L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Ittra Appostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II liż-Żgħażagħ

 

klikkja fuq ir-ritratt ...

 

 

 

Ħajr lil Antoinette Degabriele  għat-typing tad-dokument.

 

ITTRA APPOSTOLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLI II

LIŻ-ZGĦAŻAGĦ TAD-DINJA FL-OKKAŻJONI

TAS-SENA INTERNAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Għeżież ħbieb,

1.  Xewqat tajba għas-Sena Internazzjonali taż-żgħażagħ

"Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom."1

B'dan il-kliem inkellem lilkom iż-żgħażagħ fil-bidu ta' din is-sena 1985 li l-Ġnus Magħquda ħabbruha bħala s-Sena Internazzjonali taż-Żgħażagħ; ħaġa li tfisser ħafna l-ewwel nett għalikom iż-żgħażagħ, imma wkoll għan-nies kollha ta' kull żmien – individwi, kommunitajiet u s-soċjetà kollha tal-bnedmin. Din hi wkoll ħaġa ta' tifsir speċjali għall-Knisja, li hija dik li tħares dawk li huma l-veritajiet u l-valuri fondamentali u fl-istess ħin hi l-ministru tad-destin li għandu l-bniedem u l-familja kollha tal-bnedmin f'Alla nnifsu.

Il-bniedem hu t-triq ewlenija u fl-istess ħin it-triq ta' kuljum tal-Knisja2, u għalhekk mhijiex xi ħaġa tqila biex wieħed jifhem għaliex il-Knisja tagħti importanza speċjali liż-żmien taż-żogħżija, għaliex tqisu ż-żmien li hu l-muftieħ tal-ħajja ta' kull bniedem.  Intom iż-żgħażagħ intom iż-żogħżija tan-nazzjonijiet u tas-soċjetajiet, ta' kull familja u tal-bnedmin kollha; intom ukoll iż-żogħżija tal-Knisja. Ilkoll inħarsu lejkom, għaliex aħna lkoll, bikom, b'xi mod, nerġgħu dejjem insiru żgħażagħ. Għalhekk iż-żogħżija mhijiex xi ħaġa tagħkom biss, tagħkom personali, xi ħaġa tal-ġenerazzjoni tagħkom biss; hi taż-żmien kollu li minnu jrid jgħaddi l-bniedem fil-mixja ta' ħajtu, u fl-istess ħin hi ġid speċjali ta' kulħadd. Hi ġid tal-familja kollha tal-bnedmin.

Fikom hemm it-tama, għax intom tal-ġejjieni kif il-ġejjieni hu tagħkom. Għaliex it-tama hi dejjem marbuta mal-ġejjieni; tittama jiġifieri tistenna "l-ġid li jrid jiġi". Bħala virtù nisranija t-tama hi marbuta mal-ħsieb li għad niksbu dak il-ġid ta' dejjem li Alla wiegħed lill-bniedem f'Ġesù Kristu3. U fl-istess ħin, din it-tama, bħala virtù nisranija u bħala virtù umana, hija l-mistennija tal-ġid li l-bniedem jista' jagħmel bit-talenti li tagħtih il-Provvidenza ta' Alla.

F'dan is-sens il-ġejjieni hu ħaġa tagħkom iż-żgħażagħ, kif darba kienet ħaġa ta' dawk li llum huma l-kbar, u kien proprju flimkien magħhom li saret dak li hi d-dinja llum.  Ir-responsabbiltà tad-dinja kif inhi llum, f'dak li hi fiha nfisha u fis-suriet kollha tagħha ta' kull xorta, hija l-ewwel nett tal-kbar. Ir-responsabbiltà tagħkom hi dwar dak li għad tkun id-dinja flimkien magħkom, imma dan għad irid jiġi.

Meta ngħidu li l-ġejjieni hu tagħkom inkunu qegħdin naħsbu fuq dak li minnu jgħaddi l-bniedem, u dan hu dejjem xi ħaġa fil-ġejjieni. Meta ngħidu li l-ġejjieni jiddependi minnkom inkunu qegħdin naħsbu fuq valuri morali, fuq x'titlob ir-responsabbiltà morali, responsabbiltà li ġġiegħelna naraw fil-bniedem, bħala persuna – u lill-komunitajiet u lis-soċjetajiet li huma magħmulin minn bnedmin – il-valur fondamentali ta' kulma jagħmel, ta' kulma jiddeċiedi, ta' kulma jaħseb u ta' kulma jibda.

Din id-dimensjoni hi wkoll id-dimensjoni proprja tat-tama nisranija u umana. U f'din id-dimensjoni l-ewwel u l-aqwa xewqa li ttenni l-Knisja b'fommi, lilkom iż-żgħażagħ, hi, li f'din is-sena dedikata liż-żgħażagħ, intom "tkunu tistgħu tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama tagħkom"1.

2.  Kristu jkellem liż-żgħażagħ

Dawn il-kelmiet li darba nkitbu mill-Appostlu San Pietru lill-ewwel ġenerazzjoni ta' nsara, huma marbutin mal-Evanġelju kollu ta' Kristu. Din ir-rabta forsi narawha aħjar jekk nikkunsidraw il-konversazzjoni ta' Kristu maż-żagħżugħ li jsemmu l-Evanġelisti5. Fost il-ħafna siltiet mill-Iskrittura, din is-silta ta' min ifakkarha f'dan il-waqt.

Għall-mistoqsija: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?", Ġesù l-ewwel wieġeb bil-mistoqsija: "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss". Imbagħad żied jgħid: "Inti l-kmandamenti tafhom. 'La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta' ħaddieħor, weġġah 'il missierek u 'l ommok'"6. B'dan il-kliem Ġesù fakkar liż-żagħżugħ xi kmandamenti ewlenin tad-Dekalogu.

Iżda l-konversazzjoni ma waqfitx hawn, għax iż-żagħżugħ wieġeb: "Mgħallem, jien dan kollu ili nħarsu minn żogħżiti". Imbagħad l-Evanġelista jżid: "Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba  u qallu: 'Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema: imbagħad ejja, u imxi warajja'."7 F'dan il-mument l-atmosfera tal-laqgħa titbiddel. L-evanġelista jikteb: "Għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu, u telaq b'qalbu sewda għax kellu ħafna ġid."8

Hemm siltiet oħra fl-Evanġelju fejn naraw lil Ġesù jiltaqa' ma' żgħażagħ – ta' min isemmi b'mod speċjali ż-żewġ darbiet li Ġesù qajjem mill-imwiet żewġ żgħażagħ, il-bint ta' Ġajru9 u lil bin l-armla ta' Najn10 – iżda nistgħu ngħidu mingħajr biża' li niżbaljaw li l-laqgħa maż-żagħżugħ hija l-aktar waħda sħiħa u l-aktar waħda mimlija tagħlim. Nistgħu ngħidu wkoll li din il-laqgħa għandha karattru universali u 'l fuq minn kull żmien, jiġifieri, b'xi mod għandha li hi ta' dejjem u tibqa' tul il-mijiet tas-snin u f'kull nisel. Kristu jkellem b'dan il-mod kull żagħżugħ, ġuvni jew xebba, kullimkien fid-dinja, f'kull nazzjon, ta' kull ġens u kultura. Kull wieħed u waħda minnkom jista' jkun dak iż-żagħżugħ, li miegħu Kristu jitkellem. Fl-istess ħin il-ġrajja kollha ta' din il-konversazzjoni, il-kliem kollu li ntqal matulha, kemm minn Ġesù  u kemm miż-żagħżugħ, kollu għandu tifsir, u kollu għandu l-importanza proprja tiegħu. Nistgħu ngħidu li dan il-kliem għandu fih verità tassew għolja dwar il-bniedem, u fuq kollox, verità dwar iż-żogħżija. Dan il-kliem hu verament ta' piż kbir għaż-żgħażagħ.

