Stampa t-test kollu ...


3 ta’ Lulju

 

SAN TUMAS, APPOSTLU

FESTA

 

Mill-Komun ta’ l-Appostli

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-sultan ta’ l-Appostli: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Prinċpijiet li żżejjnu l-qorti

tas-Sultan il-kbir u l-għoli,

Ġesù stess kien li għallimkom

u fid-dinja kollha bagħatkom.

 

Lilkom ried Appostli tiegħu

gawhriet sbieħ u pedamenti

ta’ Ġerusalemm il-ġdida

li l-Ħaruf il-musbieħ tagħha.

 

Ħajr troddilkom u tfaħħarkom

il-Għarusa tiegħu l-Knisja,

għax bil-kelma tagħkom qamet,

bit-tixrid ta’ demmkom tqaddset.

 

Meta tgħib did-dinja w jinżel

il-Fedddej bi Mħallef tagħha,

kbir ikun il-ġieħ li tiksbu

xħin għall-ħaqq toqogħdu miegħu.

 

Kunu issa l-qawwa tagħna

bit-talb tagħkom bla ma tieqfu,

biex il-kliem li żrajtu fina

jagħti frott kotran għas-sema.

 

Ġieħ u sebħ bla tmiem lil Kristu

li ħatarkom messaġġiera

tal-Missier, u sawwab fuqkom

lill-Ispirtu u d-doni tiegħu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

 

Salm 18 (19)A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħenhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu,

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn truf is-smewwiet hi toħroġ, †

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 1: Ma’ l-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom, hallelujah.

Ant.2: Għemil il-Mulej ixandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel, hallelujah.

 

Salm 63 (64)

 

Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; *

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, *

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, *

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, *

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

 

Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, †

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, *

u jgħidu: "Min se jarana?"

Ifittxu l-ħażen, †

ifasslu pjan maħsub sewwa. *

Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!

 

Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; *

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

Minħabba lsienhom isiru ħerba; *

kull min jarahom iċaqlaq rasu.

U lkoll jimtlew bil-biża’ ta’ Alla,

għemilu jxandru, *

 u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; *

jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.

 Glorja.

 

Ant.2: Għemil il-Mulej ixandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel, hallelujah.

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu, hallelujah.

 

Salm 96 (97)

 

 Il-Mulej isaltan! †

 Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *

u jifirħu l-ħafna gżejjer!

 Sħab u dlam hemm madwaru; *

is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.

 In-nar jimxi quddiemu, *

u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.

 Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *

tara dan l-art u titriegħed.

 Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *

quddiem is-Sid ta' l-art kollha.

 

 Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *

jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

 Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †

li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *

u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.

 Tisma' dan u tifraħ Sijon, †

jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.

 Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †

'il fuq mill-art kollha, *

ogħla ħafna mill-allat.

 

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †

iħares il-ħajja ta' ħbiebu, *

jeħlishom minn idejn il-ħżiena.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *

u l-hena għal qalb in-nies sewwa.

Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *

u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu, hallelujah.

 

V/. Huma xandru tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu.

R/. U l-għeġubijiet li għamel.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin 1 Kor 4:1-16

 

Inkunu nixbħu lill-Appostli kif l-Appostli jixbħu lil Kristu

 

Ħuti: In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta' Kristu u amministraturi tal-misteri ta' Alla. Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili. Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; imma mhux b'daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani. Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej; hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.

Dan kollu, ħuti, għedtu għalija u għal Apollo minħabba fikom, biex minna intom titgħallmu x'jiġifieri: "Mhux aktar milli hemm miktub,” ħalli ħadd minnkom ma jintefaħ b'wieħed kontra l-ieħor. Int, min hu li jagħżlek? X'għandek li ma ngħatalekx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn? Intom ġa mxebbgħin! Intom ġa stagħnejtu! Issaltnu mingħajrna! Jalla ssaltnu ħalli nsaltnu aħna wkoll magħkom. Jiena naħseb li lilna l-Appostli Alla xeħetna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin. Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ. Sa issa aħna bil-ġuħ u bil-għatx, msawwta u bla dar; jaħqruna, u nistabru; jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, ir-rimi ta' kulħadd sa llum.

