Ara wkoll il-verżjoni bl-Ingliż. ...>

 

Laqgħa ma’ l-Awtoritajiet Ċivili fil-Palazz Presidenzjali – Valletta

25 ta’ Mejju 1990

 

Sur President, Sur Priministru, Sur Speaker, Onorevoli membri tal-Gvern, Membri Parlamentari, membri tal-Ġiudikatura, membri Distinti tal-Korpi Diplomatiċi, Sinjuri,

 

Nħossni ferħan ħafna li għandi din l-opportunita’ li nkellimkom fil-bidu taż-Zjara Pastorali tiegħi f’Malta. Bħala l-ewwel Papa li rifes fuq dawn il-gżejjer, naf biżżeffed bit-tifsira taż-zjara tiegħi mhux biss għall-membri tal-Knisja Kattolika iżda għan-nazzjon Malti kollu. Fiż-żerniq ta’ l-era nisranija, l-antenati tagħkom laqgħu l-Evanġelju ta’ Ġesu’ Kristu Permezz tal- predikazzjoni ta’ l-Appostlu Pawlu meta kien fi triqtu lejn Ruma. Fis-sekli li ġew wara, il-fidi mgħallma u mistqarra f’komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru rabbiet għeruq sodi fil-ħajja u l-kultura tal-poplu ta’ Malta. Hija t-tama tiegħi li l-preżenza ta’ l-Isqof ta’ Ruma fostkom tfakkar il-kontribut uniku u dejjieme li l-Fidi nisranija għamlet, u tibqa’ tagħamel, biex titfassal l-identita’ tagħkom bħala nazzjon u wkoll biex din tkompli tiżviluppa.

Nirringrazzjak minn qalbi, Sur President, għall-kliem sabiħ tiegħek ta’ merħba u talli ffavorejt it-twettiq ta’ din iż-żjara. Nifraħ li għandi l-opportunita’ li nsellem il-fidi tal-poplu Malti u li nħabbar l-Evanġelju u niċċelebra l-Ewkaristija f’għaqda mar-Rgħajja u l-insara tal-Knejjes ta’ Malta u ta’ Għawdex. Waqt iż-żjara tiegħi nittama li nagħmel kuraġġ u nagħti appoġġ lil dawk kollha li qalb l-isfidi u l-opportunitajiet tal-preżent jibqgħu marbuta mal-wirt impressjonanti ta’ valur nsara li n-nazzjon tagħkom irċieva mill-ġenerazzjonijiet ta’ l-imgħoddi u li jibqa’ l-garanzija żgura ta’ l-iżvilupp kontinwu tiegħu għall-ġejjieni. Bħala nies bi tradizzjoni antika ta’ fidi, il-Kattoliċi Maltin lejliet it-Tielet Millennju ta’ Kristjaneżmu qed jintalbu dejjem aktar biex japprofondixxu l-għarjien ta’ din it-tradizzjoni waqt li japplikaw l-għerf li joħroġ minnha fil-ħidma biex jibnu soċjeta’ moderna li tkun tixraq f’kollox lill-art nobbli tagħhom.

