Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...

 

1 ta’ Novembru

 

IL-QADDISIN KOLLHA

 

Solennità

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Kristu, Feddej tagħna,

agħti widen għat-talb qawwi

ta’ Marija dejjem Verġni,

żommna sħaħ fil-għaqda miegħek.

 

Jieqfu magħna wkoll il-qtajja’

ta’ l-ispirti kbar tas-sema,

u jbegħduna minn kull ħsara

ta’ l-imgħoddi, t’issa w t’għada.

 

Il-profeti ma’ l-Appostli

jerfgħu lejk it-talba tagħna,

biex, fit-tjieba u l-ħniena tiegħek,

niġbru l-frott tas-salvazzjoni.

 

L-għadd sabiħ tal-martri tiegħek,

il-ġemgħat tal-konfessuri,

imexxuna lejk biex magħhom

niġu naqsmu l-ferħ u l-hena.

 

Saffi ‘l qalbna bil-għajnuna

ta’ l-għarajjes verġni tiegħek,

ta’ l-irħieb u l-kotra kollha

ta’ l-erwieħ qaddisa ħbiebek.

 

Nadurawk, Mulej, Sid tagħna,

mal-Missier u ma l-Ispirtu:

nittamaw, bil-grazzja tiegħek,

li tiġmagħna lkoll fis-sema. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Jiddi d-dawl ta’ dejjem lill-qaddisin tiegħek, għal dejjem ta’ dejjem, Mulej, hallelujah.

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Jiddi d-dawl ta’ dejjem lill-qaddisin tiegħek, għal dejjem ta’ dejjem, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Int, Ġerusalemm, belt ta’ Alla, għad titgħaxxaq b’uliedek, għax ilkoll għad jitbierku u jinġabru quddiem il-Mulej, hallelujah.

  

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. 

Glorja.

 

Ant. 2: Int, Ġerusalemm, belt ta’ Alla, għad titgħaxxaq b’uliedek, għax ilkoll għad jitbierku u jinġabru quddiem il-Mulej, hallelujah.

Ant. 3: Il-qaddisin bdew jgħannu għanja ġdida quddiem it-tron ta’ Alla u l-Ħaruf, u leħenhom instema’ jidwi ma’ l-art kollha, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Il-qaddisin bdew jgħannu għanja ġdida quddiem it-tron ta’ Alla u l-Ħaruf, u leħenhom instema’ jidwi ma’ l-art kollha, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 12:22-24

 

Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn l-eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa, lejn il-ġemgħa ta’ l-ulied ewlenin u isimhom hu miktub fis-sema, lejn Alla, l-imħallef ta’ kulħadd, lejn l-erwieħ ta’ nies twajba magħmulin perfetti, lejn Ġesù, il-medjatur ta’ patt ġdid, u lejn id-demm imraxxax tiegħu, li jitkellem b’mod aqwa minn dak ta’ Abel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-bnedmin ġusti jithennew * Quddiem il-Mulej Alla tagħhom. Il-bnedmin.

V/. Jifirħu u jaqbżu bil-ferħ. * Quddiem il-Mulej Alla tagħhom. Glorja. Il-bnedmin

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Lilek tfaħħar il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli, lilek ifaħħar l-għadd sabiħ tal-profeti, lilek ifaħħru l-qtajja tal-martri rebbieħa kollhom bjuda, lilek ifaħħru b’leħen wieħed il-qaddisin u l-maħturin kollha, Trinità qaddisa, Alla wieħed.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Lilek tfaħħar il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli, lilek ifaħħar l-għadd sabiħ tal-profeti, lilek ifaħħru l-qtajja tal-martri rebbieħa kollhom bjuda, lilek ifaħħru b’leħen wieħed il-qaddisin u l-maħturin kollha, Trinità qaddisa, Alla wieħed.

 

PREĊI

 

Nuru l-ferħ tagħna quddiem Alla, li hu l-glorja tal-qaddisin kollha tiegħu, u nitolbuh:

Salvana, Mulej, bit-talb tal-qaddisin.

Alla ta’ għerf bla qjies, int permezz ta’ Kristu qegħedt l-Appostli s-sisien tal-Knisja:

- żomm lill-fidili tiegħek fit-tagħlim tagħhom.

Int qawwejt lill-martri biex jagħtuk ix-xhieda tagħhom sa bit-tixrid ta’ demmhom:

- għin lill-insara biex ikunu dejjem xhieda fidili ta’ Ibnek.