Ħalluni għalhekk norbot il-ħsibijiet ta' din l-ittra tiegħi mal-ġrajja ta' din il-laqgħa, mal-kliem tal-Evanġelju dwarha. Forsi b'dan il-mod ikun eħfef għalikom tiżviluppaw il-konversazzjoni tagħkom ma' Kristu – konversazzjoni li għandha importanza fondamentali u essenzjali għal kull żagħżugħ u għal kull żagħżugha.

3.  Iż-żogħżija hi tezor speċjali

Nibdew b'dak li nsibu fl-aħħar silta tal-Evanġelju. Iż-żagħżugħ telaq minn ħdejn Ġesù b'qalbu sewda "għaliex kellu ħafna ġid".

Dan il-kliem żgur ifisser li ż-żagħżugħ kellu jew kien werriet ta' ħafna ġid materjali. Forsi biss xi żgħażagħ huma f'din il-qagħda, iżda din mhijiex il-qagħda proprja taż-żgħażagħ. Għalhekk kliem l-evanġelista jġiegħelna nħarsu lejn il-ħaġa mod ieħor; iż-żogħżija hi fiha nfisha teżor speċjali tal-bniedem, ta' żagħżugħ jew żagħżugħa – hemm jew ma hemmx ġid materjali – u spiss iż-żgħażagħ  jgħixu żogħżithom qisha xi teżor speċjali, spiss, imma mhux dejjem u mhux bi drawwa, għax fid-dinja ma jonqsux nies li għal xi raġuni jew oħra ma jgħixux żogħżithom qisha xi teżor. Imma din il-ħaġa narawha għaliha.

Iżda hemm raġunijiet – u huma raġunijiet bil-fatti li jġiegħeluna nqisu ż-żogħżija xi teżor speċjali li wieħed igawdi f'mument partikulari tal-ħajja. Hu żmien li jingħażel sewwa minn żmien it-tfulija (huwa żmien li fih wieħed iħalli tfulitu), kif jingħażel sewwa wkoll miż-żmien li fih il-bniedem jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu bħala bniedem. Żmien iż-żogħżija huwa ż-żmien li fih il-bniedem jara bil-qawwa kollha hu x'inhu bħala bniedem, u x'inhuma l-kwalitajiet u l-kapaċitajiet kollha tiegħu. Huwa u jħares fih innifsu u jara lilu nnifsu jikber bħala bniedem, iż-żagħżugħ (jew iż-żagħżugħa), bil-mod il-mod u ftit ftit, jintebaħ x'inhi l-ħila proprja tiegħu bħala bniedem, ħila li ma hemmx oħra bħalha u li tiġbor fiha l-pjan tal-ħajja kollha tiegħu fil-ġejjieni. Ħajtu jaraha bħala dan il-pjan li qiegħed iseħħ, bħallikieku hu nnifsu qiegħed jilħaq il-kobor kollu tiegħu bħala bniedem.

Din il-ħaġa wieħed jista' jħares lejha u jfissirha f'aktar minn sura waħda: iżda biex infissruha fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li hi s-sura u l-mod ta' dak it-teżor li hi ż-żogħżija. Dan it-teżor hu l-għana u l-ġid li tagħraf, torganizza u tagħżel x'deċiżjonijiet personali se tieħu, tintebaħ bihom minn qabel u tkun responsabbli tagħhom, deċiżjonijiet li se jkunu importanti għall-ġejjieni fil-ħajja strettament personali tiegħek. Fl-istess ħin dawn id-deċiżjonijiet għandhom ukoll importanza soċjali kbira. Iż-żagħżugħ tal-Evanġelju kien qiegħed proprju f'dan il-waqt ta' ħajtu, kif naraw mill-mistoqsija li għamel lil Ġesù. Għalhekk l-aħħar kelmiet dwar il-"ħafna ġid" – jiġifieri għana – nistgħu nifhmuh ukoll fis-sens li l-istess żogħżija hija teżor ta' għana u ġid.

Iżda jkollna nagħmlu din il-mistoqsija: Dan it-teżor taż-żogħżija bilfors ibiegħed il-bniedem minn Alla? Żgur li l-evanġelista dan ma jgħidux; anzi, jekk ngħarblu sewwa l-kliem tal-Evanġelju, naslu għall-konklużjoni oħra. Id-deċiżjoni li jitbiegħed minn Kristu għalkollox, iż-żagħżugħ wasal għaliha minħabba l-ġid materjali, minħabba dak li kellu. U mhux minħabba dak li kien. Dak li kien jiġifieri għax kien żagħżugħ – it-teżor moħbi taż-żogħżija – wasslu għand Ġesù u ġiegħelu wkoll jagħmel dawk il-mistoqsijiet li juru ċar ħafna t-tħassib tiegħu dwar il-pjan ta' ħajtu kollha kemm hi. X'għandi nagħmel? "X'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" X'għandi nagħmel biex ħajti jkollha s-siwi u t-tifsir sħiħ tagħha?

Iż-żogħżija ta' kull wieħed u waħda minnkom, ħbieb, hi teżor li jidher proprju f'dawn il-mistoqsijiet. Il-bniedem tul ħajtu kollha jagħmel dawn il-mistoqsijiet. Iżda fi żmien iż-żogħżija dawn il-mistoqsijiet isiru bil-qawwa kollha u jridu tweġiba malajr, u jsiru bla heda. U din hi ħaġa tajba. Dawn il-mistoqsijiet juru b'liema dinamiżmu, b'liema ħeġġa qiegħed jiżviluppa l-bniedem bħala bniedem: huwa d-dinamiżmu proprju taż-żogħżija. Intom xi kultant tagħmlu dawn il-mistoqsijiet u ma għandkomx sabar tistennew tweġiba, u fl-istess ħin intom stess tifhmu li t-tweġiba ma tistax tingħata bil-għaġġla u fuq fuq. It-tweġiba trid tkun tassew tiswa, tkun ċara u tgħodd għal dak li jkun. Hija tweġiba li għandha x'taqsam mal-ħajja kollha ta' dak li jkun, tħaddan ħajtu kollha bħala bniedem.

