IR-RABA’ KTIEB

TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU

FUQ IS-SAGRAMENT TA’ L-ALTAR

 

Sejħa ħelwa għat-tqarbin imqaddes

 

ĠESU KRISTU

 

‘’Ersqu lejja, intom ilkoll l-imħabbtin u li tħossu t-toqol tat-tagħbija, u jien inserraħkom’’ igħid il-Mulej. Il-ħobż li nagħtikom hu l-ġisem tiegħi għall-ħajja tad-dinja. Ħudu u kulu, dan hu l-ġisem tiegħi, li jkun mogħti għalikom; dan agħmluh b’tifkira tiegħi. Min jiekol il-ġisem tiegħi u jixrob id-demm tiegħi jkun fija u jien fih. Il-kliem li għidtilkom, hu ruħ u ħajja.’’

 

KAP 1

 

B’liema qima għandna nirċievu lil Kristu

IR-RUĦ

1.Dan hu kliem tiegħek, o Ġesu, is-sewwa ta’ dejjem għalkemm ma ntqalx ħabta waħda u anqas inkiteb imkien wieħed. La darba mela dan hu kliem tiegħek kollu minnu, jaħtieġli nilqgħu bil-ferħ u noqgħod għalih bis-sedqa kollha. Kliemek hu, iva, u inti għidtu; imma hu tiegħi wkoll, għax għall-ġid tiegħi int għidtu. Bil-ferħa nisimgħu minn fommok, biex aktar ingħożżu f’qalbi. Kliem bħal dan kollu ħniena, ħlewwa u mħabba, jimlieni bil-ħila; imma mbagħad dnubieti jkexkxuni u l-kuxjenza bit-tkasbir tagħha ma tħallinix nilqa’ misteri tant kbar. Il-ħlewwa ta’ kliemek tiġbidni lejk: imma l-kotra u t-toqol ta’ dnubieti jgħattuni.

2.Int tridni nersaq lejk bħala iben, biex ikolli sehem miegħek; tridni niekol dak l-ikel ta ħajja ta’ dejjem, jekk irrid nirbaħ il-ħajja u l-glorja ta’ bla tmiem. Inti tgħid: ‘’Ejjew għandi intom ilkoll li taħdmu u li tinsabu mħabbtin, u jien inserraħkom. ‘’O kelma ħelwa u ta’ l-aqwa mħabba f’widnejn il-midneb, li biha int, Sinjur Alla tiegħi, tistieden għat-tqarbin tal-Ġisem imqaddes tiegħek lil min hu fqir u min xejn ma għandu! Għax jien min jien, Mulejja, biex nissogra nersaq lejk? Oh, x’għaġeb! Is-smewwiet tas-smewwiet ma jesgħukx; u mbagħad int tgħid: ‘’Ejjew ilkoll għandi.’’

            3. Xi jfisser din l-umilta tiegħek tant ħelwa, din istedina kollha mħabba? Kif sejjer nissogra nersaq lejk, jien li ma nafx li għamilt ebda ġid, li bih nista’ nqawwi qalbi? Kif nista, nistiednek ġewwa dari, jien li tant drabi regħextek? L-Anġli u l-Arkanġli jagħtuk qima; il-Qaddisin u t-tajbin quddiemek jitriegħdu; u mbagħad tgħid lilna: ‘’Ejjew ilkoll għandi?’’ U li ma kienx għax tgħidu int dal-kliem, Sinjur, min jista’ jemmen li hu minnu? U li ma kontx int li trid hekk, min ikollu l-ħila jersaq lejk?

4. Jekk Noe, raġel sewwa, dam jaħdem mitt sena sa bena l-arka li fiha kellhom jeħilsu mill-għarqa tmienja min-nies, kif nista’ jien inħejji ruħi f’siegħa, biex nilqa’ fija kif jixraq lil Dak li ħalaq id-dinja? Mose, il-qaddej kbir tiegħek u l-ħabib tiegħek tal-qalb, ħadem arka ta’ l-injam li ma jsewwisx u ksieha b’deheb l-aktar fin, biex iqiegħed fiha t-twavel tal-Liġi;  u jien, daqsxejn ta’ bniedem imkasbar, għandi ħila nersaq u nilqa’ lilek, li għamilt il-Liġi u li tagħti l-ħajja? Salamun, l-egħref fost is-slaten ta’ Israel, seba’ snin dam jibni dak it-tempju l-aktar sabiħ, għat-tifħir ta’ l-isem tiegħek. Tmint ijiem dam jagħmel il-festa tat-tiġdid tiegħu; offra elf vittma tas-sliem, u fost id-daqq tat-trombi u l-ferħ qiegħed b’qima kbira l-Arka tal-paċi fil-lok li hu kien ħejja għaliha. U jien imbagħad kollni tbajja’, u l-ifqar fost il-bnedmin, kif sejjer indaħħlek ġewwa dari jekk bil-kemm naf ninġabar inħejji ruħi dik in-nofs siegħa bil-ħrara? U jalla mqar darba waħda nġbart kif imiss dik in-nofs siegħa!

 

            5. X’ħin niftakar, o Alla tiegħi, f’kemm għamlu u kemm tħabtu dawk l-oħrajn biex jogħġbuk, kemm narani tassew bqajt lura miegħek. Kemm qasir żmien inħejji ruħi għat-Tqarbin! Bil-kemm nilħaqq ninġabar fija nnifsi, għaliex aktarx moħħi jmur f’xi ħaġ‘oħra! U b’dan kollu jien naf li quddiem il-Qdusija tiegħek, ebda ħsieb li m’hux mill-aktar safi ma għandu jiġini, f’ebda maħluq ma għandi niftakar jew imissni mmur b’moħħi, la darba sejjer nilqa’ ġewwa fija mhux xi Anġlu, imm s-Sid ta’ l-Anġli.

Xejn, imbagħad, ma għandha x’taqsam l-Arka tal-Liġi b’ta’ ġo fiha, mal-Ġisem tiegħek l-aktar safi u l-virtu tiegħu, li ebda ħadd ma jista’ jfissirhom; xejn ma għandhom x’jagħmlu dawk is-sagrifiċċI tal-Liġi l-qadima mal-vera Ostja, mal-veru sagrifiċċju tal-Ġisem tiegħek, li fih ġew mitmuma s-sagrifiċċi kollha ta’ dak iż-żmien.

 

            7. Għala ma nħossnix jien imħeġġeġ bl-aqwa ħrara meta nsib ruħi quddiemek? Għala ma narax kif nagħmel inħejji ruħi aħjar, biex nilqa’ f’qalbi l-Ġisem tiegħek, x’ħin niftakar fl-imqaddsa Patrijarki u l-Profeti, u s-Slaten ta’ dari li flimkien mal-poplu kollu b’tant ħrara u mħabba kbira kienu juruk il-qima li tistħoqqlok?

 

            8. Is-Sultan David, daqskemm kien mixgħul bl-imħabba lejk, kien jiżfen kemm jiflaħ quddiem l-Arka t’Alla, u jfaħħar bil-għana tiegħu l-ġid kbir illi int kont għamilt lil missirijietu. Hu ħadem għodda tad-daqq minn kull xorta, u kiteb Salmi, u ried li jitkantaw bil-ferħ; imqar hu kien ta’ sikwit ikanta fuq l-arpa; u mimli bil-grazzja ta’ l-Ispirtu Santu kien igħallem il-ġens ta’ Israel ifaħħar ‘l Alla bil-qalb kollha; u jbierku u jagħtih gieħ kuljum għalenija. Jekk mela dak iż-żmien kienu jqimu b’ħeġġa hekk kbira l-Arka tat-Testment; jekk it-tifħir t’Alla kien isir b’tant festa kbira; liema qima, liema ħrara ma għandux ikolli jien u kull min hu nisrani, quddiem is-Sagrament Imqaddes u x’ħin niġu biex nilqgħu f’qalbna l-Ġisem għażiż ta’ Ġesu Kristu?

 

            9. Hafna jmorrulek bosta bnadi biex iżuru r-relikwi tal-Qaddisin; u x’ħin jisimgħu bl-egħemil ta’ ħajjithom, jistagħġbu għall-aħħar; u jaraw il-ġmiel tal-knejjes tagħhom; u jbusu l-għadam imqaddes tagħhom miżmum ġol-ħarir u d-deheb. U int arak quddiemi fuq dan l-altar, o Alla tiegħi, Qaddis tal-Qaddisin, Kreatur tal-bnedmin, u sid ta’ l-Angli! Bosta drabi n-nies imorru jaraw dal-ħwejjeġ għax tiġbidhom il-kurżita u jkunu mixtiqin jarawhom, u jibqgħu ftit li xejn ma jbiddlu ħajjithom, l-aktar meta jmorru biex jiġru ġirja u mhux bil-fehma tal-ġid ta’ ruħhom. Imma fis-Sagrament ta’ l-Altar tinsab int kollok kemm int, o Alla tiegħi, Ġesu Kristu, Alla u Bniedem; u kemm-il darba wieħed jilqgħek kif imissu jkun qiegħed jirbaħ il-fidwa tiegħu ta’ dejjem. Iżda lejk tiġbidna fuq kollox mhux le l-kurżita jew xewqat oħra, imma fidi ħajja, tama mħeġġa u mħabba mseddqa.

 

            10. O Alla li ħlaqt id-dinja, kemm hi tal-għaġeb il-ħniena tiegħek magħna! Kemm ħlewwa ta’ mħabba int turi lill-magħżulin tiegħek, meta tagħti ruħek lilhom fis-Sagrament Imqaddes! Għaġeb ta’ l-egħġubijiet li l-moħħ ta’ ebda bniedem ma jista’ jifhmu, u li fuq kollox jiġbed lejk il-qlub ta’ l-imseddqin tiegħek u jixgħelhom bl-imħabba. Għaliex dawk li huma tabilħaqq miġbudin lejk u ma jfittxux għajr li jbiddlu ħajjithom, isibu f’dan is-Sagrament Imqaddes il-għajn ta’ kull virtu u ta’ l-aqwa mħabba.

 

            11. Oh, li kont tista’ tobsor x’għaġeb kbir hu dan is-Sagrament, u kemm grazzi jġib miegħu li biss il-fidili ta’ Kristu jafu bihom, imma l-ħżiena u l-ilsiera tad-dnub ma jistgħux iġarrbuhom! Dan is-Sagrament jagħni lir-ruħ bil-grazzja tas-sema u jġedded fiha l-virtu li tkun tilfet u l-ġmiel li d-dnub ikun tfielha. Dil-grazzja xi drabi hi tant qawwija, li bil-ħrara li tnissel, mhux biss ir-ruħ, imma wkoll il-ġisem  midbiel iħoss fih innifsu l-wetqa tas-saħħa.

 

            12. Kemma aħna iżda ta’ min jibkina għall-bruda u l-għażż tagħna, li ma ninxegħlux bi ħrara akbar biex nilqgħu lil Kristu Ġesu, li fih biss tinsab it-tama u l-mertu tas-salvazzjoni tagħna! Għaliex hu li qaddsilna ruħna u li fdieha; hu s-sabar tagħna f’dal-wied tad-dmugħ, u t-thennija ta’ dejjem tal-Qaddisin. Iva: ta’ min jibkih il-għama ta’ dawk il-bosta wħud li ftit li xejn jiftakru f’dan il-misterju tas-saħħa tar-ruħ, li jimla s-sema bil-hena u jwettaq id-dinja kollha. O għama u ebusija tal-bniedem, meta xejn ma jqisha grazzja bħal din; u fuq li jista’ mqar kuljum jersaq jitqarben donnu jibqa’ biex jibred għal kollox!