Int ħabbejt lill-qaddisin verġni u tajthom id-don kbir li jsiru jixbhu lil Kristu verġni:

- ieqaf ma’ dawk li kkonsagrawlek il-verġinità tagħhom u agħmel li jħarsu lejha bħala sinjal speċjali tal-ġid tas-sema.

Int, fil-qaddisin kollha, turina l-preżenza tiegħek u wiċċek, u tgħarrafna l-kelma tiegħek:

- agħmel li, bil-ġieħ li nagħtu lilhom, inħossu ruħna aktar qrib lejk.

Ħenn għal ħutna l-mejtin, u iġborhom għal dejjem madwarek, mal-Verġni mqaddsa Marija, ma’ San Ġużepp u mal-qaddisin kollha:

- bit-talb tagħhom għalina, wassal lilna wkoll magħhom fis-sema.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Alla hu gglorifikat fil-laqgħa tal-qaddisin: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Ġesù, li tgħammar f’dawl il-glorja,

int waħdek it-triq tagħna, t-tama u l-ħajja:

ilqa’ t-tifħir li, bl-umiltà ta’ qalbna,

 illum noffrulek.

 

Madwarek l-anġli tas-smewwiet jifirħu

u jbierku lil qdusitek bla ma jieqfu;

lilek ifaħħru l-qaddisin u jgħannu

 lit-tjieba tiegħek.

 

Għall-merti ta’ Marija l-Verġni Mqaddsa,

u ta’ dawk kollha li sejjaħt għall-premju,

żomm il-kastig li jistħoqqilna, w fejjaq

 il-mard ta’ ruħna.

 

Agħmel, Mulej, li fuq din l-art imsejkna

ma nehdew qatt nagħtuk it-tifħir tagħna,

biex inkompluh lit-Trinità Qaddisa

 fil-ferħ fil-ferħ ta’ dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kbir hu ismek, Mulej, għax bis-sebħ u l-ġmiel żejjint lill-qaddisin tiegħek, u qegħedthom fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk.

  

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

'il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 1: Kbir hu ismek, Mulej, għax bis-sebħ u l-ġmiel żejjint lill-qaddisin tiegħek, u qegħedthom fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk.

Ant. 2: Henjin ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw ‘l Alla.

 

Salm 14 (15)

 

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? *

Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, *

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu, †

ma jagħmilx deni lil ġaru, *

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin, *

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu; †

min jislef u ma jitlobx imgħax, *

u ma jieħu xejn kontra min hu bla ħtija.

 

Min jagħmel dan, *

qatt ma jitħarrek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Henjin ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw ‘l Alla.

Ant. 3: Int għallimt it-triq tal-ħajja lill-qaddisin, Mulej, u tajthom il-milja tal-ferħ quddiemek.

 

Salm 15 (16)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi; *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

 

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *

messni sehem tassew għal qalbi.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 3: Int għallimt it-triq tal-ħajja lill-qaddisin, Mulej, u tajthom il-milja tal-ferħ quddiemek.

 

V/. Ħarsu lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċkom.

R/. U ma jkollkomx għax tistħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi Apok 5:1-14

 

Mifdijin għal Alla minn kull tribù u lsien u poplu u nazzjon

 