Dawn il-mistoqsijiet essenzjali jaħmluhom b'mod speċjali dawk iż-żgħażagħ li minn tfulithom sabu ruħhom magħfusin mit-toqol tat-tbatija: minħabba xi nuqqas jew difett fiżiku, minħabba xi marda jew xi handicap jew minħabba l-qagħda diffiċli tal-familja jew tal-ambjent soċjali li fih jgħixu. Jekk moħħhom imbagħad fl-istess ħin jiżviluppa b'mod normali, il-mistoqsija dwar it-tifsir u s-siwi tal-ħajja ssir għalihom mistoqsija essenzjali ħafna u b'mod speċjali traġika wkoll, għaliex il-mistoqsija tagħhom hi mill-bidu nett immarkata bis-sinjali tat-tbatija tal-ħajja. U kemm hemm żgħażagħ minn dawn fil-kotra kbira taż-żgħażagħ fid-dinja kollha; fin-nazzjonijiet u s-soċjetajiet kollha; fil-familji! Kemm minnhom kellhom jgħixu minn tfulithom f'xi istitut jew f'xi sptar, f'qagħda li ma jistgħu jagħmlu, tista' tgħid, xejn, qagħda li twassalhom biex iħossu li huma ma jiswew xejn għall-bnedmin tad-dinja!

Nistgħu għalhekk ngħidu li ż-żogħżija ta' dawn hi wkoll teżor moħbi? Lil min se nagħmlu din il-mistoqsija? Lil min se jagħmlu huma din il-mistoqsija essenzjali? Milli jidher din il-mistoqsija tista' ssir biss lil Kristu, għax hu biss jista' jweġibha, u ma hemmx ħaddieħor li jista' jidħol għal kollox floku.

 

4.  Alla hu mħabba

Kristu jwieġeb liż-żagħżugħ tal-Evanġelju, u jgħidlu: "Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss". Smajna ġà dak li kien staqsa ż-żagħżugħ: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" Kif għandi nġib ruħi biex ħajti jkollha t-tifsir tagħha, it-tifsir sħiħ u l-qawwa kollha tagħha? Nistgħu nagħmlu din il-mistoqsija bi kliem tal-lum. U jekk nagħmluha b'dan il-mod it-tweġiba ta' Kristu tkun din: Alla biss fl-aħħar mill-aħħar hu l-pedament ta' kull ġid; Alla biss tajjeb; u dan ifisser li hu biss hu l-bidu u t-tmiem ta' kull ġid; hu l-"Alpha u l-Omega, il-bidu u t-tmien"11. Fih biss kull ġid jitwettaq għal kollox u jikseb il-verità sħiħa tiegħu. Mingħajru – jiġifieri jekk inwarrbu 'l Alla – il-ġid kollu maħluq jibqa' qisu mdendel f'vojt u baħħ bla qjies; ma jibqax aktar jidher b'mod ċar, ma jibqa' jfisser xejn. Id-deni jibda jidher qisu ġid, u l-ġid jitwaarrab fil-ġenb. Dan ma narawhx mill-esperjenza taż-żminijiet tagħna, kull fejn Alla ġie mwarrab mill-valuri, mill-fehmiet u mill-ħidma tal-bniedem?

Għaliex Alla biss hu tajjeb? Għaliex hu Mħabba. Kristu jagħti din it-tweġiba bi kliem l-Evanġelju, u fuq kollox bix-xhieda tal-ħajja u tal-mewt tiegħu. "Għax Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni"12. Alla hu tajjeb proprju għaliex "hu mħabba"13.

Kif għidt, il-mistoqsija dwar is-siwi tal-ħajja, dwar it-tifsir tal-ħajja, hi parti mit-teżor proprju taż-żogħżija. Toħroġ mill-qalba tal-għana u tat-tħassib li hu marbut mal-pjan ta' ħajja li kull bniedem irid ifassal u jagħmel. Aktar u aktar imbagħad hi importanti din il-mistoqsija, meta ż-żagħżugħ hu mġarrab hu nnifsu mit-tbatija, jew meta hu milqut f'laħam il-ħaj mit-tbatija tal-oħrajn, meta jħoss ruħu mħawwad fuq li mħawwad huwa u jara kemm hemm deni fid-dinja, u, fl-aħħar nett meta jsib ruħu wiċċ imb wiċċ mad-dnub, wiċċ imb wiċċ mal-ħażen tal-bniedem (mysterium iniquitatis)14. It-tweġiba ta' Kristu hi din: "Alla biss hu tajjeb"; Alla biss hu mħabba. Din it-tweġiba tidher iebsa, iżda hi fl-istess ħin soda u vera wkoll għax tagħti soluzzjoni ċerta u żgura. Kemm nitlob, għeżież ħbieb żgħażagħ tiegħi, kemm nitlob li tilqgħu t-tweġiba ta' Kristu qisha magħmula lilkom stess; kemm nitlob li ssibu dik it-triq tar-ruħ li twassalkom biex tifhmuha, tilqgħuha u tagħmluha.

Hekk ġab ruħu Ġesù fil-konversazzjoni tiegħu maż-żagħżugħ; hekk iġib ruħu fid-djalogu ma' kull wieħed u waħda minnkom. Meta tgħidulu: "Mgħallem tajjeb", hu jistaqsikom, "Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss". Għalhekk, għax jiena tajjeb, jien nagħti xhieda għal Alla. "Min ra lili ra l-Missier15. Hekk jitkellem Kristu, l-imgħallem u l-ħabib, Kristu msallab u rxoxt; dejjem l-istess il-bieraħ, illum u għal dejjem16.

Dan hu l-qofol, il-punt essenzjali tat-tweġiba għal dawk il-mistoqsijiet li intom iż-żgħażagħ tagħmlulu mit-teżor li hemm fikom, li għandu għeruqu f'żogħżitkom.

Iż-żogħżija tagħkom tiftħilkom quddiemkom ħafna prospettivi differenti; tgħabbikom bid-dmir li tagħmlu pjan għal ħajjitkom kollha. Għalhekk il-mistoqsija dwar x'inhuma l-valuri; għalhekk il-mistoqsija dwar xi tfisser il-ħajja, x'inhi l-verità, x'inhu t-tajjeb u x'inhu l-ħażin. Meta Kristu huwa u jweġibkom u jgħidilkom biex tirriferixxu dan kollu lil Alla, hu jkun jurikom li l-bidu u l-pedament ta' dan kollu jinsab fikom stess. Dan għaliex kull wieħed minnkom hu, mill-ħolqien, sura u xbieha ta' Alla17. Din is-sura u xbieha ta' Alla li intom, twassalkom biex tagħmlu dawk il-mistoqsijiet li għandkom tagħmlu lilkom infuskom. Dawn il-mistoqsijiet juru kemm il-bniedem ma jistax jifhem lilu nnifsu mingħajr Alla, u lanqas jista' mingħajr Alla jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu bħala bniedem. Ġesù Kristu ġie fid-dinja l-aktar biex kull wieħed minna jintebaħ b'dan. Mingħajru hi ħaġa ħafifa ħafna li tintesa għal kollox din id-dimensjoni fondamentali tal-verità dwar il-bniedem. "Id-dawl ġie fid-dinja"18, iżda "d-dlamijiet ma għarfuhx"19.

5. Il-mistoqsija dwar il-ħajja ta' dejjem.......

X'għandi nagħmel biex ħajti tkun tiswa, biex ikollha tifsir? Dan huwa l-kliem tal-mistoqsija ħerqana li toħroġ minn fomm iż-żagħżugħ tal-Evanġelju huwa u jistaqsi: "X'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?"  Bniedem li jagħmel il-mistoqsija b'dan il-mod, in-nies tal-lum jifhmuh? M'aħniex nies illum li l-fehma tagħhom, dwar il-ħajja hi mibnija tista' tgħid kollha kemm hi fuq id-dinja u l-progress fid-dinja? Ħsibijietna huma kollha fid-dinja. Jekk bi ħsibijietna mmorru 'l hemm mid-dinja, ħsibijietna jkunu dwar titjir fl-ispazju, dwar kif se nibgħatu sinjali lejn pjaneti oħra, dwar strumenti li jintbagħtu jistħarrġu pjaneti oħra.