M'iniex nikteb dan biex inħammrilkom wiċċkom, imma biex inwiddibkom, bħal uliedi għeżież. Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li bl-Evanġelju nissiltkom fi Kristu. Bil-qawwa kollha nitlobkom: Ixbhu lili.

 

RESPONSORJU Ġw 15:15; Mt 13:11. 16

R/. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, sejjaħtilkom ħbieb: * Għaliex kull ma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.

V/. Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet: henjin għajnejkom għax qegħdin jaraw: henjin widnejkom għax qegħdin jisimgħu. * Għaliex kull ma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji.

 

Mulej tiegħi u Alla tiegħi

 

Wieħed mit-tnax, Tumas. Imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod ta’ l-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem ta’ l-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: Mulej tiegħi u Alla tiegħi! Qallu Ġesù: Emmint għax rajtni! Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela għaliex qallu, Emmint għax rajtni lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: Mulej tiegħi u Alla tiegħi! Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: Henjin dawk li ma rawx u emmnu. Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skond ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh. U Ġakbu jżid: Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.

 

RESPONSORJU 1 Ġw 1:2. 1. 3a

 

R/. Il-ħajja wriet ruħha u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom * Il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u li wriet ruħha lilna.

V/. Dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-kelma tal-ħajja, dan se nxandrulkom. Il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u li wriet ruħha lilna.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nifirħu bil-festa ta’ l-appostlu San Tumas, u li, bl-għajnuna tat-talb tiegħu, nissaħħu dejjem iżjed fil-fidi biex ikollna l-ħajja fl-Isem ta’ dak li hu għarfu b’Mulej, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int li tiddi b’dawl mill-aqwa

fost il-ġemgħa ta’ l-appostli,

nitolbuk, Tumas, biex tilqa’

kollok tjieba t-tifħir tagħna.

 

Għall-imħabba li wriek Kristu,

meta riedek mal-magħżula,

int weġibt li kont imħejji

tagħti ħajtek għall-Imgħallem.

 

Hekk kif smajt il-bxara l-kbira

minn fomm l-aħwa, qalbek tħawwdet;

biex tkun ċert, ridt tqiegħed idek

fuq il-pjagi u l-ġenb ta’ Kristu.

 

Ferħet qalbek meta daħal

kollu ħniena w ħalliek tmissu;

dlonk stqarrejtu b’Mulej Alla,

b’qima safja w fidi mħeġġa.

 

Inti b’hekk wettaqt fil-fidi

lilna wkoll, li le ma rajna,

u ħeġġiġtna biex fl-imħabba

ta’ Ġesù bla heda nikbru.

 

Lill-Feddej ħanin kull glorja:

hu, bis-saħħa tat-talb tiegħek,

imexxina lejh bil-fidi,

ħa narawh fis-saltna mbierka. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tumas qal: Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer, kif nistgħu nafu t-triq? Wieġbu Ġesù: Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Tumas qal: Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer, kif nistgħu nafu t-triq? Wieġbu Ġesù: Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

Ant. 2: Tumas, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu. Rajna l-Mulej, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

Ant. 2: Tumas, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu. Rajna l-Mulej, hallelujah.

Ant. 3: Midd idek, u ara l-marka ta’ l-imsiemer: tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Midd idek, u ara l-marka ta’ l-imsiemer: tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:19-22

 

Ma għadkomx aktar barranin u għorba imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu marbut sewwa, jitla f’tempju qaddis fil-Mulej; fih intom ukoll, fl-Ispirtu tinbnew f’dar fejn jgħammar Alla.

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Int tqegħedhom kapijiet * fuq l-art kollha. Int.