Jien, Ġwanni, lil dak li hu bilqiegħda fuq it-tron rajtlu f'idu l-leminija ktieb miktub minn ġewwa u minn barra, magħluq b'seba' siġilli. U rajt anġlu ta' saħħa kbira, qiegħed ixandar b'leħen jgħajjat: "Min hu li jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb u jikser is-siġilli li għandu?" U ħadd, la fis-sema u la fl-art u lanqas taħt l-art, ma kellu l-ħila jiftaħ il-ktieb u jara x'fih. U jiena nfexxejt f'bikja kbira, għax ma nstab ħadd li kien jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb, u jara x'fih. Mbagħad wieħed mix-Xjuħ qalli: "Tibki xejn; ara, l-Iljun tat-tribù ta' Ġuda, ir-Rimja ta' David, ħareġ rebbieħ, u se jiftaħ il-ktieb u s-seba' siġilli li għandu."  Mbagħad, bejn it-tron u l-erba' Ħlejjaq Ħajjin u f'nofs ix-Xjuħ rajt li kien hemm Ħaruf, bħallikieku kien maqtul, b'sebat iqrun u seba' għajnejn, li huma s-seba' Spirti ta' Alla mibgħutin fuq l-art kollha. U l-Ħaruf resaq jieħu l-ktieb mill-id il-leminija ta' dak li qiegħed fuq it-tron; u kif ħa l-ktieb marru jinxteħtu quddiem il-Ħaruf l-erba' Ħlejjaq Ħajjin, u wkoll l-erbgħa u għoxrin Xiħ, li kull wieħed minnhom kellu ċetra u xi bwieqi tad-deheb mimlija bl-inċens, li huma t-talb tal-qaddisin ; u bdew jgħannu għanja ġdida u jgħidu: "Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb, u tiftaħ is-siġilli tiegħu, għax int kont maqtul, u b'demmek fdejt għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin li għad isaltnu fuq l-art." Mbagħad ħarist u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna Anġli. L-għadd tagħhom kien għexur u eluf, u eluf ta' eluf, jgħidu b'leħen qawwi: "Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir." U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom jgħidu:  "Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf, jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma, għal dejjem ta' dejjem." L-erba' Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu: "Amen!" filwaqt li x-Xjuħ inxteħtu jagħtu qima.

 

RESPONSORJU Apok 11:17; 1:4; ara 11:18; Salm 144(145):10

 

R/. Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista’ kollox, li int u li kont, * Talli bdejt issaltan, u wasal iż-żmien li jingħata l-ħlas mistħoqq lill-qaddejja tiegħek u lill-qaddisin.

V/. Kull ma għamilt li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu. * Li ta lilu nnifsu għal dnubietna

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ San Bernard, abbati

 

Inħaffu għal għand ħutna li qegħdin jistennewna

 

Għalfejn dan it-tifħir tagħna lill-qaddisin? Għalfejn din il-glorja? Għalfejn din il-festa ta’ llum? Għalfejn dan il-ġieħ fuq l-art, lil dawk li l-Missier jagħtihom ġieħ fis-sema, kif tassew wegħedna l-Iben? Għalfejn dan it-tifħir bil-għana? Il-qaddisin ma jeħtiġux it-tifħir tagħna, ma tiswielhom xejn id-devozzjoni tagħna. Lilna jaqbel, u mhux lilhom, jekk inqimu t-tifkira tagħhom. Ngħid għalija, jien inħoss fija xewqa kbira ta’ ħeġġa ta’ mħabba meta niftakar fil-qaddisin.

L-ewwel xewqa li tqanqal fina t-tifkira tal-qaddisin u tħeġġiġna dejjem aktar hi li nissieħbu għal dejjem magħhom fl-hena tant mixtieq minna, li jistħoqqilna nkunu magħhom bħala ċittadini tas-sema, li ngħammru fis-sema flimkien ma’ l-anġli, nitħalltu mal-patrijarki, nissieħbu max-xirka tal-profeti, mal-kulleġġ ta’ l-Appostli, mal-qtajja’ bla għadd tal-martri, mal-kotra tal-konfessuri u mal-kori tal-verġni: f’kelma waħda, l-ewwel xewqa tagħna li tqanqal fina t-tifkira tal-qaddisin hi li nkunu ħaġa waħda u nifirħu flimkien max-xirka kollha tal-qaddisin. Il-Knisja ta’ l-insara ta’ l-ewwel żminijiet tistenniena, u aħna ftit inħabblu rasna; il-qaddisin jixtiquna magħhom, u aħna ma jimpurtaniex; jistennewna l-ġusti, u aħna ma nagħtux kas.

Ħa nqumu xi darba, ħuti, mill-għażż tagħna! Ħa nqumu ma’ Kristu, ħa nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema. Ħa nixtiequ ‘l dawk li jixtiquna magħhom! Ħa nħaffu lejn dawk li qegħdin jistennewna! Ħa nersqu bit-talb tagħna quddiem dawk li lesti biex jilqgħuna magħhom! U mhux biss għandna nixtiequ li nkunu flimkien mal-qaddisin: għandna nixtiequ wkoll l-hena tagħhom. B’ħeġġa li ma bħalha għandna nħabirku bla heda għall-glorja li qed igawdu dawk, li magħhom aħna nixtiequ nkunu. Xewqa bħal din ma tagħmlilniex ħsara; m’hemmx periklu fit-tħabrik għal din il-glorja.

