Ara l-verżjoni bl-Ingliż. ...>

Quddiesa Pontifikali – Omelija – Il-Fosos – Furjana  27 ta' Mejju 1990

 

Għeżież ħuti fi Kristu

 

1.         Illum, solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema, huwa jum ta’ ferħ kbir! Il-Knisja fid-dinja kollha tifraħ għax Ġesù jerġa’ lura għall-glorja fil-lemin tal-Missier.  Illum il-kattolċi ta’ Malta għandhom għax jifirħu b’mod speċjali għaliex jinsabu miġburin madwar dan l-artal mal-Isqof ta’ Ruma, is-suċċessur ta’ Pietru, li ġie jwettaq ‘il ħutu fil-fidi u l-imħabba (ara Lq 22:32).  Fl-għaqda fl-ispirtu (ara Efes  4:3)  nsellem bi mħabba u stima kbira ‘l-Arċisqof Mercieca u lill-Isqof Cauchi u ‘l-insara kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u ta’ Għawdex.  Insellem ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-poplu kollu ta’ Malta.  Insellem b’qima kbira lill-President tar-Repubblika ta’ Malta u lill-Prim Ministru tal-Gvern.  Fuqhom ukoll nitlob il-grazzja u s-sliem ta’ Kristu Rxoxt u l-faraġ tal-Ispirtu s-Santu tiegħu.

 

Il-ġrajja glorjuża li qed tfakkar il-Liturġija tal-lum kienet għadha ħajja sewwa fit-tifkiriet tal-ewwel dixxipli tal-Mulej meta t-twemmin nisrani wasal Malta permezz tal-predikazzjoni u x-xhieda ta’ San Pawl. Illum, wara dsatax-il mitt sena, il-fidi fis-Salvatur Imsallab u Rxuxtat ħalliet għelm fil-fond tar-ruħ tal-poplu Malti, u dehret f’ħafna aspetti tal-ħajja nazzjonali tagħkom.  Ħaġa sewwa għalhekk li f’din l-okkażjoni ta’ ferħ aħna nroddu ħajr lil Alla għall-fidi li Malta rċeviet mingħand l-Appostli, u għall-“qawwa kbira” ( ara Efes 1:19) li biha l-Mulej Ġesù ħareġ kotra ta’  frott ta’ qdusija fil-ħajja tal-poplu tagħha mal-medda ta’ tant sekli.  Miġburin flimkien madwar dan l-artal, nitlob lil Alla, il-Missier tagħna tas-sema, biex jispira l-kattolċi Maltin bi spirtu ogħla ta’ għaqda, fil-ħsieb, fil-qalb u fl-ispirtu biex b’mod xieraq, bil-kliem u bl-għemil, inxandru t-tpattija u rikonċiljazzjoni li l-Mulej Ġesù wettaq fuq is-Salib u qed ikompli jwettaq bil-ministeru tal-Knisja, il-Ġisem tiegħu!

 

2.         Fl-ewwel Qari tal-quddiesa tal-lum, San Luqa jgħidilna li Ġesù “wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel” “huma u jħarsu lejh, kien meħud ‘il fuq u sħaba ħaditulhom minn quddiem għajnejhom” (Atti 1:2,9).  Kif fi żmien il-Patt il-Qadim sħaba spiss kienet sinjal tal-preżenza ta’ Alla li ssalva fost il-poplu tiegħu, hekk ukoll illum, hija u taħbi ‘l Kristu, hi sinjal li tiżgurana li Kristu Rxoxt huwa u sejjer lura fis-sebħ li kellu sa minn dejjem, mhu se jħallina qatt waħedna.  Bil-maqlub, hu tassew fostna u jibqa’ jaħdem fostna sal-jum li fih jiġi mill-ġdid fil-glorja.  Għalkemm Kristu ħalla d-dinja u reġa’ lura għand Missieru tas-sema, għandna kelmtu li hu m’hu se jħalli qatt waħedha ‘l-Knisja tiegħu. Kristu jwegħedna li se jibqa’ magħna “dejjem” iva, “sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20)

            Fil-misteru tal-pjan ta’ Alla għall-Kristu u għall-familja kollha tal-bnedmin, it-Tlugħ fis-Sema huwa bidu ta’ sura oħra tar-relazzjoni tiegħu mad-dixxipli.  Kristu Rxoxt, li issa qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla fis-sema, jinsab issa “fil-Knisja li hi l-Ġisem tiegħu” (Efes 1:22-23) bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Dawk kollha li jemmnu, għax fi qlubhom jgħammar l-Ispirtu s-Santu, f’kull żmien irċevew sehem minn din ix-xirka ta’ mħabba perfetta li hi l-ħajja tat-Trinità Qaddisa.  U tingħatalhom il-grazzja li jimxu wara l-Mulej b’mod li jistgħu jirbħu d-dinja (ara Ġw 16:33) u t-toqol qadim tagħha ta’ mibegħda, dnub u firda.