 

            13. Kieku dan is-Sagrament Imqaddes kien jinżamm banda waħda biss, u kien ikun ikkunsagrat minn saċerdot wieħed biss fid-dinja, b’liema ħrara, b’liema xewqat kieku mmorru l-bnedmin f’dan l-imkien wieħed u għand dan il-qassis t’Alla, biex naraw jitqaddes dan il-Misterju? U frattant illum jinsabu bosta saċerdoti, u Ġesu Kristu jiġi offert f’bosta naħiet biex aktar ma jixxerred mad-dinja t-tqarbin imqaddes aktar tidher il-grazzja u l-imħabba t’Alla fil-bnedmin.

Niżżikħajr, mela, o Ġesu ta’ l-aktar tjieba, ragħaj etern ta’ rwieħna, li għoġbok tpaxxina, lilna msejknin tturufnati, bil-ġisem u d-Demm għażiż tiegħek, u tistedinna biex nilqgħu f’qalba dawn il-misterji, u tgħidilna bil-kelma tal-fomm tiegħek: ‘’Ersqu lejja, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u fin-niket, u jien inserraħkom.’’

 

 

KAP II

F’dan is-Sagrament Alla juri lill-bniedem it-tjieba u l-imħabba tiegħu bla tarf

IR-RUĦ

1.Kollni tama fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulejja, nersaq lejk, marid kif jien lejn is-Salvatur tiegħi, bil-ġuh u bil-għatx lejn il-għajn tal-ħajja, fqir lejn is-Sultan tas-Smewwiet, ilsir lejn is-Sid tiegħi, ħolqien lejn min ħalqu, u mnikket kif jien lejn min jista’ jsabbarni. Imma kif inhi din li inti tiġi għandi? X’jiena jien biex tagħtini lilek innifsek? Kif għandu ħila midneb bħali jersaq biss quddiemek? U kif qatt imbagħad titbaxxa ruħek iżżur wieħed midneb? Int tafu l-qaddej tiegħek, u taf ukoll li xejn ma ħaqqu milli qiegħed tagħmel miegħu! Int tafu l-qaddej tiegħek, u taf ukoll li xejn ma ħaqqu milli qiegħed tagħmel miegħu! Nistqarr mela l-faqar tiegħi, u fil-ħin it-tjieba tiegħek; infaħħar il-ħniena tiegħek, u niżżikħajr għall-imħabba tiegħek bla tarf. Għall-ħniena tiegħek int tagħmlu dan, u mhux le għax jistħoqqli għall-merti tiegħi, ħalli  hekk insir jien aktar nagħraf it-tjieba tiegħek, u f’qalbi hekk jogħġob lilek, u int trid li jkun dan, ir-rieda tiegħek noqgħod għaliha. Mhux li jaħasra l-ħażen tiegħi ma jkunx ta’ tfixkil għalija!

 

2.Ġesu kollok tjieba u kollok ħniena! Kemm int ta’ min jagħtik qima, jiżżikħajr u jfaħħrek għala dejjem, talli tajtna l-Ġisem imqaddes tiegħek, li l-kobor tiegħu ebda ħadd ma jista’ jfissru! Imma f’dat-Tqarbin imqaddes x’sejjer nitolbok jien xħin nersaq ħdejn is-Sid tiegħi u naħseb li qatt ma nista’ nagħtik il-gieh li jmissek fil-waqt li nixtieq nirċevik bil-ħeġġa ta’ l-imħabba? Fiex naqbad naħseb li jkun ta’ l-akbar ġid għal ruħi ħlief niċċekken għal kollox quddiemek u nfaħħar b’qalbi kollha l-ħniena tiegħek bla tarf? Infaħħrek, o Alla tiegħi, u nsebbħek għal dejjem. U nara x-xejn tiegħi, u nerħi ruħi f’idejk.

 

3.Iva, Sinjur, int il-Qaddis tal-Qaddisin; u jien jaħasra, l-akbar midneb. Int titbaxxa  lejja, li anqas ma ħaqqni biss narfa’ għajnejja lejk. Int trid tiġi għandi. Inti trid u tixtieq titgħannaq miegħi, Int tistedinni għall-mejda tiegħek. Int tħajjarni niekol l-ikel tas-sema, il-ħobż ta’ l-Anġli, li ma hux ħaġ‘oħra ħlief inti nnifsek. Ħobż tas-sema ħaj li nżilt mis-smewwiet, u tagħti ħajja lid-dinja.

 

4.O Sinjur, x’umilta kbira tiddi minn din il-Għajn ta’ l-imħabba! U kif qatt sejrin niżżukħajr u nfaħħruk biżżejjed għal din l-imħabba u l-umilta tiegħek! O kemm kien ta’ ġid kbir għal ruħna dak il-ħsieb tiegħek ta’ meta għamilt dan is-Sagrament! U x’mejda ħelwa u ta’ hena, ta’ meta tajt lilek innifsek b’ikel tagħna! Kemm hu tal-għaġeb l-egħmil tiegħek, Mulejja! Kemm hi qawwija s-setgħa tiegħek! U min qatt iwassal biex jifhem il-wetqa tas-sewwa tiegħek! Għax int għedt kelma u kollox inħalaq; għal kelma tiegħek sar li ridt!

 

5.Oh, x’ħaġa tal-għaġeb li l-fidi biss tista’ tifhimha, imma l-moħħ ta’ bniedem ma jwassalx għaliha! Int, Sinjur Alla tiegħi, veru Alla u veru bniedem, tinsab kollox kemm int fid-daqsxejn ta’ ħobż u nbid; u min jitqarben jiekol lilek bla ma jtemmek. Int Sid tal-ħolqien kollu, li ma għandek x’tambi lil ħadd, ridt b’dan is-Sagrament tiegħek tgħammar ġewwa fina. Nitolbok mela żżommli safjin lil qalbi u lil ġismi, biex jien b’kuxjenza ferħana u nadifa nkun nista’ aktar sikwit infaħħar dan il-misterju, u nilqgħu b’ġid ta’ dejjem għal ruħi, la darba int għamiltu u ridtu għall-ġieh tiegħek u b’tifkira tiegħek ta’ dejjem.

6.Ifraħ, o ruħ tiegħi, u iżżiħajr ‘l Alla għal dan il- ġid hekk kbir li hu ħallielek b’faraġ tiegħek f’dan wied id-dmugħ. Kemm-il darba int ittenni dan il-misterju (bil-quddiesa) u tilqa’ f’qalbek il-Ġisem ta’ Kristu, tkun qiegħed iġġedded l-opra tal-fidwa tiegħek u jmissek sehem mill-merti kollha ta’ Kristu; għaliex l-imħabba ħanina ta’ Kristu ma tiġi qatt nieqsa, u l-kobor tal-ħniena tiegħu qatt ma jintemm. Mela int għandek dejjem tħejji ruħek biex tilqgħu b’ħeġġa u ħrara mill-aqwa u taħseb fuq dan il-misterju tal-fidwa tagħna fil-ġabra  u l-qima kollha. Sewwa tkun tqaddes, sewwa tkun tisma’ l-quddiesa, dan is-sagrifiċċju jrid ikun għalik ta’ l-aqwa ferħ, daqs kieku Kristu dak il-ħin niżel fil-ġuf ta’ Marija Verġni u sar bniedem, jew inkella qisu fuq is-Salib, qiegħed ibati u jmut għall-fidwa tal-bniedem.

 

KAP III

Kemm hi ħaġa tal-wetqa li wieħed jitqarben spiss

IR-RUĦ

1.Nersaq mela lejk, o Sinjur, biex b’dan Id-don imqaddsa tiegħek ruħi ssib il-wetqa tagħha, ħalli nifraħ jien bil-mejda mqaddsa tiegħek, int li bi ħnientek, Alla tiegħi, ħjejtni fil-faqar tiegħi. Fik jinsab dak kollu li nista’ u jmissni nixtieq; inti s-saħħa u l-fidwa, it-tama u l-qawwa tiegħi, il-ġieh u s-sebħ tiegħi. Farraġlu mela qalbu llum lill-qaddej tiegħek, għaliex lejk, Mulejja, Ġesu tiegħi, erfajt jien ir-ruħ tiegħi. Nixtieq il-lum nilqgħek bil-ħeġġa kollha u l-qima; nixtieq b’qalbi kollha ndaħħlek ġewwa dari, sabiex bħal Żakkew ieħor, nista’ jistħoqqli nkun imbierek minnek, u magħdud ma’ wlied Abram. Ir-ruħ tiegħi u kollni kemm jien nixxennaq għalik, u qalbi tixtieq tingħaqad miegħek.

 

2.Agħtini lilek innifsek, u xejn ma rrid iżjed għaliex barra minnek ebda ħaġa ma tista’ sabbarni Mingħajrek ma nistax ingħaddi; u jekk ma żżurnix int, ma hemmx le ħajja għalija. Għalhekk jaħtieġli ta’ sikwit nersaq lejk, u nilqgħek f’dari għas-saħħa ta’ ruħi: għax inkella naqa’ għaxi fit-triq, jekk jiġi jonqosni dan l-ikel tas-sema. Għaliex int, o Ġesu kollok ħniena, meta tgħallem lill-ġnus u tfejjaqhom mill-mardiet tagħhom, kont għidt: ‘’Ma rridx nibgħathom f’darhom sajmin, biex ma jogħxewx fit-triq.’’ Imxi mela hekk miegħi, int li ħallejtilna lilek innifsek f’dan is-Sagrament għall-faraġ ta’ l-imseddqin tiegħek. Għaliex inti int il-għajxien ħelu tar-ruħ; u min jieklok kif jixraq isir werriet u jmissu sehem mill-glorja eterna. Billi jiena ta’ sikwit niżloq fid-dnub, u bħalxejn nibred u nitgħażżen, jaħtieġli bit-talb fil-ġabra u l-qrar u bit-tqarbin ta’ Ġismek l-Imqaddes, niġġedded, nitnaddaf, u nitħeġġeġ bl-imħabba, għaliex aktar ma nitbiegħed mit-tqarbin , aktar ma nżommx mal-fehmiet tiegħi t-tajba.

 

3.Naf, Sinjur, illi l-bniedem miġbud għall ħażen sa minn tfulitu; u jekk ma tkunx int għalih bil-għajuniet tiegħek, jaqa’ fi dnubiet akbar. Għaliex it-Tqarbin imqaddes ibiegħed il-bniedem mill-ħażen, u jwettqu fis-sewwa. Jekk imqar meta nitqarben (jew inqaddes) inħossni wisq drabi tqil u biered; x’kien ikun minni li ma kontx infittex dil-għajnuna tant kbira? U għalkemm mhux kuljum inħossni mħejji biżżejjed għat-tqarbin (jew għall-quddiesa), nagħmel kemm nista’ biex jistħoqqli nirbaħ sehem minn grazzja tant kbira. Dan hu l-akbar hena tar-ruħ imseddqa, dment li hi tibqa’ bgħid minnek marbuta ma’ dal-ġisem li jmut, illi mgħannqa ma’ Alla, tilqa’ dan il-Maħbub tagħha fil-ġabra ta’ l-imħabba lejh.