Din hi llum iċ-ċiviltà tagħna. Ix-xjenza flimkien mat-teknoloġija sabu, b'mod tal-għaġeb, x'ħila u x'setgħa għandu l-bniedem fuq il-materja li waslet biex taħkem sa fil-fond tal-ħsibijiet, tal-fakultajiet, tal-inklinazzjonijiet u tax-xewqat kollha tiegħu.

Fl-istess ħin, meta aħna nqiegħdu ruħna quddiem Kristu, meta niftħu qalbna miegħu u nagħmlulu l-mistoqsijiet ta' żogħżitna, malajr nintebħu li l-mistoqsijiet li rridu nagħmlulu mhux se jkunu differenti minn dawk taż-żagħżugħ tal-Evanġelju: "X'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem"? Kull mistoqsija oħra dwar it-tifsir u s-siwi tal-ħajja, quddiem Kristu, ma tkunx biżżejjed, ma tkunx tiswa.

Kristu mhuwiex biss l-"Imgħallem tajjeb", li jurina fuq l-art it-triq tal-ħajja; hu xhud ukoll tad-destin ta' dejjem li l-bniedem għandu f'Alla. Hu xhud tal-immortalità tal-bniedem. L-Evanġelju li Kristu xandar b'fommu ġie mwettaq darba għal dejjem bis-salib u l-qawmien mill-imwiet fil-misteru tal-Għid: "Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu"20. Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, Kristu sar ukoll għal kull żmien "sinjal li jmeruh"21, quddiem kull ħsieb u kull fehma li ma jistgħux iwasslu l-bniedem 'l hemm mill-mewt. Quddiem il-mewt dawn il-fehmiet u dawn il-ħsibijiet m'għandhomx tweġiba dwar il-valur u t-tifsir tal-ħajja. Quddiem dawn il-fehmiet u ħsibijiet, quddiem dan il-mod kif wieħed iħares lejn id-dinja, quddiem dawn l-ideoloġiji, Kristu jtenni dejjem: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja"22.

Għalhekk, ġuti għeżież, jekk tridu tkellmu 'l Kristu u tilqgħu l-verità sħiħa tax-xhieda tiegħu, tridu min-naħa l-waħda "tħobbu d-dinja – Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni"23 – u fl-istess ħin tridu jkollkom qalbkom miftuma għal kollox minn dik ir-"realtà" tlellex u ssaħħar li hi "d-dinja". Jeħtieġ tiddeċiedu li tagħmlu l-mistoqsija dwar il-ħajja ta' dejjem. Għaliex "is-sura ta' din id-dinja għad tgħaddi"24 u kull wieħed u waħda minna jrid jgħaddi minn din id-dinja. Meta l-bniedem jitwieled, għandu ġà quddiemu li xi darba jrid imut u jħalli d-dinja li naraw; iżda fl-istess ħin il-bniedem iħoss fih innifsu li qiegħed jgħix biex jirbaħ lilu nnifsu, u għandu wkoll fih innifsu kulma jeħtieġ biex jirbaħ id-dinja.

Kulma għandu l-bniedem fih innifsu biex bih jirbaħ id-dinja – minkejja li huwa fid-dinja – jsib it-tifsira tiegħu fil-fatt li hu maħluq sura u xbieha ta' Alla, sura u xbieha li hi fil-bniedem sa mill-bidu tiegħu. Kulma għandu l-bniedem biex jirbaħ id-dinja, mhux biss iwassluh biex jistaqsi dwar il-ħajja ta' dejjem, imma jwasslu wkoll biex ma jkunx jista' ma jistaqsix dwar il-ħajja ta' dejjem. Il-mistoqsija dwar il-ħajja ta' dejjem ilha ssir mill-bniedem, mhux biss fi ħdan ir-reliġjon nisranija, iżda wkoll barra mir-reliġjon nisranija. Jeħtieġ ikollkom dik il-ħeġġa tal-qalb biex tagħmlu din il-mistoqsija, li kellu ż-żagħżugħ tal-Evanġelju. Ir-reliġjon nisranija tgħallimna li aħna nifhmu x'inhu ż-żmien ta' issa fid-dawl tal-ħajja ta' dejjem u tas-Saltna ta' Alla. Mingħajr dan id-dawl, il-ħajja tal-bniedem f'dan iż-żmien, għalkemm mogħnija b'kull ġid, għalkemm żviluppata mill-aħjar f'kollox, fl-aħħar mill-aħħar ma twasslux ħlief biex ikun jaf li se jmut żgur.

Hemm qisha oppożizzjoni bejn iż-żogħżija u l-mewt, għax il-mewt tidher 'il bogħod ħafna miż-żogħżija. Veru. Iżda ż-żogħżija tfisser pjan ta' ħajja sħiħa, pjan imfassal bi kriterji ta' valuri veri u ta' tifsir veru – għalhekk fiż-żogħżija huwa meħtieġ ukoll li wieħed jistaqsi  x'se jkun it-tmiem. L-esperjenza tal-bniedem waħidha tasal biex tgħid dak li nsibu fl-Iskrittura: "Il-bnedminn għandhom imutu darba biss"25, u l-kittieb, imnebbaħ minn Alla, jżid: "u wara dan isir il-ġudizzju"26. Imma Kristu jgħid: "Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, igħix, u kull minn igħix u jemmen fija ma jmut qatt"27. Għalhekk staqsu lil Kristu dak li staqsih iż-żagħżugħ tal-Evanġelju: "X'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?"

6.  .......dwar il-moralità u l-kuxjenza

Għal din il-mistoqsija Ġesù wieġeb: "Inti l-kmandamenti tafhom", u semmihomlu. Dawn il-kmandamenti Mosè rċevihom fuq l-għolja tas-Sinaj, meta seħħ il-patt bejn Alla u Israel. Kienu miktuba fuq twavel tal-ġebel28 u kienu kuljum juru lil-Lhud liema kienet triqthom29. Iż-żagħżugħ li mar ikellem lil Kristu, il-kmandamenti kien jafhom bl-amment, u kollu ferħan seta' jgħid: "Dan kollu ili nħarsu sa minn żogħżiti"30. Għandi naħseb li meta kull wieħed u waħda minnkom, għeżież żgħażagħ, tiltaqgħu ma' Kristu, jagħmlilkom l-istess mistoqsija: "Inti l-kmandamenti tafhom?" Din il-mistoqsija żgur jagħmililkom, għaliex il-kmandamenti huma parti mill-patt ta' Alla mal-familja kollha tal-bnedmin. Il-kmandamenti huma l-ewwel pedament ta' kif għandna nġibu ruħna, jgħidulna x'inhu s-siwi morali tal-għemil tal-bniedem, huma marbutin b'mod "organiku" mas-sejħa tal-bniedem għall-ħajja ta' dejjem, u mat-twaqqif tas-Saltna ta' Alla fil-bniedem u fost il-bnedmin. Fi kliem ir-Rivelazzjoni ta' Alla lill-bniedem hemm il-liġi ewlenija tal-imġiba, li tagħha l-aqwa parti huma t-twavel tal-għaxar kmandamenti, li nkitbu fuq l-għolja tas-Sinaj u laħqu l-perfezzjoni fl-Evanġelju: fid-diskors tal-muntanja31 u fil-kmandament tal-imħabba32.

