Laikos

Aktar dwar l-Avvent ...

ŻMIEN L-AVVENT

Siltiet tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti

biex nirriflettu fuq it-tifsira taż-żmien liturġiku tal-Avvent, bi tħejjija għall-Milied

Fi Żmien l-Avvent

L-Avvent hu żmien ta’ stennija, ta’ konverżjoni, ta’ tama:

Stennija-tifkira tal-ewwel miġja umli tal-Feddej fil-ġisem mortali tagħna; stennija-supplika tal-aħħar miġja glorjuża ta’ Kristu, Sid l-istorja u Mħallef universali;

Konverżjoni li spiss il-Liturġija ta’ dan iż-żmien tistedinna għaliha bil-leħen tal-profeti u fuq kollox ta’ Ġwanni l-Battista: “Indmu, għax is-Saltna tas-smewwiet hi fil-qrib” (Mt 3:2);

Tama hienja li s-salvazzjoni li diġà ġab Kristu (ara Rum 8:24-25) u r-realtajiet tal-grazzja diġà preżenti fid-dinja jaslu għall-maturazzjoni u l-milja tagħhom, biex hekk il-wegħda tinbidel f’kisba, il-fidi f’viżjoni, u “aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3:2).

 

Il-pjetà popolari hi sensibbli għal żmien l-Avvent fuq kollox bħala tifkira tat-tħejjija għall-miġja tal-Messija. Fil-poplu Nisrani għandu għeruq qawwi l-għarfien tal-istennija twila li kien hemm qabel it-twelid tal-Feddej. Il-fidili jafu li Alla wieżen bi profeziji t-tamiet ta’ Iżrael fil-miġja tal-Messija.

 

Lill-pjetà popolari ma tistax taħarbilha, anzi tosserva kollha għoġba, il-ġrajja straordinarja li fiha Alla tal-glorja sar tarbija fil-ġuf ta’ mara verġni, umli u fqira. Il-fidili huma partikularment sensibbli għad-diffikultajiet li l-Verġni Marija kellha tħabbat wiċċha magħhom tul it-tqala u jitqanqlu għall-ħsieb li fil-lukanda ma kienx hemm post għal Ġużeppi u għal Marija, li kienet waslet biex tiled lit-Tarbija (ara Lq 2:7).

 

Il-Verġni Marija fl-Avvent

Fi żmien l-Avvent il-Liturġija tiċċelebra spiss u b’mod eżemplari lill-Verġni Mqaddsa: tfakkar xi nisa tal-Patt il-Qadim, li kienu figura u profezija tal-missjoni tagħha; tfaħħar l-imġiba ta’ fidi u ta’ umiltà li biha Marija ta’ Nazaret twaħħdet minnufih u b’mod sħiħ mal-pjan salvifiku ta’ Alla; tixħet dawl fuq il-preżenza tagħha fil-ġrajjiet ta’ grazzja li seħħu qabel it-twelid tal-Feddej. Anki l-pjetà popolari tiddedika, fi żmien l-Avvent, attenzjoni partikulari lill-Imqaddsa Marija; dan bla dubju jixhduh il-bosta atti ta’ qima, fuq kollox in-noveni tal-Immakulata u tal-Milied.

 

Madankollu, il-valur tal-Avvent “bħala żmien partikularment adatt għall-qima ta’ Omm il-Mulej” ma jfissirx li dan iż-żmien liturġiku għandu jiġi ppreżentat bħala “xahar ta’ Marija”.

 

Fil-kalendarji liturġiċi tal-Lvant Nisrani, il-perjodu ta’ tħejjija għall-misteru tal-manifestazzjoni (l-Avvent) tal-fidwa divina (Teofanija) fil-misteri tal-Milied-Epifanija tal-Iben Waħdieni ta’ Alla l-Missier, jidher li hu partikularment Marjan. L-attenzjoni tikkonċentra fuq it-tħejjija għall-miġja tal-Mulej fil-misteru tad-Deipara. Għal-Lvant, il-misteri Marjani kollha huma misteri Kristoloġiċi, jiġifieri jirriferu għall-misteru tas-salvazzjoni tagħna fi Kristu. Hekk fir-Rit Kopt, matul dan il-perjodu, jitkanta l-Lawdi ta’ Marija fit-Theotokia; fil-Lvant Sirjan iż-żmien jissejjaħ Subbara, jiġifieri Tħabbira, b’enfasi fuq il-fiżjonomija Marjana tiegħu. Ir-Rit Biżantin iħejji għall-Milied b’serje tikber ta’ festi u ta’ ritornelli Marjani.

 

Is-Solennità tal-Immakulata (fit-8 ta’ Diċembru), għażiża ħafna għall-fidili, tagħti lok għal bosta manisfestazzjonijiet ta’ pjetà popolari, li l-espressjoni ewlenija tagħhom hi n-Novena tal-Immakulata. Ma hemmx dubju li l-kontenut tal-festa tat-Tnissil safi u bla ħtija ta’ Marija, bħala tħejjija oriġinarja għat-twelid ta’ Ġesù, jorbot tajjeb ma’ xi temi qawwija tal-Avvent: anki din tfakkarna fl-istennija twila messjanika u fil-profeziji u simboli tat-Testment il-Qadim, użati wkoll mil-Liturġija tal-Avvent. Fejn tiġi ċċelebrata n-Novena tal-Immakulata għandha ssir enfasi fuq it-testi profetiċi, li, ibda mit-tħabbira ta’ Ġenesi 3:15, iwasslu sat-tislima ta’ Gabrijel lill-“mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28) u sat-tħabbira tat-twelid tal-Feddej (ara Lq 1:31-33).

 

Akkumpanjata minn bosta manifestazzjonijiet popolari, fil-Kontinent Amerikan tiġi ċċelebrata, qrib il-Milied, il-festa ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe (12 ta’ Diċembru), li tiffavorixxi tajjeb id-dispożizzjoni tal-qalb tagħna biex nilqgħu lill-Feddej: Marija, “imxierka intimament mat-twelid tal-Knisja fl-Amerika, kienet il-Kewkba tiddi li dawlet it-tħabbira ta’ Kristu l-Feddej lil ulied dawn il-popli”.

-----------------------

Expectación del Parto, skultura tal-Verġni Marija mill-artista Spanjol Juan Alberto Pérez Rojas (2011). Parroquia de la Encarnación de Marbella (Málaga), Spanja.

 

CONGREGAZIONE PER IL CULTO DIVINO E LA DISCIPLINA DEI SACRAMENTI. DIRETTORIO SU PIETÀ POPOLARE E LITURGIA. PRINCIPI E ORIENTAMENTI. Siltiet minn paragrafi 96-102, (2002)
https://www.vatican.va/roman_curia/congregations/ccdds/documents/rc_con_ccdds_doc_20020513_vers-direttorio_it.html