 

4.Oh, il-kobor tal-ħniena tiegħek lejna kemm hu tabilħaqq tal-għaġeb! Mela int, Sinjur  Alla tiegħIi li ħlaqt u tagħti l-ħajja lill-erwieħ kollha, trid tiġi f’din ir-ruħ tant fqira, u bid-divinita u l-umanita kollha tiegħek ixxabba’ l-ġuħ tagħha! Oh, ix-xorti ta’ din il-qalb! Oh, x’hena ta’ dir-ruħ li jistħoqqilha bl-imħabba tilqa’ lilek, Sid u Alla tagħha, biex Int timlieha bil-ferħ tas-smewwiet xħin lilek tilqgħek fiha! Oh, x’Sinjur kbir sejra tilqa’ u l-ħlewwa tiegħu kemm hi kbira! X’ħabib tal-qalb sejra tilqa’ ġewwa darha. X’għarus ta’ l-aqwa ġmiel sejra tgħannaq, oħla mill-maħbubin kollha, u aktar ta’ min iħobbu mill-ħwejjeġ l-oħra kollha li tista’ tixtieq! Ħalli jisktu mela quddiemek, o Maħbub tiegħi, is-sema u l-art bil-ġmiel kollu tagħhom, għaliex bil-ġmiel kollu tagħhom u kulma bih għandhom x’jiftaħru, kollox minnek jafuh u ma jistgħu qatt jilħqu mal-ġmiel ta’ l-isem tiegħek int li d-dehen tiegħek hu bla tarf.

 

 

KAP IV

 

Alla jxerred bl-abbundanza l-grazzji tiegħu fuq dawk li jitqarbnu bil-ħeġġa ta’ l-imħabba

 

IR-RUĦ

 

1.Sinjur Alla tiegħi, trid tibda biex tgħinni int lili qaddej tiegħek, bil-barka tal-ħlewwa tiegħek, sabiex nista’ nersaq kif xieraq u bil-ħrara lejn dan is-Sagrament tiegħek ta’ l-akbar għaġeb. Ixgħelli qalbi bl-imħabba lejk, u qajjimni minn dan-ngħas tqil li fih ninsab. Ejja u xerred fuqi l-grazzja tiegħek, ħalli tista’ din ruħi dduq il-ħlewwa tiegħek, li tinsab moħbija f’dan is-Sagrament, għajn ta’ l-aqwa ġid tar-ruħ. Agħtini d-dawl ukoll f’għajnejja, sabiex nista’ nħares lejn dal-misterju tant kbir; u nitwettaq dejjem aktar fil-fidi tiegħi. Għaliex dan is-Sagrament hu egħmil tiegħek, mhux tal-ħila tal-bnedmin; int ħallejtu lilna u mhux il-bnedmin twebblu bih. Ebda bniedem ma jinsab li għandu ħila jifhem jew jaqbad ħwejjeġ tal-għaġeb bħal dawn, għaliex anqas l-Anġli bid-dehen tagħhom ma jwasslu sa daqshekk. U jien midneb li jien, ftit trab u rmied, kif nista’ ilaħħaq u nifhem dan il-misterju mqaddes?

 

2.B’qalbi f’idejja, b’fidi qawwija u umli u biex noqgħod għar-rieda tiegħek, jien  nersaq lejk, Mulejja, bit-tama u l-qima u nemmen tabilħaqq li int tinsab f’dan is-Sagrament, veru Alla u veru Bniedem. Għaliex inti tridni nilqgħek f’qalbi u miegħek nitgħannaq bl-imħabba u issa nitlob minnek għall-ħniena tiegħek li int tagħtini l-grazzja tiegħek; imma grazzja mill-aqwa, sabiex qalbi tfur bl-imħabba tiegħek, u jien le ma nfittex ebda hena ieħor għal qalbi. Għaliex das-Sagrament tant għoli u għażiż hu s-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem, hu d-duwa tal-mardijiet kollha tar-ruħ; hu jfejjaqni mill-vizzji tiegħI u jgħakkisli l-passjonijiet ħżiena; bih nirbaħ it-tentazzjonijiet jew irrażżan il-qawwa tagħhom; hu jsawweb fuqi grazzi akbar, ikattar fija l-virtu, iqawwi fija l-fidi, iwettaqli t-tama u jixgħel u jkabbar fija l-imħabba tiegħek.

3.U tabilħaqq li inti f’dan is-Sagrament bosta doni tajt, u għadek tagħti spiss lil dawk li jitqarbnu bil-ħrara; o Alla tiegħi. Feddej tiegħi, qawwa tad-dinja, u thennija ta’ ruħ il-bnedmin. F’kull tribulazzjonijiet li jinsabu fihom, int ixxerred fuqhom il-ħlewwa kbira tal-hena tiegħek, u mill-faqar u n-niket li jkunu fih, int twizinhom bit-tama tas-setgħa tiegħek, u tferrħilhom u ddawlilhom qalbhom bi grazzja ġdida u b’dal-mod, dawk li qabel it-tqarbin kienu berdin u bl-ebda ħrara, wara li jilqgħu f’qalbhom l-ikel u x-xorb tas-sema, iħossu ruħhom mibdulin għall-aħjar.

Dan li int tagħmel mal-maħbubin tiegħek hu ġej mill-għerf kbir tiegħek; sabiex huma jaraw bis-sewwa u jifhmuha kemm tabilħaqq hi żgħira l-ħila tagħhom, u liema ġid u xi grazzi kbar inti tagħti. Berdin, ebsin u tqal minnhom infushom, inti tħeġġiġhom bl-imħabba, tixgħelhom bix-xewqa u bid-devozzjoni. Min hu dak li resaq bl-umilta lejn din il-għajn tal-ħlewwa, u baqa’ ma xorobx xi ftit is-sħana tiegħu? Int hu dik il-għajn dejjem mimlija u mfawra, dak in-nar imħaġġeġ li qatt ma jbatti.

 

4.Mela, jekk jiena ma nistax nimla mill fawwara ta’ dil-għajn jew anqas ma nista’ naqta’ l-għatx tiegħi, ħallini talanqas nersaq b’fommi lejn dil-għajn tas-sema, biex minnha nixrob qatra waħda, u nistaħja mill-għatx tiegħi, imqar biex ma nogħxiex. U jekk ma nistax inkun vampa nar ta’ imħabba, bħall-Kerubini u s-Serafini, nara kif għall-inqas innissel f’qalbi d-devozzjoni u nħejji ruħi biex bit-Tqarbin ta’ dan is-Sagrament tal-ħajja jmissni mqar xrara ċkejkna mill-ħuġġieġa ta’ l-imħabba divina tiegħek. Dak kollu li hu nieqes fija, Ġesu ħanin u Salvatur imqaddes tiegħi, iva, komplih inti f’ruħi bil-ħniena u l-grazzja tiegħek; int li għoġbok issejjaħ lil kulħadd għal miegħek meta għidt: ‘’Ejjew intom li tinsabu mħabbtin u fin-niket, u jiena nserraħkom.’’

 

5.Jien ninsab imħabbat, xhieda l-għaraq ta’ ġbini; inħossni qalbi mnikkta bl-imrar;  ninsab imtaqqal bid-dnubiet, imħabbat bit-tentazzjonijiet, imdawwar u msallab b’bosta ġibdiet ħżiena, u ma għandix min iwiżinni, jaħjieni, ħlief lilek, o Sinjur Alla tiegħi, Salvatur tiegħi. F’idejk ruħi nerħi u kulma għandi, biex int iżżomm idejk fuqi u twassalni fil-ħajja ta’ dejjem. Ħudni għall-gieh u l-glorja ta’ l-isem tiegħek, inti li ħejjejtli Ġismek u Demmek b’ikel u xorb tiegħi. Agħtini grazzja, Sinjur Alla tiegħi, Salvatur tiegħi, li bit-Tqarbin ta’ sikwit tikber fija l-ħrara u l-imħabba.

 

KAP V

 

Fuq il-kobor tas-Sagrament u l-istat tas-Saċerdot

 

1.Kieku  stess int kellek il-purita u l-qdusija ta ’ l-Anġli u l-qdusija ta’ San Ġwann Battista, ma kontx jistħoqqlok tilqa’ dan is-Sagrament, jekk anqas tmissu b’idejk; għax il bniedem mhux għall-merti tiegħu jikkunsagra, u jieħu f’idejh is-Sagrament ta’ Kristu, u jiekol il-ħobż ta’ l-Anġli. Kemm hu kbir mela dan il-misterju, u kemm  hu għoli l-ġieh ta’ Saċerdot, li jista’ jagħmel dak li anqas l-Anġli ma jistgħu jagħmlu! Għaliex is-Saċerdot biss ordnati li imiss mill-Knisja, jistgħu jikkunsagraw u joffru l-Ġisem. Iva, is-Saċerdot hu l-ministru t’Alla, u jgħid il-kelma ta’ Alla nnifsu meta waqqaf dan is-Sagrament: imma fil-konsagrazzjoni Alla hu dak li jkun jikkonsagra u jbiddel il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem tiegħu, għalkemm għajnejn il-bniedem ma jarawhx, għaliex kollox isir kif irid hu, kollox joqgħod għar-rieda tiegħu!

 

2.F’dan is-Sagrament hekk kbir, mela, aktar għandek temmen f’Alla li jista’ kollox milli lis-sensi tiegħek u lil dak li jidher. Għalhekk għandek tersaq lejh b’biża’ u qima kbira. Agħti mela daqqa ta’ għajn lilek innifsek, u ara ta’ min sirt ministru, meta l-Isqof qiegħed idejh fuq rasek. Inti sirt Saċerdot, ġejt ikkonsagrat biex tgħid il-quddiesa; qis mela issa, li f’ħinu u f’waqtu toffri ‘l Alla dan is-Sagrifiċċju bil-ġabra u bid-devozzjoni, u l-kuxjenza tiegħek tkun bla ebda tebgħa. Int issa ma ħaffiftx, le, it-tagħbija tiegħek, anzi rtabatt b’rabta aktar qawwija u ħajtek jaħtiġilha tkun ta’ l-akbar qdusija. Is-Saċerdot irid ikun imżejjen bil-virtu kollha, u jagħti lill-oħrajn eżempju ta’ ħajja qaddisa. Ħajtu ma tridx tkun bħal tal-bnedmin l-oħra li jgħixu fid-dinja, imma bħal ta’ l-Anġli fis-sema u ta’ l-erwieħ it-tajba ta’ fuq l-art.

 

3.Is-Saċerdot liebes l-ilbies imbierek, hu bħal Kristu ieħor, biex jitlob ‘l Alla bil-ħrara u bl-umilta għalih innifsu u għal kulħadd. Fuq sidru u fuq dahru hu jġib is-sinjal tas-Salib ta’ Kristu, b’tifkira tal-Passjoni ta’ Kristu. Quddiemu jġib is-salib fil-pjaneta biex iħares dejjem lejn il-passi ta’ Kristu, biex jimxi fuqhom bil-ħerqa kollha. Fuq dahru jġib is-salib, biex kemm moħqrija jara min-nies, hu jeħodha bis-sabar għal Alla. U jġib is-salib quddiem, biex jibki dnubietu; u jġibu warajh biex jibki, daqskemm iħenn għalihom, id-dnubiet ta’ l-oħrajn ukoll; biex jiftakar li Alla qiegħed is-saċerdot bejnu u bejn il-midneb; u biex ma jegħjiex jitlob u joffri s-sagrifiċċju mqaddes, minn qabel ma jistħoqqlu jaqla’ l-ħniena u l-maħfra.

Waqt il-quddiesa tiegħu, is-Saċerdot ikun qiegħed jagħti gieh ‘l Alla, l-Anġli jifirħu bil-hena, il-Knisja titgħaxxaq bih, iwettaq il-mistrieħ lill-mejtin u jaqlla’ għalih innifsu sehem ta’ kull ġid għar-ruħ.