Din il-liġi tal-imġiba hi wkoll miktuba mod ieħor. Hi miktuba fil-kuxjenza morali ta' kull bniedem tant li dawk li ma jafux bil-kmandamenti, jiġifieri bil-liġi li Alla ta lill-bnedmin, "huma liġi għalihom infushom"33. Hekk jikteb San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, u minnufih iżid: "Dawn juru b'għemilhom li l-liġi hi miktuba f'qalbhom u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom"34.

Dawn huma kwistjonijiet ta' importanza kbira għaż-żogħżija tagħkom, u għall-pjan ta' ħajja li jrid joħroġ minnha.

Dan il-pjan ta' ħajja jkollu quddiem u l-ħajja ta' dejjem l-ewwel nett jekk iqis il-verità tal-għemil li bih irid iseħħ. Din il-verità tal-għemil għandha l-pedament tagħha fiż-żewġ suriet li bihom taslilna l-liġi morali: dik miktuba fuq it-twavel tal-liġi ta' Mosè u fl-Evanġelju, u dik qisha minquxa fil-kuxjenza morali ta' kull bniedem. Il-kuxjenza, jikteb San Pawl, tagħti xhieda ta' din il-liġi. U din il-kuxjenza, kif naqraw fl-Ittra lir-Rumani, "issa takkuża u issa tapprova għemilhom"35. Kulħadd jara kemm dan il-kliem jaqbel mal-verità li hemm fina: kull wieħed minna sa minn tfulitu jisma' leħen il-kuxjenza tiegħu.

Mela meta Kristu, fil-konversazzjoni tiegħu maż-żagħżugħ, semmielu l-kmandamenti: "La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhedx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta' ħaddieħor, weġġah 'il missierek u 'l ommok"36, il-kuxjenza tajba ġewwa fih tagħtu tweġiba għall-għemil li jkun għamel: tapprova jew takkuża. Iżda jeħtieġ li l-kuxjenza ma titbiegħedx mit-triq it-tajba; jeħtieġ li l-pedament tal-prinċipji fondamentali tal-morali ma jiġux imħassra b'xi sura ta' "relattiviżmu" u "utilitariżmu" morali.

Għeżież żgħażagħ, ħbiebi! It-tweġiba li Kristu jagħti liż-żagħżugħ tal-Evanġelju, hi tweġiba li hu jagħti lil kull wieħed u waħda minnkom. Kristu jrid jistħarreġ il-qagħda morali tagħkom, u jistaqsikom dwar il-qagħda tal-kuxjenza tagħkom. Din hi l-aqwa mistoqsija għall-bniedem, l-aktar waħda importanti; hi mistoqsija fondamentali għaż-żogħżija tagħkom, u għandha qawwa kbira għall-pjan ta' ħajjitkom kollha, pjan li tridu tfasslu f'żogħżitkom. Din il-mistoqsija għandha rabta liema bħalha mal-mod kif kull wieħed u waħda minnkom iġġibu ruħkom quddiem it-tajjeb u l-ħażin. Is-siwi tal-pjan ta' ħajjitkom jiddependi essenzjalment mill-kuxjenza tagħkom, minn kemm hi vera u tajba, u tiddependi wkoll mis-sensibbiltà tagħha.

Dan hu mument diffiċli ħafna għaliex f'kull pass li jagħmel il-bniedem bħala bniedem, il-ħajja fid-dinja llum u l-ħajja ta' dejjem jiltaqgħu dejjem flimkien.

Kull pass li l-bniedem jagħmel bħala bniedem jagħmlu fuq il-livell tal-kuxjenza, fuq il-livell tal-valuri morali, għaliex hawn qiegħda d-dimensjoni l-aktar importanti taż-żmien u tal-ġrajja tal-bniedem fid-dinja. Għaliex il-ġrajja tal-bniedem ma sseħħx biss bi ġrajjiet li b'xi mod huma "barra" 'l bniedem, imma qabel kollox titfassal "ġewwa" l-bniedem: hi l-ġrajja tal-kuxjenzi tal-bnedmin li jew jirbħu jew jiġu mirbuħa. Fuq dan ukoll jinbena l-aktar il-kobor tal-bniedem: id-dinjità vera tiegħu bħala bniedem. Dan huwa dak it-teżor moħbi fil-bniedem, li bih il-bniedem bla heda jirbaħ lilu nnifsu f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħajja ta' dejjem. Jekk hu minnu li "l-bnedmin għandhom imutu darba biss", u minnu wkoll li l-bniedem se jġorr miegħu, 'l hemm mill-mewt, it-tajjeb u l-ħażin kollu li jkun ġabar tul ħajtu kollha biex quddiem dak li hu l-istess qdusija, jara l-verità sħiħa li tibqa' għal dejjem ta' kollha kemm hi ħajtu, "u wara dan isir il-ġudizzju"37.

Dan hu li jiġri fil-kuxjenza tagħna għax fil-verità ta' kull għemil tagħna fih innifsu, hemm dejjem, b'xi mod, id-dimensjoni tal-ħajja ta' dejjem. Fl-istess waqt il-kuxjenza, permezz tal-valuri morali tissiġilla, b'mod li tassew ifisser, il-ħajja ta' kull ġenerazzjoni, il-ħajja u l-kultura tal-ambjenti kollha tal-bniedem, tas-soċjetajiet, tan-nazzjonijiet u tal-familja kollha tal-bnedmin.

F'dan il-qasam, kemm hemm x'jiddependi minn kull wieħed u waħda minnkom!

7.  Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba

Aħna u nkomplu neżaminaw il-konversazzjoni ta' Kristu maż-żagħżugħ tal-Evanġelju, ngħaddu issa għall-aspett ieħor ġdid u deċisiv. Iż-żagħżugħ kellu tweġiba fondamentali u essenzjali għall-mistoqsija li għamel: "X'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" Din it-tweġiba kienet taqbel mal-ħajja kollha li kien għex sa dakinhar: "Dan kollu ili nħarsu sa minn żogħżiti". Kemm nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom il-ħajja kollha li għex sal-lum tkun taqbel mat-tweġiba ta' Kristu. Anzi nixtieq li ż-żogħżija tagħtikom pedament sod ta' prinċipji tajba, biex il-kuxjenza tagħkom, f'dawn is-snin taż-żogħżija, tasal biex tkun ċara  daqs dik ta' min laħaq il-kobor sħiħ tiegħu bħala bniedem, jiġifieri li tul ħajjitkom kollha, kull wieħed u waħda minnkom, ikun "bniedem ta' kuxjenza", "bniedem ta' prinċipju", "bniedem ta' min jafdah u jemmnu". Bniedem imsawwar b'dan il-mod, fl-imġiba morali tiegħu, jgħin ħafna l-ħajja "komunitarja", kif jgħidu, tal-familja, tas-soċjetà, ta' kull ħidma professjonali, kulturali u politika, u fl-aħħar nett tal-komunità tal-Knisja – ta' dawk l-oqsma kollha li fihom intom għandkom x'taqsmu jew għad ikollkom x'taqsmu. Din mhijiex ħlief li wieħed għandu jkun tassew bniedem, li jkun tassew żviluppa ruħu bis-sħiħ bħala bniedem, raġel jew mara, b'dawk il-kwalitajiet kollha li jagħmluh dak li hu u mhux ħaddieħor, u fl-istess ħin iħalli s-sinjal tiegħu fil-ħajja tal-komunità u fl-ambjenti kollha, ibda mill-familja, li fihom jgħix. Kull wieħed u waħda minnkom għandu, b'xi mod, jgħix biex jikber il-ġid u l-għana ta' dawn il-komunitajiet, l-aktar billi jkun dak li hu fih innifsu. Mhux din hi t-triq taż-żogħżija, li hi t-teżor tal-ġid "personali" ta' kull wieħed u waħda minnkom? Il-bniedem iqis lilu nnifsu, iqis in-natura tiegħu ta' bniedem li hu, billi jkun "għall-oħrajn", kif hu f'dak li hu għalih innifsu, u kif hu f'dak li "hu mal-oħrajn" fid-dinja.