            L-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-Knisja, u huwa Dak li jagħti l-ħila lil kull min jemmen biex tassew jaħdem għall-miġja tas-Saltna, u jagħti xhieda għall-verità tal-Evanġelju u li tassew seħħet il-Fidwa li ksibna bid-demm li xxerred fuq is-Salib.  Il-Knisja, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hi fiduċjuża li tassew se ttemm il-missjoni solenni li Kristu fada lil dawk li marru warajh, jiġifieri li “jagħmlu dixxipli mal-ġnus kollha u jgħammduhom fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu” ( Mt 28:9). “Mibgħuta minn Kristu biex tgħarraf u tikkomunika l-karità ta’ Alla lill-bnedmin lin-nazzjonijiet kollha” (Ad Gentes10), Il-Knisja taf li fl-Ispirtu biss tista’ tirnexxi fil-missjoni divina biex tiġbed il-bnedmin kollha lejn Kristu, u biex twassal lis-soċjetà l-grazzja u s-sliem li kiseb għalina fuq il-Kalvarju.

3          Illum, jiena u ntemm iż-żjara tiegħi, nistieden il-Knisja f’Malta biex timmedita fuq is-sura ta’ tweġiba li se tagħti għall-missjoni kbira li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu meta kien sejjer lura għand il-Missier:”Tkunu xhieda tiegħi.... sa truf l-art” (Atti 1:8).  Nitlobkom tirriflettu fuq ix-xhieda nobbli ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju li l-poplu ta’ dawn il-gżejjer wera tul is-sekli.  Ibda minn San Publju, ġemgħa kbira ta’ xhieda, ħafna minnhom magħrufin biss minn Alla, żammew sħiħ fil-fidi u għożżewha biex jgħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom, mqar fi żmien ta’ persekuzzjoni u tiġrib.  U x’ngħidu mbagħad għall-għadd kbir ta’ missjunarji li ħallew xtut Malta, il-ħafna saċerdoti u reliġjużi li bil-ħidma appostolika tagħhom taw saħħa u qawwew il-Knisja f’pajjiżhom, il-ġenituri li bis-sħuħija tal-fidi tagħhom kisbu kotra ta’ frott bit-tjieba u d-devozzjoni ta’ wliedhom?  Tassew għandna għax inroddu ħajr lil Alla għal din ix-xhieda bi kliem San Pawl stess fit-tieni Qari tal-lum: Dan :”hu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna” (Efes 1:19)

            Iżda mhux biżżejjed naħsbu bl-umiltà kollha u b’kull ħajr fid-don li takom Alla fl-imgħoddi.  Illum ukoll il-Knisja f’Malta trid tagħti widen għal leħen Kristu li qed jisfidakom biex tkomplu tagħtu xhieda tal-qawwa tal-imħabba tiegħu li twassal għal rikonċiljazzjoni.  Kemm minnkom qasmu miegħi n-niket tagħkom għall-firdiet kbar li jinsabu f’ħafna livelli tas-soċjetà tagħkom!  Jista’ qatt xi nisrani jemmen li dawn il-firdiet ġejjin minn Alla?  Ma tgħallimkomx il-fidi tagħkom li l-għerq ta’ kull mibegħda bejn bniedem u ieħor u bejn grupp u ieħor hu dnub, dak id-dnub tal-qedem li ma jridx jaf bix-xbieha ta’ Alla fil-bniedem u jirrifjutaha?  Fl-aħħar mill-aħħar, il-firdiet fost il-bnedmin mhumiex jewwilla frott ta’ dak id-dnub taċ-ċaħda tal-imħabba ta’ missier ta’ Alla u tad-doni ta’ mħabbtu” (Ara Reconciliatio et Paenitentia N 10)?  Fid-dawl tal-fidi li nistqarru, nistgħu qatt naċċettaw bħala ħaġa sewwa l-mibegħda għal għajrna jew nemmnu li aħna m’aħniex marbutin bil-kmandament ta’ Alla li nħobbu l-għedewwa tagħna u naħfru “minn qalbna” (ara Mt 18:35) dawk li jaħtu għalina?

            Għeżież ħuti: f’isem Ġesù Kristu, bil-qawwa kollha nitlobkom ilkoll illum biex tgħarblu lilkom infuskom (ara 1 Kor 11:28) u biex tneħħu kull ma qiegħed ifixkel il-fejqan ta’ ġerħat li ilhom wisq miftuħin.  F’isem Ġesù Kristu, nitlobkom tagħtu bidu ġdid ta’ maħfra u ta’ rispett għal xulxin.  B’fiduċja kbira fil-qawwa setgħa tal-grazzja ta’ Alla, li tiġikom mis-sagrament tal-Penitenza, jalla titwettqu fil-ħidma iebsa biex jerġa’ jkun hemm fostkom rispett għal xulxin u djalogu f’kull livell tal-ħajja soċjali u nazzjonali.  Wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-insara Maltin kollha huwa li jwarrbu kull tilwim u kull għira u jegħlbu kull firda, kemm fi ħdan il-familji, kemm fil-postijiet tax-xogħol u kemm fil-ħajja politika.  Illum, il-Mulej qiegħed jisfida lil kull wieħed minnkom biex il-fidi li rċevejtu tbiddluha f’xhieda ħajja u kollha ħeġġa tal-qawwa tal-imħabba li taħfer u tħobb.  U qiegħed jistedinkom tingħaqdu ma’ ħutkom kollha mingħajr ma tħallu ‘l ħadd barra, għall-bini ta’ soċjetà li tixraq lit-tradizzjoni magħrufa ta’ fidi u ta’ virtù li hi dik Maltija!