 

KAP VI

Hawn ir-Ruħ titlob lil Kristu jgħallimha kif għandha titħejja għat-Tqarbin

 

IR-RUĦ

 

1.Meta nġib quddiem għajnejja, Mulejja, il-kobor tiegħek u x-xejn tiegħi, nirtoqgħod bil-biża’ u nħossni nitħawwad. Għax jekk ma nersaqx inkun qiegħed naħrab mill-ħajja, u jekk nersaq mingħajr l-indafa u l-ħrara li jixirqu, jiena nkun nonqsok. X’nibda nagħmel mela, o Alla tiegħi, għajnuna tiegħi, int li tagħtini d-dawl fit-tfixkil tiegħi?

 

2.Int għallimni t-triq li minnha għandi ngħaddi, u nissilli f’qalbi xi tħejjija qasira għat-Tqarbin imqaddes. Jiswieli wisq li nkun naf kif għandi nħejjilek qalbi fil-ġabra u l-qima, biex nilqa’ b’ġid tiegħi s-Sagrament imqaddes tiegħek, jew biex intemm das-Sagrifiċċju divin hekk kbir.        

                                                                                                

KAP VII

Fuq l-eżami tal-kuxjenza fuq il-fehma li wieħed tbiddel ħajtu

ĠESU KRISTU

1.Qabel xejn hemm bżonn li s-Saċerdot t’Alla jħejji ruħu biex jikkonsagra, joffri u jirċievi dan is-Sagrament, b’umilta u b’qima l-aktar kbira, b’fidi qawwija, b’fehma sħiħa li dan sejjer jagħmlu għall-ġieh t’Alla. Għarbel mela tajjeb il-kuxjenza tiegħek, u mill-aħjar li tista’ saffiha b’indiema vera u bi qrara umli; b’mod illi fuq qalbek ma tħoss ebda toqol li jniggiżha, jew li jżommok u ma jħallikx tersaq tqaddes. Nissel fik indiema ta’ dnubietek kollha, imma l-aktar ibki u olfoq għal dawk il-ħtijiet li taqa’ fihom ta’ kuljum; u jekk ikollok  ħin, stqarr ‘l Alla ġewwa qalbek il-miżerji kollha li fihom iġibuk il-passjonijiet tiegħek.

 

2.Ibki u tniehed fuq li int għadek hekk marbut mal-ħwejjeġ tad-dinja, ilsir tal-passjonijiet tiegħek, mimli ġibdiet ħżiena; u fuq li int ftit li xejn ma trażżan lis-sensi tiegħek, u tinsab mimli bi ħsibijiet fiergħa; li int tant miġbud għall-ħwejjeġ ta’ barra, bla xejn ma tagħti kont ta’ dawk ta’ ruħek; li int tant mogħti għad-daħk u għaċ-ċajt, u tant tiġik tqila tibki dnubietek u tindem minnhom; li tant tħobb it-tgawdija u l-pjaċiri tad-dinja, u tant tiġik bi tqila t-tbatija u tarahom żejda l-ħwejjeġ tar-ruħ; li int tant moħħok biex tisma’ x’hemm mill-ġdid u ddawwar għajnejk fuq xi ħaġa sabiħa, u tant titmeżmeż mit-tmaqdir u ż-żebliħ; li int tant tirgħib biex taħżen taħt idejk, tant xħiħ li ma tagħtix minn tiegħek, tant idek magħluqa biex ma terħix minn taħt idejk: li inti xejn kliemek ma tqishom u tant tiġik id-dinja tqila li toqgħod sieket; li tant ħajtek hi laxka; li int tant ilħiħ f’kulma tagħmel; li int tant tħobb l-ikel tajjeb, u tagħlaq widnejk għall-kelma t’Alla; li tfittex il-mistrieħ, u titwarrab mix-xogħol; u biex tisma’ l-ħrejjef, in-ngħas ma tafx bih, u mbagħad għall-ħwejjeġ t’Alla, tiġik id-dinja tqila; li jkollok mitt sena biex teħles mit-talb u tgħidu mferfex ħa tħaffef u teħles; tant traskurat biex tgħid l-offizzju, tant biered fil-Quddiesa, u fit-tqarbin tiegħek bħalxejn tħalli l-ħsibijiet tiegħek jixxerrdu, u ħaġa kbira li tkun miġbur sewwa fik innifsek; li int tant malajr jitlagħlek u tisbel u lsienek jaqta’, li int tant ħafif biex taqta’ l-ħaqq mill-oħrajn, u tant aħrax iċċanfarhom; li tant tifraħ meta kollox jiġik għal qalbek u mbagħad tintelaq la jiġik xi għawġ; li sikwit tagħmel proponimenti tajba, biex imbagħad ftit u xejn toqgħod għalihom.

 

3.La d-difetti u dan in-nuqqas tiegħek u oħrajn bħalhom tkun qerrejthom u bkejthom bi ndiema u sogħba kbira ta’ qalbek, agħmel proponiment qawwi li tbiddel ħajtek u li tgħaddi ‘l quddiem fil-virtu. Imbagħad erħi għal kollox ruħek f’idejja, u bir-raj tiegħek kollu offri lilek innifsek fuq l-altar, għall-ġieh tal-isem tiegħi b’offerta għala dejjem; jiġifieri ntelaq f’idejja, bla ma żżomm xejn għalik. B’dak mod tkun tista’ ersaq lejja biex toffri s-Sagrifiċċju ‘l Alla u tilqa’ f’qalbek is-Sagrament tal-Ġisem tiegħi b’ġid ta’ ruħek.

4.Ma tistax issir offerta isbaħ u ħlas akbar għall-maħfra tad-dnubiet, milli wieħed joffri lilu nnifsu kollu kemm hu u b’qalb safja, flimkien mas-Sagrifiċċju tal-Ġisem ta’ Kristu, fil-Quddiesa u fit-tqarbin. Jekk il-bniedem jagħmel ħiltu kollha u jindem tabilħaqq minn dnubietu, ta’ kull darba li jersaq jitlobni l-maħfra u l-ħniena tiegħi, jiena ngħidlu: ‘’Kif inhu minnu li ħaj jien, ma rridhiex il-mewt tal-midneb, imma li jbiddel triqtu u jgħix; u fi dnubietu ma niftakarx iżjed, imma kollha jinħafrulu.’’

 

KAP VIII

Fuq il-mewt ta’ Kristu fuq is-Salib u li aħna nagħtu rwieħna ‘l Alla

 

ĠESU KRISTU

1.Kif jiena b’dirgħajja miftuħa fuq is-Salib u għeri offrejt ruħi minn jeddi lil Alla l-Missier għad-dnubiet tiegħek b’mod illi ma baqa’ xejn fija li ma tajthulux lil Missier biex intaffi l-qilla tiegħu, hekk imissek int ukoll toffri ruħek lili b’qalbek kollha bħala vittma safja u mqaddsa, kuljum fil-quddiesa, bl-imħabba kollha ta’ qalbek, u l-ħeġġa kollha. X’inhu li nitlob minnek jien, ħlief li tħabrek li tagħti ruħek lili għal kollox? Tagħtini x’tagħtini jekk ma tagħtinix lilek innifsek, jien xejn ma nqisu; għax ma nħarisx lejn il-ħaġa li tagħtini; lilek irrid jien.

2.Bħalma int, kieku jkollok id-dinja kollha tiegħek, ma tkunx f’sessik sewwa jekk ma jkollokx lili, hekk ukoll jien tagħtini x’tagħtini, ma jistax ikun għal qalbi, jekk ma tagħtinix lilek innifsek. Offri u agħti ruħek lili kollok kemm int għall-imħabba t’Alla, u l-offerta tiegħek tkun mogħġuba. Ara jien, jien offrejt ruħi kollni lill-Missier minħabba fik; jien lilek tajtek Ġismi u Demmi b’ikel tiegħek, biex inkun kollni tiegħek, u inti tibqa’ tiegħi. Imma jekk int tibqa’ marbut miegħek innifsek u ma terħix ruħek f’idejja kollok kemm int, l-offerta tiegħek ma tkunx sħiħa, u bejnietna ma tistax issir il-vera rabta.

Mela jekk int trid tkun tabilħaqq b’rajk f’idejk, jekk int trid ikollok fik il-ħniena tiegħi, jaħtieġlek qabel xejn tagħmel ebda ħaġa, terħi ruħek f’idejn Alla. Għalhekk ftit huma dawk li qalbhom hi mżejna bid-dawl tas-sema u maħlula mid-dinja: għaliex ma jafux jiċħdu għal kollox lilhom infushom. Kelma waħda ngħid jien, u ma narġax minnha lura: ‘’Min ma jixħetx kulma għandu wara spallejh, ma jistax ikun minn tax-xirka tiegħi.’’ Mela int, jekk tixtieq li tkun minn ta’ ma ‘ dwari, offri ruħek lili, bix-xewqat kollha ta’ qalbek.

 

KAP IX

 

Jaħtieġ noffru ruħna u kulma fina ‘l Alla u nitolbu għal kulħadd

 

IR-RUĦ

1.Sinjur, kulma jinsab fis-sema u l-art hu tiegħek; jien nixtieq noffri ruħi lilek minn qalbi, u nibqa’ tiegħek għal dejjem. Sinjur, b’qalbi marbuta biss miegħek, noffri ruħi llum lilek b’qaddej tiegħek għal dejjem, b’qima, b’sagrifiċċju ta’ tifħir li qatt ma għandu jaqta’. Int ilqagħha din l-offerta mqaddsa flimkien mal-Ġisem tiegħek; offerta, li llum qed nagħmillek quddiem l-Anġli li hawn jinsabu ma’ dwarek bla ma narahom, ħalli hi tkun b’ġid tiegħi u tal-poplu tiegħek kollu.

 

2. Sinjur fuq dan l-altar tas-sliem noffrilek il-ħażen u d-dnubiet tiegħi kollha, li għamilt quddiemek u quddiem l-Anġli mqaddsa tiegħek, u minn dik il-ġurnata li fiha dnibt l-ewwel darba sa dal-ħin: sabiex int taħraqhom u ttemmhom kollha bin-nar ta’ l-imħabba tiegħek; tneħħili t-tbajja’ kollha ta’ dnubieti; tnaddafli l-kuxjenza tiegħi minn kull dnub; tarġa’ tagħtini l-ħniena tiegħek, li bid-dnub jien tlift; taħfirli kollox u għall-ħniena tiegħek tilqagħni għall-bewsa tal-paċi.

3. X’nista’ nagħmel għal dnubieti, ħlief li bl-umilta kollha nqerrhom u nibkihom, u bla ma nehda nitolbok l’int taħfirhomli? Nitolbok li tismagħni bil-ħniena kif ninsab hawn quddiemek, o Alla tiegħi. Jisgħobbija minn qalbi għal dnubieti; le, ma nżidx nagħmilhom, imma nindem minnhom u nibqa’ nindem sakemm nibqa’ ħaj, pront biex nagħmel penitenza u nħallas għalihom sakemm ikolli nifs.

Aħfirli, Sinjur, aħfirhomli dnubieti f’ġieh l-Isem imqaddes tiegħek: salvali lil ruħi, li int fdejtha b’Demmek il-għażiż. Iva, nerħi ruħi fil-ħniena tiegħek, nitlaq ruħi f’idejk; agħmel minni skond ma tgħidlek it-tjieba u l-ħniena tiegħek, mhux kemm jitlob il-ħaqq għall-ħażen tiegħi.

     

4.Noffrilek ukoll il-ġid kollu li għamilt għalkemm hu ftit u ħaġa ta’ xejn, sabiex inti ssaffih u tqaddsu; sabiex ikun mogħġub quddiemek, ikun għal qalbek, u dejjem iġġibu għall-aħjar; billi lili, ħatba battala u li ma tiswa għal xejn, twassalni b’wiċċ il-ġid fit-tmiem tal-għomor tiegħi.