Hawn jiksbu tifsir deċisiv il-kmandamenti u l-Evanġelju, l-aktar il-kmandament tal-imħabba, li jwassal il-bniedem biex idur lejn Alla u lejn għajru. L-imħabba hi l-"qofol" tal-perfezzjoni38. Biha l-bniedem u l-għaqda tal-bnedmin bħala aħwa jilħqu l-kobor l-aktar sħiħ tagħhom. Għalhekk l-imħabba "hi l-aqwa"39 u l-ewwel fost il-kmandamenti kollha, kif jgħallem Kristu40: fil-kmandament tal-imħabba jinġabru l-kmandamenti kollha u jsiru kmandament wieħed.

It-tama tiegħi għal kull wieħed u waħda minnkom hi li mit-triq taż-żogħżija tagħkom taslu għand Kristu, biex quddiemu, bix-xhieda tal-kuxjenza tagħkom, tkunu tistgħu twettqu din il-liġi morali tal-Evanġelju, li tul iż-żminijiet, resqu lejha, b'xi mod, tant nies ta' spirtu nobbli u għoli.

Ma hemmx għalfejn hawn inwettqu din il-ħaġa bi provi li nsibuhom fil-ġrajja kollha tal-bniedem tul iż-żminijiet. Hi ħaġa żgura li sa minn żminijiet l-aktar imbegħda, il-kuxjenza mexxiet kull bniedem lejn regola morali oġġettiva, li tidher fir-rispett għall-oħrajn, li jintwera bil-fatti, u li tidher fil-prinċipju li jgħid li ma għandekx tagħmel lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmel lilek41.

F'dan naraw ġà qiegħda b'mod tassew ċar dik il-liġi morali oġġettiva li San Pawl jgħid li hi "miktuba fi qlubna" u "tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħna"42. Fiha n-nisrani malajr jilmaħ qisu raġġ tal-Verb ta' Alla li ħalaq kollox u li jdawwal kull bniedem43; u għaliex hu dixxiplu ta' dan il-Verb li sar bniedem, in-nisrani jasal għal dik il-liġi aktar għolja tal-Evanġelju, li tgħidlu b'mod definittiv li għandu jagħmel lil għajru l-ġid kollu li jixtieq li jsir lilu – din hi l-liġi tal-imħabba. B'dan il-mod jissiġilla l-leħen tal-kuxjenza ħiereġ mill-fond ta' qalbu billi jintrabat b'mod sħiħ ma' Kristu u mal-kelma tiegħu.

It-tama tiegħi għalikom hi wkoll li intom, wara li tagħrfu liema huma l-problemi l-aktar essenzjali u l-aktar importanti ta' żogħżitkom, jiġrilkom, fil-pjan tal-ħajja kollha li għandkom quddiemkom, dak li jgħid l-Evanġelju: "Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba". It-tama tiegħi hi li Ġesù jixħet fuqkom din il-ħarsa... It-tama tiegħi hi li intom taraw il-verità ta' din il-ħarsa ta' mħabba li Kristu jixħet fuqkom!

Ġesù jixħet ħarsa ta' mħabba fuq kull bniedem. U dan iwettqu l-Evanġelju kemm-il darba. Anzi nistgħu ngħidu li l-qofol tal-Bxara t-Tajba tinsab f'din "il-ħarsa ta' mħabba" ta' Kristu. Jekk irridu naraw kif bdiet din il-ħarsa, irridu mmorru għall-Ktieb tal-Ġenesi, għal dak il-mument li fih, wara li Alla ħalaq il-bniedem "raġel u mara", ra li dak li għamel "kien tajjeb ħafna"44. Din l-ewwel ħarsa ta' Alla li ħalaq kollox, tiddi fil-ħarsa li Kristu xeħet fuq iż-żagħżugħ tal-Evanġelju, huwa u jitkellem miegħu.

Nafu wkoll li Kristu mbagħad wettaq u ssiġilla din il-ħarsa tiegħu bis-sagrifiċċju tal-fidwa tagħna fuq is-salib, għaliex permezz ta' dan is-sagrifiċċju "l-ħarsa" ta' Kristu laħqet il-qofol tal-imħabba. F'dan hemm dikjarazzjoni ta' x'inhu l-bniedem u x'inhi n-natura tiegħu, dikjarazzjoni li Kristu biss jista' jagħmilha, Kristu l-Feddej u l-Għarus, Hu biss "jaf x'hemm fil-bniedem"45, jaf kemm hu dgħajjef, u jaf ukoll, u fuq kollox, x'inhi d-dinjità tiegħu.

It-tama tiegħi hi li kull wieħed u waħda minnkom jintebaħ b'din il-ħarsa ta' Kristu u jħossha bil-qawwa kollha tagħha. Ma nafux f'liema mument tal-ħajja dan se jseħħ, imma naħseb li jseħħ meta jkun il-waqt: forsi f'xi mument ta' niket, forsi flimkien max-xhieda ta' kuxjenza safja kif ġara fil-każ taż-żagħżugħ tal-Evanġelju, jew forsi f'xi okkazjoni oħra l-maqlub ta' din, meta flimkien mas-sens tal-ħtija jkun hemm ir-rimors tal-kuxjenza. Kristu xeħet ħarsa ta' mħabba fuq San Pietru, meta dan waqa', meta għal tliet darbiet ċaħad lill-Imgħallem46.

Din il-ħarsa kollha mħabba hi għal kollox meħtieġa mill-bniedem: il-bniedem irid iħoss li hu maħbub, li hu maħbub sa minn dejjem u magħżul qabel kull żmien47. Din l-imħabba ta' dejjem, li biha Alla għażilna, tissieħeb mal-bniedem tul ħajtu kollha, kif tissieħeb ukoll miegħu l-ħarsa kollha mħabba ta' Kristu.  U forsi tissieħeb l-aktar fi żmien meta wieħed isib ruħu mġarrab, umiljat, persegwitat, mirbuħ, meta d-dinjità tiegħu bħala bniedem, quddiem il-bnedmin l-oħra tintilef għal kollox, titmaqdar titkasbar. F'dawn il-mumenti jkun ta' ħarsien sħiħ għall-ħajja kollha tagħna l-ħsieb li l-Missier dejjem ħabbna f'Ibnu, li Kristu dejjem iħobb lil kull wieħed u waħda minna. Meta kollox qisu jkun qiegħed jgħin biex aħna naqtgħu qalbna minna nfusna u nibdew niddubitaw mit-tifsir stess tal-ħajja, jekk nintebħu b'din il-ħarsa ta' Kristu, jiġifieri jekk inħossu li aħna maħbubin minn Kristu b'imħabba li fih hi dejjem aqwa minn kull deni u minn kull tiġrib.