V/. Ifakkru l-isem tiegħek, Mulej. * Fuq l-art kollha. Glorja. Int.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Tumas, emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Tumas, emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, bil-ħidma ta’ l-Appostli sirna werrieta tas-sema. Inroddu ħajr lil Alla għall-ġid kollu li tana, u ngħidulu:

Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax permezz ta’ l-Appostli għaddejt lilna l-mejda tal-Ġisem u d-Demm tiegħek,

- li bihom tgħajjixna u ssaħħaħna.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax l-Appostli ħejjew għalina l-mejda tal-kelma tiegħek.

- li biha nimtlew bid-dawl u l-ferħ.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax fuq l-Appostli bnejt il-Knisja qaddisa tiegħek.

- li fiha lkoll ningħaqdu f’ġisem wieħed.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

Infaħħruk, Mulej, għax bl-Appostli tajtna l-ħasil tal-Magħmudija u l-indiema,

- li bih nitnaddfu minn dnubietna kollha.

 Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa ta’ l-Appostli.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nifirħu bil-festa ta’ l-appostlu San Tumas, u li, bl-għajnuna tat-talb tiegħu, nissaħħu dejjem iżjed fil-fidi biex ikollna l-ħajja fl-Isem ta’ dak li hu għarfu b’Mulej, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. Morru, xandru l-bxara t-tajba tas-Saltna: b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar tiksbu rwieħkom.

 

SALMODIJA (Salmodija tat-Tlieta tal-I ġimgħa)

 

Salm 118 (119): 1-8

 

I

 

Ħenjin dawk li triqthom bla ħtija, *

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, *

 u li jfittxuh b’qalbhom kollha.

 

Huma ma jagħmlux ħażen, *

imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.

Int tajt il-preċetti tiegħek, *

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi *

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!

Mbagħad ma jkollix għax nistħi,

la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.

 

Mbagħad infaħħrek b'qalb safja, *

Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.

Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; *

la tħallinix għalkollox!

 Glorja.

 

Salm 12 (13)

 

Mulej, għal dejjem se tinsieni? *

Kemm se ddum taħbi wiċċek minni? 

Kemm se ndum b'qalbi ttaqtaq, †

bl-imrar kuljum f'qalbi? *

Kemm se jdum jintrefa' l-għadu fuqi?

 

Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi, *

agħti d-dawl lil għajnejja,

li ma naqax fir-raqda tal-mewt;

li ma jgħidx l-għadu tiegħi: "Għelibtu!", *

li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor.

 

Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, †

tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. *

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.

 Glorja.

 

Salm 13 (14)

 

Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” *

Tħassru l-bnedmin,

 Għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; *

m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

 Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Ilkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej,

li jaħtfu l-poplu tiegħi, *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

 

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

għax Alla hu ma' nisel il-ġust.

Intom tidħku bil-ħsieb ta' l-imsejken; *

imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu,

jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Morru, xandru l-bxara t-tajba tas-Saltna: b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 5:19b-20

 

Alla fdalna l-messaġġ tal-ħbiberija tagħna miegħu. Mela aħna ambaxxaturi ta’ Kristu, bħallikieku Alla stess qiegħed ikellimkom permezz tagħna. Nitlobkom f’isem Kristu: agħmlu ħbieb ma’ Alla. 

 

V/. Ma’ l-art kollha jasal leħinhom.

R/. Mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:12a. 14

 

Bis-saħħa ta’ l-appostli kienu qegħdin isiru ħafna mirakli u għeġubijiet kbar fost il-poplu. L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, sew irġiel sew nisa, kien dejjem jiżdied u joktor.

 

V/. Huma ħarsu l-preċetti ta’ Alla.

R/. U l-kmandamenti tiegħu.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar tiksbu rwieħkom.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 5:41-42

 

L-appostli ħarġu minn quddiem is-Sanhedrin, ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom ikunu mmaqdra minħabba fl-Isem. U kuljum fit-tempju u fi djarhom, ma kinux jehdew jgħallmu u jxandru l-Bxara t-tajba li Ġesù huwa l-Kristu.

 

V/. Ifirħu u ithennew.

R/. Għax ismijietkom miktuba is-smewwiet.