It-tieni xewqa li tħeġġeġ fina, meta nagħmlu t-tifkira tal-qaddisin, hi li kif Kristu, li hu l-ħajja tagħna, deher lilhom, hekk jidher lilna biex aħna wkoll nidhru flimkien miegħu fil-glorja. Sa dan it-tant, Kristu, ir-ras tagħna, jidhrilna, mhux kif inhu mżejjen bil-glorja imma kif sar għalina, inkurunat bix-xewk ta’ dnubietna. Meta Kristu, ir-ras tagħna, hu inkurunat bix-xewk, u meta hu mlibbes mantar aħmar skur, b’sinjal mhux ta’ ġieħ imma ta’ żebliħ, ma jmissniex nistħu aħna, il-membri tiegħu, li moħħna biss f’ħajja ta’ kumdità? Meta Kristu jerġa’ jiġi, ma titħabbarx aktar il-mewt tiegħu, biex nifhmu li aħna wkoll mitna, u ħajjitna hi moħbija flimkien miegħu f’Alla. Kristu, ir-ras tagħna, jidher fil-glorja, u miegħu l-membri kollha tiegħu jiddu fil-glorja, meta l-ġisem imsejken tagħna jinbidel fis-sura tal-ġisem glorjuż tar-ras tagħna, li hu Kristu.

Għandna nixtiequ din il-glorja kollha bla biża’ ta’ xejn; iżda biex inkunu nistgħu nittamaw li niksbuha, biex nixxennqu għal dan l-hena kollu, neħtieġu ħafna t-talb tal-qaddisin, ħalli dak li ma nistgħux niksbu bil-ħila tagħna, jingħatalna bit-talb tagħhom.

 

RESPONSORJU Apok 19:5b. 6b; Salm 32(33):1

 

R/. Faħħru lil Alla tagħna, qaddejja tiegħu kollha, u intom li tibżgħu minnu, kemm iż-żgħar u kemm il-kbar; * Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox.

V/. Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. * Għax ħa s-saltna l-Mulej Alla tagħna li jista’ kollox.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Salvatur ħanin tad-dinja,

ieqaf magħna li fdejt b’demmek;

tgħinna niksbu s-salvazzjoni

l-Omm qaddisa w kbira tiegħek.

 

L-anġli kollha, u l-patrijarki

mal-profeti ta’ l-imgħoddi,

jitolbuk bil-merti tagħhom

biex tagħtina l-maħfra tiegħek.

 

Ħa jħolluna minn dnubietna

il-Battista, li ġie qablek,

Pietru, l-blata mqiegħda minnek,

u l-Appostli l-oħra kollha.

 

Ħalli jersqu lejk il-martri,

dawk li qdewk fis-saċerdozju,

u l-għarajjes safja tiegħek,

biex teħlisna minn ħtijietna.

 

Ilqa’ t-talb magħmul għalina

mill-irħieb li qdewk moħbija;

żommna dejjem sħaħ, għall-merti

ta’ l-erwieħ qaddisa kollha.

 

Ġieħ u glorja lilek, Kristu

lill-Missier u lill-Ispirtu,

li fid-dawl ta’ l-għaġeb tagħkom

jgħixu l-qaddisin fis-sema. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-qaddisin jgħammru fis-saltna tas-smewwiet; hemm jistrieħu għal dejjem, hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Il-qaddisin jgħammru fis-saltna tas-smewwiet; hemm jistrieħu għal dejjem, hallelujah.

Ant. 2: Qaddisin tal-Mulej, bierku l-Mulej għal dejjem.

  

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Qaddisin tal-Mulej, bierku l-Mulej għal dejjem.

Ant. 3: Dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha, għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu; dan hu ġieħ għall-qaddisin tiegħu kollha.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhomħ

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3: Dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha, għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu; dan hu ġieħ għall-qaddisin tiegħu kollha.

  

LEZZJONI QASIRA Ef 1:17-18

 

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħrfuh, u jdawwlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt tiegħu mal-qaddisin.

  

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ifirħu, twajbin. * U ithennew fil-Mulej. Ifirħu.

V/. Għajjtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja. * U ithennew fil-Mulej. Glorja. Ifirħu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

 Il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-saltna ta’ Missierhom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-saltna ta’ Missierhom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Nuru l-ferħ tagħna quddiem Alla, li hu l-glorja tal-qaddisin kollha tiegħu, u nitolbuh.

Salvana, Mulej, bit-talb tal-qaddisin.