Nittama għalhekk li intom tħossu dak li ħass iż-żagħżugħ tal-Evanġelju: "Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba".

8.  Ejja u imxi warajja

Meta ngħarblu dan il-kliem tal-Evanġelju, nifhmu li l-ħarsa ta' Kristu b'xi mod kienet it-tweġiba ta' Kristu għax-xhieda li ta ż-żagħżugħ tal-ħajja tiegħu sa dak il-waqt, jiġifieri li hu għex ħajtu fil-ħarsien tal-kmandamenti ta' Alla: "Dan kollu ili nħarsu minn żogħżiti". Fl-istess ħin dik il-ħarsa kollha mħabba hi l-bidu tal-aħħar parti tal-konversazzjoni. Skont ir-rakkont ta' San Mattew kien iż-żagħżugħ li ta bidu għal din l-aħħar parti, għaliex mhux biss qal li kien ilu jħares il-kmandamenti sa minn żogħżitu, ħaġa li sawret il-ħajja kollha tiegħu ta' qabel, imma, fl-istess ħin, għamel mistoqsija oħra: "X'jonqosni iżjed?"48

Din il-mistoqsija hi importanti ħafna. Turi li fil-kuxjenza tal-bniedem, anzi fil-kuxjenza ta' kull żagħżugħ, jew żagħżugħa, li qiegħed ifassal il-pjan kollu ta' ħajtu, hemm moħbija x-xewqa ta' "xi ħaġa aktar". Din ix-xewqa tista' turi ruħha b'ħafna modi, u nistgħu narawha wkoll f'nies li huma 'l bogħod ħafna minn dik li hi reliġjon.

Fost dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra, l-aktar fost dawk li jħaddnu l-buddiżmu, l-induwiżmu u l-islamiżmu, tul l-eluf ta' snin, niltaqgħu ma' nies "spiritwali" li spiss, sa minn żogħżithom, iħallu kollox biex jgħixu ħajja ta' faqar u ta' safa, biex ifittxu dak li hu l-Assolut, dak li hu 'l fuq minn kulma jidher; iħabirku biex jiksbu qagħda ta' ħelsien sħiħ; imqanqlin mill-imħabba u l-fiduċja, ifittxu lil Alla, u, bil-qawwa kollha ta' ruħhom, ifittxu li jħarsu l-preċetti moħbija tiegħu. Dawn jimbuttahom leħen misterjuż li jidwi f'ruħhom, qisu leħen li jtenni kliem San Pawl: "Is-sura ta' din id-dinja għad tgħaddi"49, u jwassalhom biex ifittxu ħwejjeġ aqwa, ħwejjeġ li jibqgħu: "Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema"50. Dawn in-nies ifittxu jilħqu dan il-għan bil-ħila kollha tagħhom, jitħabtu ħafna biex jissaffew f'ruħhom u xi kultant jaslu biex joffru ħajjithom bħala don ta' mħabba lil Alla. B'dan il-mod isiru eżempji ħajjin għan-nies ta' żmienhom, u bl-imġiba tagħhom juruhom li l-ġid li jibqa' għal dejjem jiġi qabel kull ġid li jgħaddi u kull ġid fieragħ li toffrilhom is-soċjetà li fiha jkunu jgħixu.

Iżda fl-Evanġelju x-xewqa tal-perfezzjoni, għal xi "ħaġa aktar" hi xewqa għal xi ħaġa li nafu x'inhi tassew. Kristu fid-diskors fuq il-muntanja, wettaq il-liġi morali, li l-qofol tagħha huma t-twavel tal-għaxar kmandamenti ta' Mosè; iżda fl-istess ħin Ġesù ta tifsir ġdid lil dawn il-kmandamenti, tifsir evanġeliku. U dawn il-kmandamenti kollha – kif għidna – jinġabru fil-kmandament tal-imħabba, fl-imħabba, mhux biss bħala kmandament, imma wkoll bħala don: "L-imħabba ta' Kristu ssawbet fi qlubna l-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna"51.

F'dan il-kuntest ġdid wieħed jasal malajr biex jifhem x'jitolbu t-tmien beatitudni, li bihom jibda d-diskors tal-muntanja fl-Evanġelju ta' San Mattew52.

F'dan l-istess kuntest, il-kmandamenti kollha li flimken jiffurmaw il-liġi fondamentali tal-moralità nisranija, jilħqu s-sħuħija tagħhom fil-kunsilli evanġeliċi kollha flimkien: dawn il-kunsilli b'mod speċjali juru x'inhi u jagħmlu li sseħħ is-sejħa ta' Kristu għall-perfezzjoni li hija sejħa għall-qdusija.

Meta żagħżugħ jistaqsi x'jonqsu iżjed: "X'jonqosni iżjed?" Ġesù jkun qiegħed jixħet fuqu ħarsa ta' mħabba; din l-imħabba hawn għandha tifsir ġdid. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-bniedem fir-ruħ tiegħu minn ħajja skont il-kmandamenti għall-ħajja ta' għarfien tad-don tiegħu u tal-ħarsa kollha mħabba ta' Kristu, u dan juri l-bidla li tkun saret fir-ruħ. Ġesù  jgħid: "Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja, u imxi warajja"53.

Hekk hu, għeżież żgħażagħ ħbieb! Il-bniedem nisrani kapaċi jgħix skont il-qjies tad-don tiegħu. U dan il-qjies mhux biss hu aqwa mill-qjies tad-dmirijiet morali biss, li joħorġu mill-kmandamenti, imma hu "ogħla" u aktar qawwi minnhom, għax jagħti xhieda ta' tifsir aqwa għall-pjan ta' ħajja li nkunu fassalna għalina f'żogħżitna. Il-qjies tad-don joħloq ukoll dehra ta' vokazzjoni nisranija u umana li tkun laħqet il-kobor sħiħ tagħha, kif se naraw aktar 'il quddiem.

Imma issa nixtieq inkellimkom fuq it-tifsir speċjali tal-kliem li Kristu qal liż-żagħżugħ; u dan se nagħmlu għax jien żgur li Kristu juża l-istess kliem ma' xi żgħażagħ fil-Knisja, meta f'kull żmien isejħilhom. Dan il-kliem ta' Ġesù jfisser sejħa speċjali fi ħdan ix-xirka tal-Poplu ta' Alla. Il-Knisja tilmaħ fil-kliem: "Ejja u imxi warajja"54, il-bidu ta' kull sejħa għas-saċerdozju ministerjali, li fil-Knisja Latina hu marbut mal-għażla, ħielsa u magħżula bil-ħsieb, taċ-ċelibat. Kliem Kristu: "Ejja u imxi warajja" hu wkoll fil-Knisja sejħa għall-ħajja reliġjuża, ħajja li, permezz tal-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi (safa, faqar u ubbidjenza), raġel jew mara, jaslu għal dik is-sura ta' ħajja li Kristu għex fid-dinja, ħajja li jaslu biex jagħrfuha bħala ħajja proprja tagħhom għas-saltna tas-smewwiet55. Huma u jintrabtu bil-voti reliġjużi, jintrabtu li jagħtu xhieda ta' mħabba speċjali għal Alla fuq kollox, u fl-istess ħin jagħtu xhieda wkoll tas-sejħa għall-għaqda sħiħa ma' Alla fil-ħajja ta' dejjem, li hi sejħa għal kulħadd. Iżda hu meħtieġ li xi wħud jagħtu xhieda ta' din is-sejħa ta' kulħadd b'mod eċċezzjonali.