Fiż-żminijiet tagħna qed jiżdied il-qbil li l-ħajja soċjali u politika tan-nazzjonijiet għandha tkun bażata fuq ir-rispett assolut għad-dinjita’ u d-drittijiet inaljenabbli ta’ kull persuna umana, indipendentement mir-razza, it-twemmin reliġjuż jew il-fehmiet politiċi. F’żewġ gwerer mondjali, u wkoll fit-tibdiliet kbar li qed iseħħu bħalissa fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, rajna popli sħaħ iwarrbu strutturi ta’ poter li fil-fatt kienu jiċħdu jew jittradixxu l-aspirazzjonijiet leġittimi għal ħajja f’ordni soċjali fejn isaltnu l-liberta’, il-ġustizzja u l-paċi. Kif tafu tajjeb, il-ħidma biex jinbena dan l-ordni soċjali titlob sabar kbir, viżjoni ċara u maturita’ morali. Fuq kollox tesiġi minn kull individwu u grupp soċjali impenn sod għall-ksib tal-ġid komuni. Meħtieġa wkoll determinazzjoni diretta biex jiġi inkoraġġit id-djalgu li juri rispett bejn is-setturi kollha tal-ħajja nazzjonali, waqt li jippromwovu liġijiet u policies li jħarsu l-liberta’ u d-dinjita’ ta’ kull ċittadin u b’mod partikolari ta’ dawk li huma inqas ixxurtjati u aktar dgħajfa, għad-drittijiet tal-familji u tal-ħaddiema. Fl-aħħar mill-aħħar l-impenn ta’ nazzjon favur dawn il-valuri jitkejjel bl-isforzi li jagħmel biex jarahom żgurati permezz ta’ parteċipazzjoni mxerrda fil-proċess demokratiku, l-amministrazzjoni ekwa tal-ġustizzja u l-inkoraġġiment ta’ sens qawwi ta’ solidarjeta’ soċjali.

Għandi fiduċja illi dawn il-valuri se jibqgħu jispiraw l-iżvilupp ġejjieni ta’ pajjiżkom. Bl-istess mod nittama li l-mexxejja tan-nazzjon – il-leġżlaturi, l-uffiċjali pubbliċi, l-membri tal-ġudikatura u l-politiċi – u wkoll gruppi privati u ċittadini individwali jibqgħu jgħassu sabiex dawn il-prinċipji ma jiġu qatt sagrifikati għal tendenzi li jitweildu mid-dħul ta’ ideat jew forom ta’ mġiba li ja jaqblux mat-tradizzjoni nisranija ta’ Malta.

Il-Knisja Kattolika li dejjem ħadet parti attiva fil-ħajja tan-nazzjon, tixtieq toffri l-kontribut xieraq tagħha għall-progress tal-poplu Malti. Bl-esperjenza li għandha ta’ sekli sħaħ ta’ għajnuna kemm lill-individwi u kemm lis-soċjeta’, il-knisja f’Malta taf biżżejjed bid-dmir li għandha li tinterpreta s-sinjali taż-żminijiet fid-dawl ta’ l-Evanġelju u li twieġeb għall-opportunitajiet u l-isfidi ta’ llum b’manjiera li taqbel mal-vokazzjoni reliġjuża tagħha. Kif kellhom l-okkażjoni jfissru l-Isqfijiet tat-Tieni Konċilju Vatikan, il-Knisja ma għandha l-ebda ambizzjoni materjali (ara Gaudium et Spes, 31) u “ma trid bl-ebda mod illi tindaħal fejn ma jesagħhiex fit-tmexxija tas-soċjeta’ temporali” (Ad Gentes, 12). Minflok, hija marbuta biex twettaq il-ħidma ta’ Kristu billi taħdem fedelment għas-salvazzjoni ta’ l-umanita’ kollha u ta’ kull individwu, “sħiħ, ġisem u ruħ flimkien, qalb u kuxjenza, dehen u rieda” (Gaudium et Spes, 3).

Waqt li hija tagħti xhida ta’ l-imħabba ta’ Ġesu’ Kristu, il-Knisja tagħmel sforz biex tgħaqqad il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba fi spirtu ta’ rispett reċiproku u solidarjeta’ effettiva (ibid.) Fil-ministeru tagħha, hija “tfejjaq u tgħolli d-dinjita’ tal-persuna umana,.... ssħħaħ is-soċjeta’, tagħti sens u tifsir aktar profond lill-ħidma tal-bnedmin” (op. Cit., 40). Tabilħaqq, meta tkun fidila għall-identita’ u missjoni proprji tagħha, il-Knisja temmen li hija “tista’ tgħin ħafna biex tagħmel jixirqu aktar lill-bniedem il-familja tal-bnedmin u l-istorja tagħha permezz tal-membri tagħha kollha u ta’ l-għaqda kollha tagħha” (ibid.)

