Kelma tal-Ħajja Frar 2018

 

“LIL MIN HU BIL-GĦATX JIENA NISQIH B’XEJN MILL-GĦAJN TAL-ĦAJJA” 1

(APOK 21,6).

 

L-appostlu San Ġwann kiteb il-ktieb tal-Apokalissi biex ifarraġ u jagħmel il-qalb ‘il-insara ta’ żmienu minħabba l-persekuzzjonijiet li kienu qed iġarrbu. Dan ilktieb hu mimli simboli u juri kif Alla jħares lejn l-istorja tal-bniedem u x’se jkun it-tmiem tagħha: ir-rebħa dejjiema t’Alla fuq kull qawwa tal-ħażen. Dan hu ktieb li jiċċelebra fejn irridu naslu, jiġifieri tmiem mimli glorja li Alla ħejja għall-bnedmin kollha.

 

Din hija l-wegħda ta’ ħelsien minn kull tbatija: Alla stess “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom (…) u ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat ta’ tbatija” (Apok 21,4).

 

“LIL MIN HU BIL-GĦATX JIENA NISQIH B’XEJN MILL-GĦAJN TAL-ĦAJJA”.

 

Din id-dehra għandha għeruqha fil-preżent, u qiegħda għal dawk li f’ħajjithom ġa bdew jgħixu t-tfittxija sinċiera ta’ Alla u tal-Kelma tiegħu li turina dak li Hu għandu f’moħħu għalina; għal min iħossu għatxan għas-sewwa, għall-ġustizzja u għall-fraternità. Dan l-għatx li nħossu u din it-tfittxija huma għal Alla kwalitajiet tajbin, huma bidu tajjeb u Hu saħansitra jwegħedna l-għajn tal-ħajja.

 

L-ilma li Alla qed iwiegħed jagħtih b’xejn. Għalhekk Hu joffrih mhux biss ‘il min iħoss li qed jagħmel il-parti tiegħu quddiem Alla, imma wkoll lil kull min iħoss it-toqol tad-dgħufija tiegħu u jintelaq f’imħabbtU, ċert mill-fejqan u li b’hekk se jsib il-ħajja sħiħa, il-ferħ.

 

Mela ejjew nistaqsu lilna nfusna: għal xiex aħna għatxana? Liema għejjun se nfittxu biex naqtgħu dan l-għatx?

 

“LIL MIN HU BIL-GĦATX JIENA NISQIH B’XEJN MILL-GĦAJN TAL-ĦAJJA”.

 

Forsi l-għatx tagħna hu li ħaddieħor jaċċettana, li nsibu postna fis-soċjetà, li nwettqu dak li għandna f’moħħna... Dawn huma kollha affarijiet tajbin, imma jistgħu jressquna lejn bjar b’ilma mdardar mill-egoiżmu, u hekk ningħalqu fina nfusna biex niksbu dak li jinteressana, u saħansitra naslu biex ngħaffġu lil min hu dgħajjef aktar minna. Dawk il-popli li jbatu minn dan in-nuqqas ta’ bjar b’ilma safi jafu sew il-konsegwenzi diżastrużi li dan iġib miegħu, għax l-ilma hu indispensabbli għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem.

 

Iżda, jekk ninżlu aktar fil-fond ta’ qalbna nsibu għatx ieħor, li poġġihulna Alla stess: li ngħixu l-ħajja bħala don li nirċevuh u nagħtuh ‘il-oħrajn. Mela ejjew nixorbu mill-għajn safi tal-Vanġelu u ninħelsu mill-ħama li forsi qed jiksina. Ejjew ninbidlu f’għajn ta’ mħabba ġeneruża, li tagħraf tilqa’ ‘l ħaddieħor bla ma tistenna xejn lura, mingħajr ma nieqfu quddiem id-diffikultajiet li żgur ser niltaqgħu magħhom fil-mixja ta’ ħajjitna.

 

“LIL MIN HU BIL-GĦATX JIENA NISQIH B’XEJN MILL-GĦAJN TAL-ĦAJJA”.

 

Imbagħad, meta bejnietna l-insara ngħixu l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin, inkunu qed inħallu ‘l Alla jaħdem Hu, kif kitbet Chiara Lubich: “Kull meta nfittxu li ngħixu l-Vanġelu nkunu qed nixorbu qatra minn dak l-ilma ħaj. Kull att ta’ mħabba li nagħmlu mal-proxxmu nkunu qed naqtgħu l-għatx b’dak l-ilma. Iva, għax dak l-ilma ħaj u prezzjuż għandu kwalità speċjali, igelgel minn qalbna kull darba li niftħuha biex inħobbu ‘l-oħrajn. Din hija għajn qaddisa li ġejja mingħand Alla u aktar ma ninżlu fil-fond fiha, aktar tnixxi ilma. Biha naqtgħu l-għatx ta’ ħutna l-bnedmin b’azzjonijiet żgħar jew kbar ta’ mħabba li nagħmlu magħhom. Jekk inkomplu nħobbu, din l-għajn tibqa’ dejjem tagħti aktar ilma b’abbundanza, bla ma tinxef qatt. U Ġesù wriena sigriet ieħor. Dan hu bħal bir bla qiegħ li minnu nistgħu nixorbu. Meta tnejn jew tlieta jingħaqdu f’ismu, billi jinħabbu bejniethom, Hu jkun hemm f’nofshom. U dak huwa l-ħin li fih aħna nħossuna ħielsa, imdawla, u għejjun ta’ ilma ħaj igelglu minn ġo fina. Din hi l-wiegħda ta’ Ġesù li sseħħ għaliex minnu stess, preżenti f’nofsna, igelgel ilma li jaqtagħlna l-għatx darba għal dejjem”.2

 

Letizia Magri

 

1 Qed nipproponu din il-Kelma ta’ Alla għax-xahar ta’ Frar, magħżula minn aħwa li ġejjin minn ħafna Knejjes Ġermaniżi, biex ngħixuha matul is-sena kollha.

 

2 Cfr. C. Lubich, La fonte della vita, Città Nuova, 46, [2002], 4, p. 7.