O Alla, għajn tal-qdusija, int fil-qaddisin tiegħek urejtna f’dawl kbir l-għeġubijiet tal-grazzja tiegħek, li hi ta’ kull xorta:

- għallimna niċċelebraw il-kobor tiegħek fihom.

O Alla ta’ dejjem, bi provvidenza l-aktar ħelwa inti wrejtna fil-qaddisin xbihat perfetti ta’ Ibnek:

- agħmel li l-eżempji tagħhom iqanqluna biex infittxu ningħaqdu dejjem iżjed ma’ Kristu.

Sultan tas-sema, int tinqeda b’dawk li mxew bil-fedeltà wara Kristu, biex bihom tħeġġeġ fina x-xewqa tal-belt li għad trid tiġi:

- agħtina d-dawl biex minnhom nitgħallmu t-triq l-aktar żgura li twassalna fil-belt mixtieqa.

O Alla, bis-sagrifiċċju tal-ġisem ta’ Ibnek int tgħaqqadna maċ-ċittadini tas-sema b’rabta aktar sħiħa:

- kabbar il-qima u l-imħabba tagħna lejk, biex ngħixu skond ma jitlob minna l-ġieħ li nagħtuhom.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

Salmodija komplementari

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej ifarraġ lil Sijon; hena u ferħ ikunu jinsabu fiha, radd il-ħajr u leħen il-għana.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Il-popli jtennu l-għerf tal-qaddisin, u l-Knisja kollha xxandar it-tifħir tagħhom.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Bil-qawwa tal-fidi l-qaddisin rażżnu saltniet, għamlu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdiet.

 

Fid-disgħa ta’ filgħodu

 

Salm 119 (120)

 

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

 

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

 

Imsejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!

Ili ngħix biżżejjed *

ma' dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *

insibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

 

Salm 120 (121)

 

Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet; *

mnejn se tiġini l-għajnuna?

Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod *

dak li jħares lil Iżrael.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *

anqas il-qamar billejl.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *

minn issa u għal dejjem.

 Glorja.

 

Salm 121 (122)

 

Fraħt meta qaluli: *

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

"Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!" 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

 

F’nofsinhar

 

Salm 122 (123)

 

Lejk nerfa' għajnejja, *

int li tgħammar fis-smewwiet.

 

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *

sa ma jkollu ħniena minna.

 

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *

għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *

biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 Glorja.

 

Salm 123 (124)

 

Li ma kienx il-Mulej magħna *

 - ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna, *

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna, *

meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

 

L-ilma kien jgħarraqna, *

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi *

mewġ ta' l-ilma qawwi.

 

Imbierek il-Mulej, *

li ma telaqniex priża għal snienhom.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

 

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 Glorja.

 

Salm 124 (125)

 

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu jdejhom għall-ħażen.

 

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta' qalbhom safja.

Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen.

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

 

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

Ma jinfixilx meta jiltaqa'

ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

Glorja.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

 fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Il-Mulej ifarraġ lil Sijon; hena u ferħ ikunu jinsabu fiha, radd il-ħajr u leħen il-għana.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 65:18-19

 

Għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem minħabba f’dak li għad naħlaq jien. Arani! Se naħlaq Ġerusalemm għall-hena, poplu tagħha għall-ferħ. Jien nifraħ b’Ġerusalemm u nitgħaxxaq bil-poplu tiegħi. Ma jinstamax aktar fiha leħen il-biki, anqas leħen in-niket.

 

V/. Ifirħu u ithennew, qaddisin kollha.

R/. Għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Il-popli jtennu l-għerf tal-qaddisin, u l-Knisja kollha xxandar it-tifħir tagħhom.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:15-16

 

Bħalma qaddis hu dak li sejjħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub: Kunu qaddisin, għax qaddis jien.

 

V/. Ifirħu, ġusti, fil-Mulej.

R/. U faħħru l-isem qaddis jien.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Bil-qawwa tal-fidi l-qaddisin rażżnu saltniet, għamlu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdiet.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 21:10-11a; 22:3b-4

 

L-Anġlu ħadni fl-Ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bis-sebħ ta’ Alla fiha. Fiha jkollha t-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf, u l-qaddejja tiegħu jaqduh, jaraw wiċċu, u jkollhom ismu fuq ġbinhom.

 

V/. Mulej, il-ġusti jfaħħru ismek.

R/. U t-tajbin jgħammru quddiemek.