 

5.Noffrilek ukoll ix-xewqat devoti  tar-rwieħ tajba; il-bżonnijiet ta’ qrabati, ta’ ħuti, ta’ ħbiebi, ta’ dawk kollha li jien nħobb; ta’ dawk li għall-imħabba tiegħek għamlu l-ġid lili u lil ħaddieħor; ta’ dawk kollha li xtiequ jew talbu li nitlob jew inqaddes għalihom u għall-bżonnijiet tagħhom, sew ħajjin, sew mejtin; sabiex lilhom kollha tgħinhom bil-grazzja tiegħek, thennihom bil-konsolazzjoni tiegħek, tħarishom mit-tiġrif u teħlishom mid-dwejjaq; u biex, kif tkun ħlisthom minn kull deni, jiżżukħajr bil-ferħ mill-qiegħ ta’ qalbhom.

 

6.Noffrilek ukoll it-talb tiegħi u din il-vittma tal-paċi, l-aktar għal dawk li weġġħuni, bekkewni, jew ħaqruni bi lsienhom jew li għamluli xi deni; għal dawk ukoll li jien xi darba bekkejthom, ħabbatthom, dejjaqthom jew tajthom skandlu bi kliemi u bl-egħmil sewwa kont naf bih, sewwa ma ntbaħtx, sabiex int taħfer lilna wkoll dnubietna u d-deni li għamilna lil xulxin.

Biegħed, Sinjur, minn qlubna l-ħsibijiet ħżiena fuq il-proxxmu, il-għadab, il-ġlied u dak kollu li jista’ jagħmel ħsara fl-imħabba u jnaqqas fl-imġiba t-tajba ta’ bejn l-aħwa. Ħenn, Sinjur, ħenn għalina li nitolbuk il-ħniena tiegħek; agħti l-grazzja tiegħek lil minn għandu bżonn; u agħmel li aħna ngħixu ħajja, li għaliha tisħoqqilna l-grazzja tiegħek u li nirbħu l-ħajja ta’ dejjem. Amen.

 

KAP X

Fuq li ma għandniex inħallu t-Tqarbin għal xejn b’xejn

 

ĠESU KRISTU

1.Għandek spiss tersaq lejn il-għajn tal-grazzja u tal-ħniena t’Alla, lejn il-għajn tat-tjieba u ta’ kull indafa, sabiex inti tfiq mill-passjonijiet u mid-drawwiet il-ħżiena tiegħek, u jkun jistħoqqlok li titqawwa dejjem aktar biex tkun taf tilqa’ lit-tentazzjonijiet kollha u lill-qerq tad-demonju. Il-għadu, billi jaf xi frott u x’qawwa kbira tinsab fit-Tqarbin imqaddes, sejjer idur u jfittex it-toroq kollha u jagħmel kemm jiflaħ biex lill-erwieħ it-tajba ibegħidhom mit-Tqarbin.

2.Għaliex uħud, waqt li jħejju ruħhom għat-Tqarbin imqaddes, isofru minn ġewwa tentazzjonijiet kbar mid-demonju, billi dan ir-ruħ tal-ħażen (kif jinsab miktub fil-ktieb ta’ Ġob), jindehes fost ulied Alla, iħawdilhom moħħhom biex, bil-qerq tiegħu, jara kif jimlielhom rashom bil-biża’ żejjed bil-fehma li b’daqshekk inaqqsilhom il-ħeġġa tagħhom jew itektilhom fuq il-fidi bit-tama li jberridhielhom, jew tal-anqas iġagħalhom iħallu t-Tqarbin għal kollox, jew jersqu jitqarbnu fuq qalbhom. Imma wieħed ma għandux jagħti kont ta’ dan il-qerq tiegħu, jew anqas tal-qżież u l-ħażen li jiġiblu quddiem għajnejh; anzi jmissu jxejjirlu għal rasu l-ħsibijiet kollha li jkun fesfislu. Xejn la tqisu u ibagħtu ‘l barra lid-demonju, imma t-Tqarbin imqaddes la tħallihx fuq daqshekk.

 

3.Drabi wkoll il-ħrara żejda biex wieħed-inissel id-devozzjoni f’qalbu, u l-ħafna taħbit ta’ moħħ fuq il-qrar, ibiegħdu mit-Tqarbin. Imma int imxi fuq il-parir tal-għorrief u ħallik minn dan-niket u minn dawk l-iskrupli, għax dawn ifixkluk u jtellfulek il-grazzja t’Alla, u jitfulek in-nar tar-ruħ. Għal daqsxejn ta’ ħsieb li jgħaddilek minn moħħok u għal skruplu ta’ xejn, la tħallix it-Tqarbin imqaddes: ersaq qerr bla telf ta’ żmien u aħfer minn qalbek lill-proxxmu tiegħek għal kulma naqsek; jekk imbagħad tkun għamiltlu d-deni int, itolbu maħfra bl-umilta, u Alla jaħfer lilek minnufih.

4.Issa x’tieħu billi tiddawwar żmien twil ma tersaq tqerr, jew tħalli t-Tqarbin mil-lum għal għada, x’sejjer tirbaħ? Issaffa mill-aktar fis mill-velenu li jtebbagħlek qalbek; fittex ħu d-duwa; u kif issib ruħek aħjar milli kieku toqgħod iddum. Jekk int illum ma tersaqx titqarben għal dil-ħaġa, għada forsi tiġrilek waħda akbar, u hekk għandek almu titbiegħed żmien twil mit-Tqarbin u dejjem aktar ruħek tibred.

Stenbah mill-aktar fis mill-għażż u mill-bruda li tinsab fihom; af li xejn ma jiswielek toqgħod tnikker qalbek u tħalli mil-lum għal għada u titbiegħed mill-ħwejjeġ t’Alla minħabba fit-tfixkil li kuljum tiltaqa’ magħhom. Taħbat wisq agħar jekk iddum ma titqarben; għax dan ma jistax iġiblek ħlief bruda u toqla kbira. Eh x’għama! X’uħud, ta’ qalbhom birda u ta’ ħajja laxka, bħalxejn iħallu l-qrar u jħallu mil-lum għal għada t-Tqarbin, biex bħalkieku ma jkunx jaħtiġilhom joqogħdu b’seba’ għajnejn fuqhom infushom.

 

5.Eh, jaħasra għalihom kemm għandhom ftit imħabba u kemm hi bierda d-devozzjoni ta’ dawk li għall-inqas ħaġa ta’ xejn jibqgħu ma jitqarbnux! X’hena jħoss f’qalbu u kemm hu mogħġub minn Alla dak il-bniedem li dejjem iqis igħix sewwa u jżomm il-kuxjenza tiegħu nadifa, biex imqar mixgħul dejjem bl- imħabba t’Alla, kuljum jersaq jitqarben, u jekk jista’ jkun bla ma jagħti f’għajnejn in-nies!

Imma niftiehmu; jekk wieħed xi darba jilħaq ma jersaqx jitqarben għall-umilta, jew għaliex jinqalagħlu xi għawġ li tabilħaqq ikun iżommu, dan ta’ min ifaħħru għall-qima li għandu lejn is-Sagrament; imma, imbagħad, jekk iħoss li b’daqshekk tibda tirkbu l-bruda, għandu jqis li jħeġġeġ lilu nnifsu, u jagħmel dak kollu li jista’ biex ma jitlifx it-Tqarbin u Alla jwettqu fix-xewqa tiegħu għaliex dan li Alla jixtieq.

 

6.Jekk imbagħad tabilħaqq wieħed ikollu x’iżommu li ma jitqarbinx, imma għandu xewqa kbira u fehma sħiħa li jitqarben ma jitlifx b’daqshekk il-ġid tas-Sagrament.

Kull min għandu kuxjenza tajba, jista’ kuljum u kull ħin jagħmel tqarbina spiritwali, u din ebda ħaġa ma tista’ ttellifhielu, u ġid kbir tagħmel fir-ruħ; imma mbagħad kultant, f’ċerti ġranet għandu jersaq b’qima u bi mħabba kbira jirċievi s-Sagrament tal-Ġisem tar-Redentur tiegħu, u mingħalih aktar ifittex li jfaħħar u jagħti ġieh ‘l Alla milli l-hena ta’ qalbu.

U hemm ħaġ‘oħra: kemm-il darba n-nisrani joqgħod jaħseb bid-devozzjoni fuq il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu u fuq il-Passjoni tiegħu u jħeġġeġ qalbu bl-imħabba lejh, ikun qiegħed jagħmel Tqarbina spiritwali, u ruħu dejjem aktar titħeġġeġ bl-imħabba t’Alla.

 

7.Imma min iħejji ruħu għat-Tqarbin biss meta tkun t-tali festa, jew għax hu mdorri jitqarben it-tali ġurnata, aktarx ma jkunx iħejji ruħu tajjeb. Imbierek min joffri ruħu ‘l Alla b’vittma ta’ kull darba li jqaddes, jew jersaq jitqarben.

Fil-Quddiesa. U la għandek tkun twil wisq, anqas imgħaġġel iżżejjed: int agħmel bħalma jagħmlu l-biċċa l-kbira tas-Saċerdoti li qed tgħix magħhom. Ma għandekx iddejjaq u xxabba’ lil ħadd; imma imxi fit-triq li fiha mxew ta’ qalbek; u aktar għandek tfittex li tkun ta’ ġid lill-proxxmu jew li tikkuntenta d-devozzjoni tiegħek u l-imħabba ta’ qalbek..

 

KAP XI

 

Ruħ in-Nisrani ma tgħaddix mingħajr il-ġisem ta’ Kristu u mingħajr il-Kotba Mqaddsa

 

IR-RUĦ

 

1.O Sinjur Ġesu tiegħi kollok ħlewwa kemm hu kbir il-hena ta’ dik ir-ruħ devota li tersaq miegħek fuq il-mejda tiegħek fejn l-ikel tagħha m’hux ħaġ‘oħra ħlief inti stess, il-maħbub tagħha, li hi l-aktar xewqa fuq ix-xewqat kollha ta’ qalbha! Oh! Li kont nista’, bħall-Maddalena, kollha mħeġġa bl-imħabba lejk, inxerred id-dmugħ mill-qiegħ ta’ qalbi quddiemek u bħalha naħsel riġlejk bid-dmugħ tiegħi! Imma fejnha did-devozzjoni! U mnejn inġibu dan id-dmugħ imqaddes? U frattant quddiemek u quddiem l-Anġli mqaddsa tiegħek, qalbi kien imissha tixgħel kollha bl-imħabba, u tibki bil-ferħ, la darba jien għandi lilek tabilħaqq quddiemi fis-Sagrament imqaddes, għalkemm mistur taħt xbieha oħra.

 

2.U kif sata’ qatt kien xort’oħra? Għaliex kieku għajnejja ma jifilħux iħarsu lejk imdawwar kif int b’dik id-dija tiegħek u d-dinja kollha kemm hi ma kinitx tista’ tibqa’ wieqfa bid-dija tal-kobor tiegħek! Meta int mela tinsatar fis-Sagrament, int tagħmlu għaliex iġġib quddiem għajnejk ix-xejn tiegħi.