Għaldaqshekk, hu fl-interess ta’ kulħadd li l-Knisja qabel kulħadd, u wkoll dawk kollha li huma ġenwinament interessanti fil-ġid ta’ l-individwi u tas-soċjeta’ għadhom jagħmlu sforz biex jippreservaw l-awtonomija ta’ azzjoni tal-Knisja. Hu importanti li l-Knisja jkollha liberta’ fl-oqsma istituzzjonali u amministrattivi u li tkun ħielsa minn pressjonijiet bla bżonn, ostakoli u manipulazzzjoni u amministrattivi u li tkun ħielsa minn pressjonijiet bla bżonn, ostakoli u manipulazzjoni. F’kelma waħda hu essenzjali li l-Knisja tkun tista’ taġixxi b’mod effettiv biex bit twettiq tal-missjoni tagħha mal-poplu kollu, turi lilha nnifisha dak li tabilħaqq hi – omm l-imgħammdin kollha (ara Lumen Gentium, 64) u, f’ċertu sens, tal-bnedmin kollha. Kif kien indikat fit-Tieni Konċilju Vatikan, il-knisja, f’solidarjeta’ mal-familja umana kollha, turi l-imħabba tagħha għal dil il-familja billi tidħol fi djalogu magħha fuq il-problemi kollha li jaffettwaw il-familja umana” (ara Gaudium et Spes, 3).

F’dan ir-rigward ma nistax ma ninnutax riżultati pożittivi mit-taħditiet li għandhom sejrin bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede li timxi f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Isqfijiet ta’ Malta. S’issa dawn it-taħdidiet taw frott fi ftehim li jfissru u jippromwovu valuri li jagħlmu parti essenzjali mill-wirt storiku, kulturali u istituzzjonali ta’ Malta u fl-istess waqt jippermettu lill-Knisja biex tibqa’ toffri s-sehem tagħha għal dak il-wirt bi qbil sħiħ mal-karattru distint tagħha u l-ħtiġijiet tal-liġi universali tagħha. Għandi fiduċja li f’materji ta’ interess komuni u b’rispett lejn l-ogħla prinċipji ta’ liberta’, ġustizzja u demokrazija ma jdumux ma jiġu konklużi aktar ftehim.

Fi ħdan il-Komunita internazzjonali li hemm rispett kbir għal Malta għall-inizjattivi li ħadet biex jissaħħu l-ftehim, il-kooperazzjoni, il-paċi u l-ġid fos il-popli. Nieħu pjaċir nesprimi anki l-apprezzament tas-Santa Sede għal dawn l-inizjattivi.

Il-preżenza fostna ta’ ħafna diplomatiċi akkreditati mar-Repubblika ta’ Malta turi l-istima għolja li jgawni n-nazzjon tagħkom fil-komunita’ internazzjonali. Waqt li nirringrazzjakom talli għoġobkom tkunu preżenti kemm waqt il-wasla tiegħi u kemm għal din iċ-ċerimonja biex iwasslu lil-Kapijiet ta’ l-Istati tagħhom, lil Gvernijiet u l-popli tagħhom, l-isbaħ tislijiet u xewqat tiegħi. Membri distinti tal-Korp Diplomatiku: hija t-tama ħerqana tiegħi li l-isforzi tagħkom biex tippromwovu relazzjonijiet armonjuzi u ta’ benefiċċju reċiproku bejn in-nazzjonijiet tagħkom u r-Republika ta’ Malta jkunu ta’ kontribut dejjiemi għas-sigurta’ u l-progress kemm fl-inħawi tal-Mediterran u kemm fid-dinja kollha.

Sinjuri: Nħossni profondament grat għall-ġentilezza u l-opitalita’ li bihom ilqajtuni. Waqt li nkompli diż-Żjara Pastorali tiegħi, nitlob fuqkom u fuq il-poplu maħbub ta’ Malta l-barka abbundanti ta’ Alla li jista’ kollox.