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Kristu, Feddej tagħna,

agħti widen għat-talb qawwi

ta’ Marija dejjem Verġni,

żommna sħaħ fil-għaqda miegħek.

 

Jieqfu magħna wkoll il-qtajja’

ta’ l-ispirti kbar tas-sema,

u jbegħduna minn kull ħsara

ta’ l-imgħoddi, t’issa w t’għada.

 

Il-profeti ma’ l-Appostli

jerfgħu lejk it-talba tagħna,

biex, fit-tjieba u l-ħniena tiegħek,

niġbru l-frott tas-salvazzjoni.

 

L-għadd sabiħ tal-martri tiegħek,

il-ġemgħat tal-konfessuri,

imexxuna lejk biex magħhom

niġu naqsmu l-ferħ u l-hena.

 

Saffi ‘l qalbna bil-għajnuna

ta’ l-għarajjes verġni tiegħek,

ta’ l-irħieb u l-kotra kollha

ta’ l-erwieħ qaddisa ħbiebek.

 

Nadurawk, Mulej, Sid tagħna,

mal-Missier u ma l-Ispirtu:

nittamaw, bil-grazzja tiegħek,

li tiġmagħna lkoll fis-sema. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Rajt kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens, weqfin quddiem it-tron.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Rajt kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens, weqfin quddiem it-tron.

Ant. 2: Alla għaddiehom mill-prova, u sab li jistħoqqilhom ikunu miegħu, għalhekk il-Mulej iżejjinhom bil-ġieħ tas-slaten.

 

Salm 115 (116B)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Alla għaddiehom mill-prova, u sab li jistħoqqilhom ikunu miegħu, għalhekk il-Mulej iżejjinhom bil-ġieħ tas-slaten.

Ant. 3: Mulej Alla, int fdejtna b’demmek minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamiltna saltna għal Alla tagħna.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Mulej Alla, int fdejtna b’demmek minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamiltna saltna għal Alla tagħna.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 6:16b; 7:1

 

Aħna t-tempju ta’ Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla: Ngħammar f’nofshom u nimxu magħhom: inkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. Meta għandna dawn il-wegħdiet, ejjew nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u r-ruħ għeżież tiegħi, ntemmu l-qdusija tagħna fil-biża’ ta’ Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Qaddisin u bnedmin ġusti, * Ifirħu fil-Mulej. Qaddisin.

V/. Għax Alla għażilkom b’wirt tiegħu. * Ifirħu fil-Mulej. Glorja. Qaddisin. Imbierek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Kemm hi kbira l-glorja tas-saltna fejn il-qaddisin kollha jgħixu ferħana ma’ Kristu! Libsin ilbiesi twal bojod, huma jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Kemm hi kbira l-glorja tas-saltna fejn il-qaddisin kollha jgħixu ferħana ma’ Kristu! Libsin ilbiesi twal bojod, huma jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur.

 

PREĊI

 

Nuru l-ferħ tagħna quddiem Alla, li hu l-glorja tal-qaddisin kollha tiegħu, u nitolbuh:

Salvana, Mulej, bit-talb tal-qaddisin.

Alla ta’ għerf bla qjies, int permezz ta’ Kristu qegħedt l-Appostli s-sisien tal-Knisja:

- żomm lill-fidili tiegħek fit-tagħlim tagħhom.

Int qawwejt lill-martri biex jagħtuk ix-xhieda tagħhom sa bit-tixrid ta’ demmhom:

- għin lill-insara biex ikunu dejjem xhieda fidili ta’ Ibnek.

Int ħabbejt lill-qaddisin verġni u tajthom id-don kbir li jsiru jixbhu lil Kristu verġni:

- ieqaf ma’ dawk li kkonsagrawlek il-verġnità tagħhom u agħmel li jħarsu lejha bħala sinjal speċjali tal-ġid tas-sema.

Int, fil-qaddisin kollha, turina l-preżenza tiegħek u wiċċek, u tgħarrafna l-kelma tiegħek:

- agħmel li, bil-ġieħ li nagħtu lilhom, inħossu ruħna aktar qrib lejk.

Ħenn għal ħutna l-mejtin, u iġborhom għal dejjem madwarek, mal-Verġni Mqaddsa Marija, ma’ San Ġużepp u mal-qaddisin kollha:

- bit-talb tagħhom għalina, wassal lilna wkoll magħhom fis-sema.

 

Missierna

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

- f’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.