Jiena għandi quddiemi u nagħti qima lil Dak li l-Anġli jadurawh fis-sema; imma, jien bħalissa bil-fidi, u huma wiċċ imbwiċċ u bla mistur. Jien jaħtieġli nitfarraġ bid-dawl ta’ fidi ħajja sakemm għad jiddi fuqi l-jum tad-dawl ta’ dejjem, u jkun għadda għalija żmien it-tixbihat. Għaliex meta mbagħad nasal f’dan l-istat li xejn ma jkun jonqosni, anqas ma jkun hemm iżjed is-Sagramenti; billi l-Beati, fil-glorja tas-smewwiet, ma taħtiġihomx aktar il-għajnuna tas-Sagramenti. Mogħnijin bil-preżenża t’Alla, huma jgawdu bla ma jehdew u jitgħaxxqu bil-glorja tiegħu wiċċ imbwiċċ; u għaddejjjin minn foħrija għal foħrija, sakemm jilħqu l-kobor t’Alla bla tarf; u jiġu mibdulin fih għal kollox u jgawdu l-Verb t’Alla magħmul bniedem, kif kien mill-bidu u kif jibqa’ għala dejjem.

 

3.Meta niftakar f’dawn l-egħġubijiet is-sabar stess li inti bih tagħni lil ruħi, ebda hena ma jħallili; għax sakemm ma narax bla għamad lis-Sinjur fil-glorja tiegħu, xejn ma nqisu dak kollu li nara u nisma’ fid-dinja. Int tixhidli, o Alla tiegħi, li ebda ħaġa ma tista’ thennini, ebda ħolqien ma jista’ jagħtini s-sabar tiegħi, ħadd ħlief int, Alla tiegħi, li nixtieq nitgħaxxaq bik għala dejjem. Imma dment li nibqa’ fuq din l-art, dan ma jistax iseħħ fija.

Jaħtieġli mela nwettaq din ruħi bl-aqwa sabar u f’kulma tixtieq int minni, noqgħod għalih kif jogħġob lilek. Għaldaqshekk il-Qaddisin tiegħek li jinsabu llum fil-hena miegħek fis-saltna tas-smewwiet, f’ħajjithom kienu jistennew il-miġja tal-glorja tiegħek bl-aqwa b’fidi tas-smewwiet, f’ħajjithom kienu jistennew il-miġja tal-glorja tiegħek bl-aqwa b’fidi u tama sħiħa. Dak li huma kienu jemmnu, jiena nemmnu, dak li huma kienu jittamaw fih jiena nitma fih; fejn waslu huma, għandi tama jiena wkoll li nasal. U fil-waqt, jien nimxi mimli bil-fidi, mwettaq bl-eżempju tal-Qaddisin. Għandi wkoll il-Kotba Mqaddsa biex ihennuli qalbi, u jgħallmuni kif għandi ngħix; u fuq kollox, għandi l-Ġisem imqaddes tiegħek, bħala duwa tiegħi u faraġ tiegħi.

 

4.Għaliex jien nara tabilħaqq li tnejn huma fuq kollox il-ħwejjeġ li l-aktar lili jinħtiġuli f’din il-ħajja, u li mingħarhom ma nistax ingħaddi f’din il-ħajja kollha taħbit. Miżmum kif ninsab ġewwa l-ħabs tal-ġisem, nistqarr li jien għandi bżonn ta’ żewġ ħwejjeġ: ikel u dawl. Bħala marid li jien, tajtni l-Ġisem imqaddes tiegħek, biex bih inpaxxi r-ruħ tiegħi u ‘l ġismi; u tajtni wkoll il-kelma tiegħek: biex tkun dawl li jmexxi r-riġlejn tiegħi.

Mingħajrhom dawn it-tnejn, ma nafx kif kont nista’ ngħix’ għax il-Kelma t’Alla hi d-dawl ta’ ruħi, u s-Sagrament tiegħek il-ħobż tal-ħajja. Dawn nista; nsejħilhom ukoll iż-żewġ imwejjed imqegħdin waħda hawn u oħra hemm fit-teżor tal-Knisja Mqaddsa tiegħek. Il-waħda hi l-mejda ta’ l-Altar imqaddes, bil-ħobż imqaddes fuqha, jiġifieri l-Ġisem għażiż ta’ Kristu; l-oħra hi l-mejda tal-Liġi t’Alla, li fiha jinsab miġbur it-tagħlim imqaddes, li tgħallem li għandna nemmnu u li jwassalna, bl-ebda biża’ li nintilfu, il ġewwa mill-velu fejn jinsab mistur il-Qaddis tal-Qaddisin.

 

5.Niżżikħajr, mela, Mulejja Ġesu tiegħi, dawl tad-dawl etern, li għoġbok tħejjilna l-mejda tat-tagħlim imqaddes tiegħek, bil-fomm tal-qaddejja tiegħek, il-Profeti, l-Appostli u l-Għorrief l-oħra.

Niżżikħajr ukoll int li ħlaqt u fdejt il-bnedmin, li biex turi lid-dinja kollha l-imħabba tiegħek, ħejjejt ċena kbira fejn mhux ix-xbieha ta’ ħaruf tal-Liġi l-qadima, imma l-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħek int ħejjejt għall-ikel tagħna. F’din l-istedina mqaddsa, int thenni l-imseddqin kollha u tfarraġhom bil-kalċi tal-fidwa tagħhom, fiha jinsabu t-thennijiet kollha tal-Ġenna, u fejn l-Anġli imqaddsin jitpaxxew ukoll magħna (għal kemm bħala erwieħ) u jħossu hena wisq aqwa.

 

6.Kemm hi kbira u ta’ l-aqwa għożża d-dinjita tas-Saċerdoti, li għandhom ix-xorti jikkonsagraw bi kliem imqaddes ‘l Alla ta’ l-aqwa Maesta, u li jbirkuh b’xufftejhom u jżommuh b’idejhom u jilqgħuh ġewwa l-fomm tagħhom, u li jqassmuh lill-oħrajn! Kemm għandu tassew ikun safi dak il-fomm, kemm għandu jkun qaddis dak il-ġisem, kemm tassew trid tkun bla tebgħa l-qalb tas-Saċerdot li fiha jidħol tant drabi Dak li hu Alla ta’ l-indafa! Mill-fomm tas-Saċerdot, li hekk spiss jirċievi s-Sagrament ta’ Kristu, ma jixraqx li toħroġ kelma li ma tkunx tal-qdusija, ma għandux jinstama’ ħlief kliem tal-ġid tar-ruħ.

7.Għajnejn is-Saċerdot, li kuljum iħarsu lejn il-Ġisem ta’ Kristu, iridu jkunu bla tebgħa u kollhom ġabra; u dawk idejh li ta’ kuljum igħannqu lil Dak li ħalaq is-sema u l-art, indaf, u merfugħin lejn is-sema. Għalihom is-Saċerdot l-aktar li ntqalu dawn il-kelmiet tal-Liġi (fil-Levitiku): ‘’Kunu qaddisin, għax jien, il-Mulej Alla tagħkom , jien qaddis.’’

 

8.Għinna, Mulejja li tista’ kollox, bil-grazzja tiegħek: biex, kif ġejna mgħollijin fil-grad ta’ Saċerdoti, inkunu nistgħu, kif jixraqlek, inservuk bil-qima kollha, b’qalb safja u b’kuxjenza tajba. U jekk ma nistgħux ingħaddu ħajjitna f’dik l-innoċenza, f’dik l-indafa li jmissna, agħtina grazzja għall-inqas li nibku d-dnubiet li waqajna fihom u li r-ruħ tagħna tilbes l-umilta u żżomm qawwi fil-fehma t-tajba, biex għal li ġej aktar naqduk bil-ħrara.

 

KAP XII

B’liema ħrara għandu wieħed iħejji ruħu għat-Tqarbin

ĠESU KRISTU

 

1.Jiena nħobb l-indafa, jiena li nagħti kull qdusija. Jiena nfittex qalb safja u fiha nħoss ruħi fil-mistrieħ tiegħi. Ħejjili għall-ikel sala kbira u sabiħa, ħalli nagħmel il-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi. Jekk tridni niġi għandek, u nibqa’ għandek, neħħi l-ħmira l-qadima u naddaf l-agħmara ta’ qalbek. Keċċi minnha l-ħwejjeġ tad-dinja, tħallix vizzjijiet jieħdu r-riħ fuqha, oqgħod fuq il-bejt bħal għasfur waħdu, u fl-imrar ta’ qalbek ġib quddiem għajnejk il-ħażen ta’ qalbek. Kull minn iħobb, isib iħejji l-aħjar u l-isbaħ kamra għal dak li hu jħobb, għax hawn tidher l-imħabba ta’ dak li jkun sa jilqa’ l-maħbub tiegħu.

2.. Kun af, iżda, li minnek innifsek ma tistax tħejji ruħek sewwa, avolja ddum tħejji ruħek sena sħiħa, u ma taħsibx fi ħwejjeġ oħra ħlief fija. Il-ħniena u l-grazzja tiegħi huma dawk li jħalluk tersaq lejn il-mejda tiegħi; bħalkieku wieħed fqir jiġi b’ħaġa oħra ħlief billi jumilja ruħu u jirringrazzjah. Agħmel dak li tista’ tagħmel u agħmlu bil-ħrara; u l-Ġisem tal-maħbub Sinjur u Alla tiegħek, li ndenja ruħu jiġi għandek, ilqgħu mhux għax ikun wasal iż-żmien, jew għax għal xi ħaġa, ikun jaħtieġlek titqarben; imma ilqgħu bil-biża’, bil-qima u bl-imħabba. Jien hu li sejjaaħtlek, jien li rridek titqarben; dak li hu nieqes fik inkomplih jien: ejja u ilqagħni f’qalbek.

3. Meta nagħnik bil-grazzja tad-devozzjoni f’qalbek, irringrazzja lil Alla tiegħek; dan inkun għamiltu mhux għax ikun ħaqqek, imma għax inkun ħennejt għalik. Jekk ma tħossokx titħeġġeġ imma tħossok bħal biered, kun aktar ilħiħ fit-talb, u ħabbat il-bieb; u la tiskotx sa qabel ma taqla’ farka jew qatra waħda mill-grazzja tal-ġenna; int għandek bżonni, mhux jien naħtieġlek. U anqas ġejt biex tqaddisni, imma jien ġejt biex inqaddsek, u nagħmlek aħjar. Inti tiġi għandi biex minni tkun imqaddes u tingħaqad miegħi; biex taqla’ grazzja ġdida, u biex tinxegħel mill-ġdid bil-ħrara li tbiddel ħajtek. Agħraf għożżha din il-grazzja: ħejji ruħek mill-aħjar li tista’, u ilqa’ fiha lill-Maħbub tiegħek.

4. Hemm bżonn iżda, mhux biss li int tħeġġeġ qalbek bl-imħabba qabel it-Tqarbin, imma wkoll li inti li żżommha ħajja wara li tkun irċevejt is-Sagrament; u daqskemm hemm bżonn li tħejji ruħek minn qabel bid-devozzjoni, daqstant ieħor jaħtieġlek tibża’ għal din il-grazzja. Meta wieħed jagħraf igħożż din il-grazzja, ikun qiegħed iħejji t-triq, biex ‘il quddiem jaqla’ grazzja akbar.

Min wara li jitqarben, jarġa jagħti ruħu għall-frugħa tad-dinja, jitlef kulma għamel. Int oqgħod sieket, inġabar fil-kwiet, u tpaxxa b’Alla tiegħek; għaliex meta għandek lil Dak li d-dinja kollha ma tistax teħodhulek, x’jonqsok? Lili int imissek tagħti ruħek għal kollox; imma b’mod li għal li ġej tgħix mhux fik, imma fija, bla ma tfittex xejn aktar lilek innifsek.

 

KAP XIII

Irruħ devota, fis-Sagrament tat-Tqarbin, għandha tfittex b’qalbha kollha li tirtabat ma’ Kristu.

