejn l-għedewwa ħelisni.

 

 Ngħanni lil Alla tiegħi għanja ġdida: *

 Mulej, kbir int u msebbaħ ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

 Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, *

 għax int tkellimt, u huma saru;

 int bgħatt l-ispirtu tiegħek, u hu għamilhom. *

 Ħadd ma jista’ jieqaf lill-leħen tiegħek.

 Jitheżżu l-muntanji mill-qigħan tagħhom ma’ l-ibħra, *

 jinħall il-ġebel bħax-xama’ quddiemek;

 imma int tibqa’ turi ħnientek *

 ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħek.

 

 Kbir hu għal dejjem *

 min għandu l-biża’ tal-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, kbir int u msebbaħ, ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

Ant. 3: Għajjtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla.

 

Salm 46 (47)

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom, *

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża', *

sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Irażżan il-popli taħtna, *

u l-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

Hu jagħżlilna l-wirt tagħna, *

il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.

Tela' Alla b'għajat ta' ferħ, *

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Għannu lil Alla, għannu, *

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha: *

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

 

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha, *

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

Jinġemgħu l-kbarat tal-popli *

mal-poplu ta' Alla ta' Abraham.

Għax ta' Alla huma l-kapijiet ta' l-art; *

hu fil-għoli ħafna fuq kulħadd.

Glorja.

 

Ant. 3: Għajjtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla.

 

LEZZJONI QASIRA Tob 4:15a. 16ab. 19

 

Ħares lilek innifsek, ibni, f’kull ma tagħmel u ġib ruħek bħal wieħed imrobbi sewwa f’kull pass li tagħmel. Mill-ħobż tiegħek itma’ lil min hu bil-ġuħ, u minn ilbiesek libbes lil min hu għarwien. Kull ma jkollok żejjed, agħtih karità. Bierek f’kull ħin il-Mulej u itolbu li jitwittew triqatek u mogħdijietek, u jirnexxu l-fehmiet tiegħek.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Iġbidli qalbi, o Alla, * Biex inħares il-preċetti tiegħek. Iġbidli.

V/. Bil-kelma tiegħek agħtini l-ħajja. * Biex inħares il-preċetti tiegħek. Glorja. Iġbidli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Agħmel ħniena magħna, Mulej, u ftakar fil-patt qaddis tiegħek.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Agħmel ħniena magħna, Mulej, u ftakar fil-patt qaddis tiegħek.

 

PREĊI

 

Il-Mulej Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu lil dawk li hu jqaddes. Inroddulu ħajr u nfaħħruh dejjem, u minn qiegħ qalbna nitolbuh:

Mulej, qaddes lil ħutek.

Agħmel li b’fehma safja nikkonsagrawlek il-bidu ta’ dan il-jum f’ġieħ il-qawmien tiegħek mill-imwiet:

- għinna ngħaddu l-ġurnata kollha f’għemejjel ta’ qdusija, kif jogħġob lilek.

Int, b’sinjal ta’ mħabbtek, tajtna jum ġdid biex ngħadduh f’saħħitna u henjin:

- ġeddidna kuljum għall-glorja tiegħek.

Għallimna llum inħossu l-preżenza tiegħek f’kulħadd madwarna:

- agħmel li nsibuk l-iżjed fl-imnikktin u l-foqra.

Żommna llum fis-sliem mal-proxxmu kollu:

- tħalliniex inroddu deni b’deni.

 

Missierna

 

Talba

 

Ismagħna, o Alla, Salvatur tagħna: int għamiltna wliedek, ulied id-dawl; agħtina li nibqgħu miexja dejjem f’dan id-dawl u nagħmlu ħidma ta’ ġid tassew, biex iseħħilna nkunu xhieda tiegħek quddiem il-bnedmin. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1. Imbierek int, Mulej: għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Salm 118 (119):9-16

 

II (Bet)

 

Kif jista' żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? *

Billi jħares il-kelma tiegħek.

B'qalbi kollha jiena nfittxek; *

tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

 

Jien żammejt kelmtek f'qalbi, *

biex ma nidneb qatt kontrik.

Imbierek int, Mulej! *

Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

B'xufftejja jiena nxandar *

id-digrieti kollha ta' fommok.

Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek, *

daqs kieku kelli l-għana kollu.

 

Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb, *

u nżomm għajnejja fuq triqatek.

Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq, *

qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

 Glorja.

 

 Ant.1. Imbierek int, Mulej: għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 Ant.2. Żomm fi triqatek il-mixi tiegħi, Mulej.

 

Salm 16 (17)

 

I

 

Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, *

ilqa' l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi; *

bla qerq huma xufftejja.

Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija, *

għajnejk jaraw is-sewwa.

 

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, *

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.

Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies; *

ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; *

ressaq widintek lejja, isma' kliemi.

Uri t-tjieba tiegħek ta' l-għaġeb; *

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek.

Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni, *

għad-dell ta' ġwenħajk kenninni

mill-ħżiena li jagħfsu fuqi, *

mill-għedewwa qattiela li jdawwruni. 

 Glorja.

 

 Ant.2. Żomm fi triqatek il-mixi tiegħi, Mulej.

 

 Ant.3. Qum Mulej, eħlisli ħajti.

 

II

 

Għalqu qalbhom għall-ħniena, *

minn fommhom joħroġ kliem kburi.

Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni, *

ħarsithom fuqi, biex ma' l-art jitfgħuni.

Huma bħal iljun imxennaq għall-priża, *

bħal ferħ ta' ljun moħbi wara l-mansab.

 

Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu; *

eħlisli ħajti minn id il-ħażin.