4.         Fil-liturġija tal-lum smajna lil San Pawl jitlob għall-għaqda u s-sliem fost l-insara ta’ Efesu.  Nagħmel tiegħi t-talba tiegħu jien u nkellimkom, ħuti fil-Knejjes ta’ Malta u Ġħawdex.  Nitlob ‘il Alla l-Missier tagħna, ħalli dejjem idawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom (Efes 1:18-19).    

            Ħa jdawlilkom għajnejkom!  F’dawn l-aħħar snin tat-Tieni Millenju kemm tidher ċara l-ħtieġa li tant u tant irġiel u nisa jkollhom “għajnejhom imdawla” mill-grazzja ta’ Alla biex jagħrfu x’inhu dak kollu li ma jaqbilx mad-dinjità tagħhom ta’ wlied Alla, maħluqin fuq is-sura u x-xbieha  tiegħu (ara Ġen 1:26-27) u msejħin biex jikbru f’ħajja li m’għandhiex tmiem.  F’dawn il-ġranet, aħna u nħarsu lejn l-Ewropa tal-Lvant u naraw jaqgħu dawk l-ideoloġiji materjalistiċi li riedu jċaħħdu l-bniedem minn ruħu stess, ma nistgħux ma nintebħux ukoll li f’postijiet oħra qed jinbet materjaliżmu prattiku, idolatrija ġdida, li qed thedded li toħnoq l-ispirtu.  Kemm hu meħtieġ li l-insara jkollhom “għajnejhom imdawla” minn Kristu biex jiċħdu bħala ħaġa li xejn ma taqbel mal-libertà vera u mad-dinjità tal-bniedem il-kultura ġdida tal-konsumiżmu li tfaħħar il-pjaċir bħala għan fih innifsu, bla ebda relazzjoni mal-liġi morali.  Fl-aħħar mill-aħħar jasal biex jiċħad is-solidarjetà tagħna ma’ min hu fil-bżonn.

            Ħa jdawlilkom għajnejkom!   Aktar minn darba fl-istorja tagħha Malta għaġġbet lid-dinja u tfaħħret għad-difiża bla kompromessi tal-fidi nisranija, dejjem lesta biex iġġarrab sagrifiċċji erojċi f’ġieh dik il-kultura li l-fidi mantniet u wettqet.  Fi żminijietna, meta l-Ewropa qed titħejja għall-bidu ta’ żmien ġdid fi ġrajjietha, żmien mimli tamiet ġodda u sfidi, Malta hi msejħa biex tagħti sehemha għall-għaqda spiritwali tal-Kontinent l-Antik billi toffri t-teżori tagħa ta’ fidi u ta’ valuri.  L-Ewropa teħtieġ ukoll ix-xhieda fidila ta’ Malta!

5.         Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema li qed nagħmlu tfakkarna li Kristu  issa qiegħed fuq il-lemin tal-Missier  bħala Mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin, l-Imħallef tal-bnedmin kollha u tal-ġrajjiet kollha.  Dan hu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu! (Efes 1:19).  B’mewtu fuq is-Salib, Ġesù kixef darba għal dejjem x’kobor ta’ ħsara ġab id-dnub ta’ Adam, u wassal ir-rikonċiljazzjoni u s-sliem lill-familja kollha tal-bnedmin.

            Tonqsu qatt li tafdaw f’din is-setgħa! Ġesù biddel id-dinja u għamilha ħolqien ġdid.  F’Ġesù, it-tieni Adam, kull wieħed minna bil-qawwa tal-Magħmudija, hu msejjaħ biex jgħin fit-tħejjija ta’ din id-dinja għall-miġja tiegħu fil-glorja u għat-twaqqif sħiħ tas-Saltna tiegħu, “saltna ta’ verità u ta’ ħajja, saltna ta’ qdusija u ta’ grazzja, saltna ta’ ġustizzja, mħabba u sliem (Missal Ruman, Prefazju tas-Solennità ta’ Kristu sultan tal-Holqien kollu).  Tiddubitaw qatt: il-Feddej tagħna, li “bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli nistgħu aħna nitolbu jew naħsbu” (Efes 3:20), iwettaqkom għal kull opra tajba u jagħtikom il-ħila li taqdu l-missjoni li għaliha sejħilkom.

            “Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”(Atti 1:11).  Waqt li l-Knisja “tistenna b’tama hienja” l-miġja ta’ Sidna fil-glorja, nitlob biex fil-familji tagħkom, fil-Knejjes lokali tagħkom, fil-ħajja politika u soċjali tagħkom, kull wieħed minnkom jagħti sehmu bil-fedeltà kollha għall-ħidma ta’ Kristu għall-bini tas-Saltna tiegħu sal-jum magħruf biss mill-Missier, meta jerġa’ jiġi fil-glorja. Ammen.