R-RUĦ

1.Oh, li kont nista’ Sinjur, insib lilek waħdek, u miegħek qalbi kollha u ngawdik, daqskemm tixtieq ruħi u b’hekk ebda ħadd ma jkun jista’ jmerini, u ebda ħaġa maħluqa ma tkun tista’ tqanqalli qalbi u tixħet għajnejha fuqi; imma int biss tkun tkellimni u jien inkellem lilek biss, kif il-maħbub jitħaddet mal-maħbuba tiegħu u kif il-ħabib igħix qalb waħda mal-ħabib tiegħu!

Dan nitlob, dan nixtieq, li nkun ħaġa waħda miegħek; li noftom qalbi mill-ħlejjaq kollha, u li bit-Tqarbin Imqaddes u bil-Quddies ta’ kuljum nitgħallem intiegħem il-ħwejjeġ tas-sema u ta’ dejjem. Eh, Sinjur Alla tiegħi, meta sejjer ninsa għal kollox lili nnifsi, u li nkun imgħannaq miegħek u mitluf fil-kobor tiegħek? Inti fija u jiena fik, iva, Mulejja Alla tiegħi, agħmel li aħna nkunu ħaġa waħda.

2.Iva: int il-maħbub tiegħi, li tingħaraf fost l-eluf, int li ruħi tixtieq tgħammar fik matul il-ħajja kollha. Iva: int il-għaxqa tiegħi, għax fik insib is-sabar tiegħi, int fuq kollox u l-veru mistrieħ tiegħi; u barra minnek kollox hu tbatija, għali u miżerja bla tarf. Iva: int tabilħaqq Alla moħbi: int mal-ħżiena ma għandekx x’taqsam; u l-kliem tiegħek ma’ l-umli u ma’ ta’ qalbhom safja.

Kemm tabilħaqq hi ħelwa, Sinjur, ir-Ruħ tiegħek, li biex turi l-imħabba tiegħek lejn uliedek, int tpaxxihom bil-ħobż tal-ħajja nieżel mis-Sema! Għaliex, liema ġens hu  hekk kbir li għandu l-allat qrib lejh, bħalma hu l-Mulej, Alla tagħna, kull meta nsejħulu? (Dewteronomju IV, 7) li, sabiex kuljum thennihom u terfħalhom qalbhom lejn is-sema, tagħtihom lilek innifsek b’ikel u b’faraġ tagħhom?

 

3.Fejn insib poplu ieħor tant ixxurtjat bħalna l-Insara? Jew liema hi l-kreatura mis-sema ‘l isfel, tant maħbuba mn’Alla bħar-ruħ devota, li tilqa’ ġewwa fiha ‘l Alla, biex ipaxxiha bil-Ġisem glorjuż tiegħu? O grazzja, li ebda lsien ma jista’ qatt ifissirha! O umilta tal-għaġeb! O mħabba bla tarf, mogħtija biss lill-bniedem!

Imma x’nagħtih lis-Sinjur tiegħi għal grazzja bħal din, għal imħabba tant kbira? Ma nistax nagħmel ħaġ‘oħra li biha jieħu gost, daqs li nagħti qalbi kollha kemm hi lil Alla tiegħi, u ngħaqqadha ma’ tiegħu. Hemm qalbi ttir bil-ferħ meta ruħi tkun marbuta sewwa m’Alla: u Alla jgħidli: ‘’Jekk inti trid toqgħod miegħi, jiena inkun miegħek: għaliex ma nixtieqx ħaġa oħra ħlief li qalbi tkun ħaġa waħda miegħek.’’

 

KAP XIV

B’liema ħeġġa ta’ mħabba xi erwieħ devoti jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu

 

 IR-RUĦ

 

1.Kemm hi kbira, Mulejja, dik ħnientek, li int taħżen għal dawk li għandhom il-beżgħa tiegħek. Meta niftakar f’dawk ir-rwieħ devoti, li jersqu lejn is-Sagrament tiegħek, Sinjur, bi ħrara mixgħula, bi mħabba kbira kbira, kemm tassew inħossni nitħawwad ġewwa fija u nistħi minni nnifsi! Narani nersaq lejn l-altar tiegħek u lejn il-mejda tat-Tqarbin imqaddes kollni bruda miegħi, b’din qalbi samma bla xejn ma titħeġġeġ; bla xejn ma ninxegħel kollni kemm jien bl-imħabba quddiemek, o Alla tiegħi, bla ma nħoss x’imissli qalbi u jiġbidni lejk, bħalma jiġrilhom bosta erwieħ tajba, li bix-xewqa kbira tat-Tqarbin, u bin-nar ta’ l-imħabba li jħossu f’qalbhom, ma jistgħux iżommu d-dmugħ. B’qalbhom u ruħhom ilebilbu għalik, o Alla, għajn tal-ħajja u kollok ħlewwa, u ma jistgħux isikktu u jxebbgħu l-ġuh tagħhom  xort’oħra, ħlief billi jirċievu l-Ġisem tiegħek, għaliex bħal ġenn ta’ ferħ u regħba mqaddsa jħossu fihom ta’ mħabba għalik!

 

2.Kemm tabilħaqq hi mixgħula l-fidi tagħhom! Tarahom hekk, aktar tħossok tikber fik il-fidi li inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament imqaddes! Dawn, iva, iħossuh ġo qalbhom lis-Sinjur tagħhom f’dan il-ħobż li jinkiser u jitqassam lill-fidili. Li ma kinux iħossuh magħhom, kif kienet tkun qalbhom hekk mixgħula b’Ġesu qisu miexi ma’ ġenbhom?

Imħabba u devozzjoni bħal din, ġibda tant qawwija u ħrara tant mixgħula, huma bgħid, wisq bgħid minni. Ikollok mela ħniena minni, ħanin Ġesu, kollok ħlewwa u karita, u agħti grazzja lil dan il-qaddej fqajjar tiegħek li fit-Tqarbin imqaddes hi jħoss imqar kultant u daqsxejn waħda minn din il-ħlewwa qawwija ta’ l-imħabba tiegħek; sabiex il-fidi tiegħi aktar titwettaq, tikber it-tama tiegħi fit-tjieba tiegħek; u l-imħabba, imbagħad, la darba tilħaq tixgħel u dduq il-manna tas-smewwiet, ma tintefa qatt iżjed fija.

 

3.Għall-ħniena tiegħek, Ġesu, agħtihieli, nitolbok b’qalbi kollha, din il-grazzja li nixtieq li għad tasal il-ġurnata li togħġob lilek li tħeġġiġli ruħi bin-nar ta’ l-imħabba tiegħek. Għaliex għalkemm m’jiniex mixħul b’dik ix-xewqa tant qawwija ta’ dawn il-kbar u devoti servi tiegħek, għall-ħniena tiegħek nixtieq li jkolli din ix-xewqa tant qawwija u mħeġġa, biex ‘il quddiem nista’ jkolli sehem ma’ dawn il-ħbieb tiegħek, kollhom imħabba lejk u għad inkun wieħed fosthom.

 

KAP XI

Il-grazzja tad-devozzjoni tirtebah bl-umilta u billi wieħed jiċħad lilu nnifsu

ĠESU KRISTU

1.Il-grazzja  tad-devozzjoni jaħtieġlek tfittixha b’leħħa kbira, titlobah bil-ħrara, tistennieha bil-paċenzja u bit-tama, tilqagħha bil-ferħ, tibża’ għaliha bl-umilta, tinqeda biha bil-għaqal, u tħalli f’idejn Alla ħa jzurek hu meta jrid u kif jidhirlu. Jaħtieġlek li int tiċċekken l-aktar meta tħoss ġewwa fik devozzjoni bierda jew mejta, imma mhux imbagħad li taqta’ qalbek u tagħmel ruħek b’mitluf. Bosta drabi Alla jagħti f’ħin wieħed dak li hu jkun ilu jiċħadlek żmien twil; u xi drabi wkoll jagħti fl-aħħar tat-talb dak li hu ma kienx ried jisimgħu għall-ewwel.

 

2.Li l-grazzja kienet tingħata dejjem malajr u ma’ l-ewwel talba., kieku l-bniedem, ta’ saħħa hekk ċkejkna, ma jiflaħx għaliha, u għalhekk in-nisrani għandu jistennieha bis-sabar, u jittamaha bl-umilta. U int, meta Alla ma jtihilekx, jew jeħodhielek bil-moħbi, agħti l-ħtija lilek innifsek u lil dnubietek. Drabi ħaġa ta’ xejn tkun qiegħda ttelfek jew tfixkel il-grazzja jekk tista’ tissejjaħ ħaġa ta’ xejn dik li ttellfek ħaġa tant kbira. Int imbagħad, jekk jirnexxilek li tagħleb u tirbaħ għal kollox din il-ħaġa ċkejkna jew kbira li tkun, tibqa’ sa taqla’ li tkun tlabt u xtaqt b’qalbek kollha.

 

3.Malli inti tagħti ruħek lil Alla b’qalbek kollha u ma tfittixx x’jogħġob lilek u ma jogħġobx, anzi terħi, ruħek f’idejh għal kollox, issibek imgħannaq miegħu, u tħoss f’qalbek il-vera paċi; għax ebda ħaġa ma tkun tagħtik gost, daqs li tagħmel dak li jogħġob ‘l Alla. Kull min mela, b’qalb safja, jarfa’ l-ħsibijiet tiegħu lejn Alla b’mod illi u la jirtabat żejjed jew anqas ma jistmerr ebda ħaġa maħluqa, dan ikun iħejji ruħu, biex jilqa’ fih il-grazzja, u jistħoqqlu li Alla jagħtih id-don tad-devozzjoni. Għax Alla jsawweb il-barka tiegħu f’dawk il-qlub li ma jsibhomx mimlijin b’ħaġa oħra; u aktar ma wieħed jixħet wara spallejh il-ħwejjeġ tad-dinja u jmut għalih innifsu billi ma jagħtix kont tiegħu innifsu, aktar il-grazzja tiġih malajr, aktar timlielu qalbu bl-abbundanza, u tgħollihielu ‘l fuq minħabba s-safa tagħha.

 

4.Hemm il-bniedem iħoss fih innifsu l-milja ta’ kull ġid, u qalbu tkun f’siktha titwassa’ ġewwa fih, għaliex id Alla tkun miegħu la darba hu jkun telaq ruħu għal kollox f’idejh, u għala dejjem. Hekk il-barka t’Alla tinżel fuq il-bniedem li jfittex ‘l Alla b’qalbu kollha, u ruħu ma jirċevihiex għal xejn. U għalhekk, meta jilqa’ f’qalbu l-Ewkaristija mqaddsa, ikun jistieden il-grazzja biex tingħaqad miegħu; għaliex ma jfittixx li qalbu tixgħel bid-devozzjoni biex fiha jsib il-hena tiegħu, daqskemm bil-fehma li jagħti ġieh u glorja ‘l Alla.

 

KAP XVI

Fuq li għandna niftħu qalbna m’Alla għal li jaħtiġilna, u nitolbuh jagħtina l-grazzja

IR-RUĦ

1.O Sinjur tiegħi, kollok ħlewwa u mħabba, kemm nixtieq bi ħrara kbira jien nilqgħek f’qalbi! Int taf il-mard tiegħi u l-bżonnijiet li għandi; inti taf f’liema ħsara u f’liema vizzjijiet ninsab mixħut, u kif ta’ sikwit ninsab taħt it-toqol tat-tentazzjonijiet u mkagħbar u mkasbar bi dnubieti! Quddiemek jien ninxteħet biex nitolbok tfejjaqni u ssabbarni u twiżinni. Hemm tajjeb li qed nitkellem ma’ min jaf kollox, ma’ min qiegħed jara x’għandi ġewwa qalbi, u jista’ jsabbarni darba għal dejjem u jgħinni. Inti taf liema huma l-ħwejjeġ li aktar jaħtieġuli u kemm jien nieqes mill-virtu.