B'sejfek, Mulej, b'idek mill-bnedmin eħlisni, *

mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.

Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek, †

ħa jieklu sax-xaba' wliedhom, *

u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek; *

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 Glorja.

 

 Ant.3. Qum Mulej, eħlisli ħajti.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:13-14

 

Kunu mħażżmin fir-ruħ u mrażżnin għalkollox; ittamaw fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu. Bħala wlied ubbidjenti, tgħixux skond il-ġibdiet ta’ qabel, meta kontu għadkom tgħixu fl-injoranza tagħkom.

 

 V/. Triqatek, Mulej, għarrafni.

 R/. Il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lill-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub: agħtina l-grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:15-16

 

Bħalma qaddis hu dak li sejjħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub, ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien’.

 

 V/. Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek.

 R/. Jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtini ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġak 4:7-8a. 10

 

Oqogħdu għar-rieda ta’ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.

 

 V/. Għajnejn, il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu.

 R/. Fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Alla, Sid qaddis tas-sema,

waqt li x-xemx qed tgħib minn fuqna,

kullimkien bi ġmielek tiksi

mad-dawl fietel fil-għaxija.

 

Meta r-raba’ jum issebbaħ

taħt idejk bix-xemx ħanina,

inti tajtna wkoll il-qamar,

b’għadd bla tarf ta’ kwiekeb ħelwa.

 

Bihom int turina l-bidla

bla waqfien tax-xhur u l-iżmna,

sabiex aħna wkoll infittxu

bla mistrieħ it-tiġdid tagħna.

 

Għalhekk dawwal il-qlub tagħna,

saffi ‘l ruħna minn kull tebgħa,

ħoll il-ktajjen ta’ dnubietna,

u ħarisna ‘l bogħod mill-ħtija.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla jagħtini d-dawl u jsalvani, jeħlisni minn kull biża’.

 

Salm 26 (27)

 

I

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; *

minn min għandi nibża'?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; *

quddiem min għandi nitwerwer?

Meta jqumu għalija l-ħżiena, *

biex jaħtfuni u jikluni,

dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi, *

huma jitfixklu u jaqgħu.

Mqar jekk eżerċtu jqum għalija, *

xejn ma tibża' qalbi;

mqar jekk gwerra tqum kontrija, *

jiena nibqa' qalbi qawwija.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, *

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f'dar il-Mulej *

tul il-jiem kollha ta' ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej *

u nbakkar fit-tempju tiegħu.

 

Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu *

meta nsib ruħi fil-għawġ;

jistorni fis-satra ta' daru, *

fuq blata fl-għoli jqegħedni.

U issa tintrefa' rasi *

fuq l-għedewwa ta' madwari.

U jien noffri fit-tempju tiegħu

sagrifiċċju b'għajat ta' ferħ. *

Ngħanni u nfaħħar il-Mulej!

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Alla jagħtini d-dawl u jsalvani, jeħlisni minn kull biża’.

Ant. 2: Jien wiċċek infittex, Mulej: la taħbix wiċċek minni.

 

II

 

Isma', Mulej, leħen l-għajta tiegħi, *

ħenn għalija u weġibni.

"Ejja," għedt f'qalbi, "fittex 'il wiċċu"; *

jien wiċċek infittex, Mulej.

La taħbix wiċċek minni, *

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix *

titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalkemm telquni missieri u ommi, *

il-Mulej jilqagħni għandu.

 

Urini, Mulej, it-triq tiegħek, *

mexxini minn mogħdija dritta

minħabba l-għedewwa tiegħi.

 

Titlaqnix għax-xewqa ta' l-għedewwa tiegħi; †

għaliex xhieda qarrieqa qamu kontrija, *

li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej *

f'art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; *

ittama fil-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jien wiċċek infittex, Mulej: la taħbix wiċċek minni.

Ant. 3: Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha, hu l-ewwel f’kollox.

 

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha, hu l-ewwel f’kollox.

 

LEZZJONI QASIRA Ġak 1:22. 25

 

Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-liberta’ u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; u dan ikun hieni fl-għemil tiegħu.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Eħlisni int, Mulej, * U ħenn għalija. Eħlisni.

V/. Tgħoddnix man-nies midinba. * U ħenn għalija. Glorja. Eħlisni.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

 

PREĊI

 

Ikun f’kollox igglorifikat l-isem tal-Mulej, għax hu jħobb bi mħabba bla qjies lill-poplu għażiż tiegħu.

Uri lilna, Mulej, l-imħabba tiegħek.

Ftakar, Mulej, fil-Knisja tiegħek:

- ħarisha minn kull deni u żommha fl-imħabba perfetta tiegħek.

Agħmel li l-ġnus kollha jagħrfu lilek, li int waħdek Alla:

- u lil Ibnek Ġesù Kristu, li inti bgħatt.

Ibgħat ir-riżq it-tajjeb fuq art twelidna:

- sawwab dejjem fuqha l-barka tiegħek.

Serraħ lil dawk li huma mtaqqlin bix-xogħol u t-taħbit:

- ħu f’idejk il-kawża ta’ min hu mżeblaħ u ġiegħel li tintraddlu d-dinjita tiegħu.

Iftaħ id-dirgħajn tal-ħniena tiegħek għall-bnedmin kollha li llum ħallew din id-dinja:

- ilqagħhom fis-sliem tas-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

Kun fostna, Mulej, aħna u nitolbuk, u lejl u nhar iġborna taħt il-ħarsien tiegħek; int, li qatt ma titbiddel, żommna dejjem sħaħ u mexxina int f’dawn iż-żminijiet li dejjem jitbiddlu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn, *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

  

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.