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nifirħu bil-festa ta’ l-appostlu San Tumas, u li, bl-għajnuna tat-talb tiegħu, nissaħħu dejjem iżjed fil-fidi biex ikollna l-ħajja fl-Isem ta’ dak li hu għarfu b’Mulej, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Fis-smewwiet il-għana jidwi,

taqbeż l-art bil-ferħ mimlija;

f’dan il-jum ta’ festa l-Knisja

tweġġaħ bit-tifħir l-Appostli.

 

Intom, l-imħallfin tad-dinja,

li dawwaltu l-art b’tagħlimkom:

b’qalbna kollha nduru lejkom,

agħtu widen għat-talb tagħna.

 

B’kelma tagħkom tħollu w torbtu,

bħalma fl-art, ukoll fis-sema;

fi tjubitkom, ħollu lilna

minn kull rabta ta’ dnubietna.

 

B’ordni tagħkom terġa s-saħħa

bil-fejqan tal-morda kollha;

fejjqu wkoll il-mard ta’ ruħna,

roddu l-qawwa fejn hu dgħajjef.

 

Biex kif fl-aħħar Kristu Mħallef

jiġi jagħmel ħaqq mid-dinja,

isejjħilna ħdejh biex miegħu

niksbu l-wirt fil-ferħ tas-saltna.

 

B’wiċċna fl-art insebbħu ‘l Alla,

għaliex bikom iwasslilna

it-tagħlim ta’ l-Evanġelju

fit-triq tagħna lejn is-sema. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tumas qal: Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer; kif nistgħu nafu t-triq? Wieġbu Ġesù: Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. †

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 1: Tumas qal: Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer; kif nistgħu nafu t-triq? Wieġbu Ġesù: Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.

Ant. 2: Tumas, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu. Rajna l-Mulej, hallelujah

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

 

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tumas, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu. Rajna l-Mulej, hallelujah

Ant. 3: Midd idek, u ara l-marka ta’ l-imsiemer: tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen, hallelujah.

 

Kantiku Ef 1:3-10

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

 fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba;

iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu, *

skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,

 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fl-Għażiż tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu, *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

 

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu, †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:

 

 jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Midd idek, u ara l-marka ta’ l-imsiemer: tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:11-13

 

 Kristu ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin, ħalli b’hekk jitrawwmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fl-għarfa ta’ l-Iben ta’ Alla. Insiru Raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Xandru fost il-ġnus * is-sebħ tal-Mulej. Xandru.

V/. Fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. * Is-sebħ tal-Mulej. Glorja. Xandru.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Jien ressaqt sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, u għedt: Mulej tiegħi u Alla tiegħi, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Jien ressaqt sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, u għedt: Mulej tiegħi u Alla tiegħi, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, aħna, li nbnejna fuq is-sisien ta’ l-Appostli, nitolbu lil Alla, il-Missier li jista’ kollox, għall-poplu qaddis tiegħu, u ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-Knisja tiegħek.

Missier, int ridt li Ibnek iqum mill-imwiet u jidher l-ewwel lill-Appostli:

- agħmel li aħna nwasslu l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.

Int bgħatt lil Ibnek fid-dinja biex ixandar il-bxara t-tajba lill-fqar:

- agħmel li aħna nwasslu l-Evanġelju lill-ħlejjaq kollha.

 Inti bgħattilna lil Ibnek biex jiżra fina l-kelma tiegħek:

- agħtina li, wara t-taħbit tagħna biex niżirgħu l-kelma, niġbru l-frott tagħha bil-ferħ.

Int bgħatt lil Ibnek biex b’demmu jerġa’ jħabbeb lid-dinja miegħek:

- għinna biex naħdmu lkoll id f’id għal din il-ħbiberija.

Int qegħidt lil Ibnek fil-lemin tiegħek fis-sema:

- daħħal lil ħutna l-mejtin fl-hena tas-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nifirħu bil-festa ta’ l-appostlu San Tumas, u li, bl-għajnuna tat-talb tiegħu, nissaħħu dejjem iżjed fil-fidi biex ikollna l-ħajja fl-Isem ta’ dak li hu għarfu b’Mulej, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.