 

2.Ħares lejja, Sinjur, arani kif ninsab quddiemek fqir u fil-għera tiegħi; ġejt nitolbok il-ħniena tiegħek bid-dmugħ f’għajnejja. Xabba’ l-ġuħ ta’ dal-fqajjar tiegħek; kebbes il-bruda tiegħi bin-nar ta’ l-imħabba tiegħek; agħti d-dawl lill-għama tiegħi bid-dija tal-preżenza tiegħek. Biddilli l-ħwejjeġ kollha tad-dinja fi mrar; għallimni nieħu paċenzja b’kull għawġ u bis-slaleb, u li nixħet taħt riġlejja u ninsa għal kollox il-ħwejjeġ ta’ din l-art. Erfagħli qalbi lejn is-Sema, u la terħilix niġġiera mad-dinja. Agħmel li minn dal-ħin sal-aħħar taż-żminijiet jien fik biss insib il-għaxqa tiegħi; għax int waħdek int l-ikel u x-xorb tiegħi, l-imħabba u l-hena tiegħi, il-ħlewwa u l-ġid tiegħi.

 

3.Mhux li, jaħasra, Mulejja Alla tiegħi, int kont tkebbisni kollni kemm jien bil-preżenza tiegħek u ttemmni u tbiddilni fik; ħalli nsir ruħ waħda miegħek, bir-rabta qawwija tal-grazzja u bil-ħeġġa tan-nar ta’ l-imħabba tiegħek.

La tħallinix nitbiegħed minn quddiemek bil-ġuh u bil-għatx imma jkollok ħniena minni., kif bosta drabi b’idejk miftuħa ħennejt għall-Qaddisin tiegħek. X’għaġeb jekk jien nikbes kollni kemm jien bin-nar tiegħek u mmut għalija nnifsi, la darba inti nar li qatt ma jintefa, imħabba li ssaffi l-qlub u li tagħti d-dawl lid-dehen?

 

KAP XVII

B’liema mħabba u ħrara għandna nilqgħu lil Ġesu f-sidirna

IR-RUĦ

1.Nixtieq, Mulejja, nilqgħek b’devozzjoni kbira u bi mħabba mixgħula, bil-ġibda u l-ħrara kollha ta’ qalbi, bħalma xtiequ jilħqugħuk fit-Tqarbin tagħhom bosta Qaddisin u erwieħ tajba, li għexu għal qalbek bi qdusija l-aktar kbira, kollhom imħeġġin bl-imħabba. O Alla tiegħi, imħabba ta’ dejjem, l-aqwa ġid tiegħi, hena bla tarf; nixtieq nilqgħek f’qalbi b’dik ix-xewqa tant qawwija, b’dik il-qima tant umli, li qatt kellu jew sata’ jkollu kull wieħed mill-Qaddisin tiegħek.

2.U għalkemm ma tistħoqllix dik il-ġibda kollha ta’ devozzjoni, noffrilek l-imħabba kollha ta’ qalbi, bħalikieku dawk ix-xewqat mixgħula u ħelwin tal-qaddisin kienu kollha mnisslin f’qalbi. Anzi dak kollu qaddisin kienu kollha mnisslin f’qalbi . Anzi dak kollu li tista’ tħoss u tixtieq ruħ tajba, noffrih lilek b’qima kbira u bi ħrara l-aktar qawwija. Għalija ma rrid inżomm xejn; imma lili nnifsi u kulma għandi nitilqu bil-qalb u bil-ferħa f’idejk.

Mulejja, Alla tiegħi, Kreatur u Feddej tiegħi, nixtieq illum nirċevik b’dik il-ħrara u qima, tifħir u ġeih; b’dik il-ferħa, umilta u mħabba; b’dik il-fidi, tama u ndafa, li biha rċevietek u xtaqitek l-Omm imqaddsa tiegħek, il-glorjuża Verġni Marija, meta lill-Anġlu li ġibilha l-bxara tal-għaġeb tal-misterju ta’ l-Inkarnazzjoni weġbitu minnufih bl-umilta u bid-devozjoni: ‘’Jiena l-qaddejja t’Alla: ikun minni skond kelmtek.’’

 

3.U kif l-imqaddes Prekursur  tiegħek, il-kbir fost il-Qaddisin Ġwann Battista, quddiem il-preżenża tiegħek qabeż bil-ferħ ta’ l-Ispirtu Santu waqt li kien għadu fil-ġuf t’ommu; u ‘l quddiem, meta ltaqa’ ma’ Ġesu jimxi mal-bnedmin, b’umilta kbira, u mkebbes bl-imħabba, infexx igħid: ‘’Il-ħabib tal-Għarus, li jkun miegħu u jisimgħu, jimtela bil-ferħ, x’ħin jisma’ l-leħen tal-Għarus.’’ Hekk jien ukoll nixtieq nixgħel b’xewqat kbar u mqaddsa, u nersaq quddiemek b’qalbi mħeġġa bl-imħabba. U għalhekk noffrilek il-ferħ tal-qalb ta’ l-erwieħ it-tajba kollha, l-imħabba mixgħula tagħhom, l-estasi tagħhom, id-dawl tar-ruħ li għandhom mis-sema; flimkien mad-doni kollha u l-virtujiet li bihom mogħnijin minnek, u l-qdusija u t-tifħir li jistgħu jroddulek il-ħelejjaq kollha fis-sema u fl-art: u noffrihomlok għalija u għal dawk kollha li jixtiquni niftakar fihom fit-talb tiegħi, biex hekk int tkun imfaħħar u imweġġeh kif jixraqlek issa u għal dejjem mill-bnedmin kollha.

 

4.Ilqa’, Mulejja, Alla tiegħi, dawn ix-xewqat tiegħi, u l-fehma tiegħi, u l-fehma tiegħi li nfaħħrek u nbierkek kif jixraqlek għall-kobor tiegħek bla tarf, li ħadd ma jista’ jfissru. Dan iroddhulek u nixtieq inroddlok ta’ kuljum u ta’ kull ħin; u nitlob b’ħilti u bil-ħeġġa kollha ta’ qalbi u nħajjar l-erwieħ kollha tas-sema u l-imseddqin tiegħek kollha biex lilek jiżżuħajr u jfaħħruk miegħi.

 

5.Ħalli jfaħħruk mela n-nies tad-dinja kollha, u l-ġnus u l-ilsna kollha, u jgħollu b’ferħ kbir u bl-aqwa mħabba l-isem imqaddes tiegħek bil-qima u d-devozzjoni kollha; u jfaħħru s-Sagrament kbir tiegħek, u jirċevuh b’fidi ħajja, u jaqilgħu minn għandek il-grazzja u l-ħniena, u jkun ta’ ġid għalija, imsejken ta’ midneb; agħmel li meta huma jkunu tbiegħdu mill-mejda mqaddsa tiegħek mixgħulin b’dik l-imħabba tas-sema, u marbutin b’rabta ħelwa miegħek, imwettqin bil-hena ta’ qdusitek wara t-Tqarbin tagħhom, jiftakru wkoll fil-faqar ta’ l-imsejkna ruħ tiegħi.

 

KAP XVIII

Aktar jaħbatlu lin-nisrani jimxi wara Kristu b’fidi ħajja, milli joqgħod jistħarreġ fuq dan is-Sagrament

ĠESU KRISTU

1..La toqgħodx tistħarreġ fuq dan is-Sagrament hekk għoli li ma ssibx ruħek imħawwad u rasek bħal xejn tisħon: min jilħaq miegħu? Igħid Salamun: ‘’Min l-għoli jfittex, jaħtieġlu bit-tagħbija jitqanna.’’ Jistax Alla jagħmel egħġubijiet, aktar milli l-bniedem jista’ qatt jifhimhom? Min jixtieq jitgħallem is-sewwa, ħaġa tajba li jistħarreġ bl-umilta kollha, imma jrid jagħmlu bil-fehma li jitgħallem, u jrid jimxi fuq il-Għorrief tal-Knisja.

 

2.Imberkin  dawk l-erwieħ tajba li ma joqogħdux jitlewmu fuq il-ħwejjeġ tqal tal-fidi, imma jimxu mat-triq watja u soda tal-kmandament t’Alla! Kemm u kemm uħud tilfu d-devozzjoni għax riedu jistħarrġu fuq xi Misterji t’Alla! Alla tafx x’jitlob minnek? Il-fidi u l-ħajja tajba; mhux li jkollok għerf jew li tifhem il-għoli tal-misterji t’Alla. Jekk int ma tistax tifhem dak li hu ‘l isfel minnek, kif tista’ tifhem dak li hu ogħla minnek? Obdi ‘l Alla u umilja s-sensi tiegħek lejn il-fidi; u Alla, tibżax, jagħtik id-dawl tal-għerf daqs kemm ikun jaħtieġlek.

 

3.Issib drabi xi nisrani ttantat bl-ikreh fuq il-fidi u fuq is-Sagrament: issa billi? Dan ma jkunx ġej minnu, imma mill-għadu. Il-ħsibijiet li jilħqu jgħaddulek minn moħħok xejn la tagħti kashom, itlaqhom, la toqgħodx tissielet magħhom; u jekk id-demonju jibda jberrinlek xi ħaġa fuq hekk,  xejn la tqisu; iżda emmen il-kelma t’Alla, emmen il-Qaddisin tiegħu u l-Profeti; u l-għadu jaħrab minnek bil-ħażen tiegħu. Aktarx ġid ikun għal dik ir-ruħ li ssofri dawn id-dwejjaq; għaliex id-demonju xejn  ma għandu x’iridhom lill-midinbin u n-nies il-ħżiena, għax huma ġa tiegħu. waqt li lill-imseddqin u lir-rwieħ tajba jittantahom u ma jagħtihomx nifs.

 

4.Emmen mela b’fidi sħiħa u qawwija, u ersaq lejn is-Sagrament bil-qima kollha ta’ qalbek; u dak li ma tistax tifhem agħlaq għajnejk u erħilu f’idejn Alla. Alla ma jqarraqx bik: jitqarraq iva dak li jemmen wisq fih innifsu. Alla jimxi mal-bniedem ta’ qalb safja, juri ruħu lill-umli, jagħti l-għerf liż-żgħar, jagħti d-dawl lil ta’ qalbhom safja; u jaħbi l-grazzja tiegħu lill-kurjużi u lil dawk li huma mimlijin bihom infushom. Id-dehen tal-bniedem ftit iwassal, u bħalxejn jitqarraq; iżda l-fidi ħajja ma tistax titqarraq.

 

5.Id-dehen tal-bniedem u safejn ilaħħaq bih, għandu jimxi fuq il-fidi u joqgħod għaliha. Għaliex f’dan is-Sagrament imqaddes u ta’ għoli li ħadd ma jilħaq miegħu, il-fidi u l-imħabba huma dawk li l-aktar igħoddu u jistgħu jmexxuna f’dawn il-ħwejjeġ il-misturin għalina.

Dak Alla li minn dejjem u bla tarf is-setgħa tiegħu ħadd ma jilħaq magħha, jagħmel egħġubijiet li d-dehen tal-bniedem ma jista’ jagħmel xejn magħhom fis-sema u fl-art. Li kieku l-opri t’Alla kien il-bniedem bid-dehen tiegħu jista’ bħalxejn jifhimhom, ma kinux ikunu tal-għaġeb, u anqas ma kien jista’ jingħad għalihom li ħadd jifhimhom.