Fuq dan, f'din l-ittra, se nitkellem biss fuq fuq għaliex ġà tkellimt fit-tul u spiss drabi oħra56. Imma ridt infakkar dan, għaliex fil-konversazzjoni ta' Kristu maż-żagħżugħ din il-ħaġa tidher ċara ħafna, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-faqar evanġeliku. Infakkarha wkoll għaliex is-sejħa ta' Kristu, mfissra bil-kliem "Ejja u imxi warajja" f'din it-tifsira speċjali u kariżmatika, aktarx wieħed jintebaħ biha f'żogħżitu, u xi kultant ukoll fi tfulitu.

Hu għalhekk, għeżież żgħażagħ, li, f'dan il-mument tal-ħajja tagħkom li fih qegħdin tiżviluppaw bħala rġiel jew nisa, nixtieq ngħidilkom dan: jekk din is-sejħa tolqtilkom qalbkom, toħonquhiex. Ħalluha tasal għall-kobor sħiħ tagħha. Wieġbu għaliha bit-talb u l-ħarsien tal-kmandamenti. "Il-ħsad kbir"57. Hu meħtieġ li s-sejħa ta' Kristu: "Ejja u imxi warajja", tasal għand ħafna. Hemm ħtieġa ta' ħafna saċerdoti skont il-qalb ta' Alla – u l-Knisja u d-dinja tal-lum jeħtieġu x-xhieda ta' ħajja mogħtija kollha kemm hi lil Alla, jiġifieri x-xhieda ta' dik l-imħabba ta' għerusija għal Kristu li tqiegħed quddiem id-dinja b'mod speċjali s-saltna ta' Alla u tqarrabha aktar lejha.

Ħalluni għalhekk inkompli kliem il-Mulej dwar "il-ħsad kbir". Iva, il-ħsad tal-Evanġelju, il-ħsad tas-salvazzjoni hu kbir, imma ... "il-ħaddiema ftit". Forsi dan jidher aktar illum mill-imgħoddi, l-aktar f'xi nazzjonijiet u f'xi istituti ta' ħajja kkonsagrata u f'istituti oħra bħalhom.

"Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħafna ħaddiema fil-ħsad tiegħu"58. Dan żied igħid Kristu. Dan il-kliem, l-aktar illum, huwa programm ta' talb u ta' ħidma favur il-vokazzjonijiet reliġjużi u saċerdotali. Hu b'dan il-ħsieb li l-Knisja iddur lejkom, żgħażagħ! Intom ukoll, itolbu! U jekk il-frott ta' dan it-talb tal-Knisja jinbet fil-fond ta' qalbkom, agħtu widen għall-Imgħallem li qiegħed jgħidilkom: "Ejja u imxi warajja".

 

9.  Il-pjan tal-ħajja u l-vokazzjoni nisranija

Dan il-kliem tal-Evanġelju żgur għandu x'jaqsam mal-vokazzjoni saċerdotali u reliġjuża; imma jiswa wkoll biex nifhmu aħjar, x'inhi l-vokazzjoni fit-tifsir aktar wiesgħa tal-kelma.

Wieħed jista' jitkellem hawn dwar il-vokazzjoni għall-"ħajja" li b'xi mod hi l-istess ħaġa bħall-pjan tal-ħajja li kull wieħed minna jfassal f'żgħożitu. Iżda "vokazzjoni" tfisser xi ħaġa aktar minn "pjan". F'dan il-każ inkun jien li nfassalha l-vokazzjoni tiegħi, u dan jaqbel aktar mal-fatt li jien bniedem, kif hu bniedem kull wieħed u waħda minnkom. Dan il-pjan hu vokazzjoni għax fih jinġabru ħafna sejħat. Dawn is-sejħat ġeneralment jiffurmaw flimkien ċertu ordni ta' valuri (li jissejjaħ ukoll ġerarkija ta' valuri) li minnhom toħroġ dik is-sura perfetta ta' ħajja li wieħed ikun irid igħix, sura ta' ħajja li tiġbed il-qalb ta' żagħżugħ jew żagħżugħa. F'dan il-proċess il-"vokazzjoni" ssir "pjan", u l-pjan jibda jkun ukoll vokazzjoni.

Iżda meta nkunu quddiem Kristu u nibnu l-ħsibijiet tagħna dwar iż-żogħżija fuq il-konversazzjoni ta' Kristu maż-żagħżugħ jeħtieġ inqabblu "l-pjan tal-ħajja" mal-"vokazzjoni għall-ħajja" b'mod aktar fil-fond, b'mod aktar għoli. Il-bniedem huwa ħliqa ħajja u fl-istess ħin hu iben adottiv ta' Alla fi Kristu: hu iben Alla. Għalhekk il-bniedem f'żogħżitu jistaqsi: "X'għandi nagħmel?" mhux biss lilu nnifsu imma lill-bnedmin l-oħra li minnhom jistenna tweġiba, l-ewwel nett lill-ġenituri u l-għalliema tiegħu, imma wkoll lil Alla li ħalqu u hu Missier. Din il-mistoqsija jagħmilha fil-fond ta' qalbu fejn tgħallem jingħaqad fil-qrib ma' Alla, l-aktar fit-talb. U għalhekk jistaqsi lil Alla: "X'għandi nagħmel?" X'inhu l-pjan tiegħek għal ħajti? Il-pjan tiegħek għalija li ħlaqtni u int Missieri? X'inhi r-rieda tiegħek għalija? Għax nixtieq nagħmilha. Hawnhekk "il-pjan" jikseb it-tifsir ta' "vokazzjoni għall-ħajja", bħala xi ħaġa mogħtija lill-bniedem minn Alla, qisha bi dmir. Iż-żagħżugħ miġbur fih innifsu u fl-istess ħin jitkellem ma' Kristu fit-talb, jixtieq kieku jifhem dan il-pjan etern li għandu għalih Alla li ħalqu u li hu Missieru. Imbagħad jasal biex ikun żgur li d-dmir li Alla fdalu jinsab kollu kemm hu fir-rieda tiegħu stess u fl-istess ħin huwa marbut maċ-ċirkostanzi kollha li jinsabu fih u barra minnu. Meta jara dan kollu, iż-żagħżugħ, ġuvni jew xebba, ifassal il-pjan ta' ħajtu u jagħraf li dan il-pjan hu s-sejħa li qiegħed jagħmillu Alla.

Nixtieq għalhekk, lilkom iż-żgħażagħ kollha li qiegħed nibagħtilkom din l-ittra, nafdalkom din il-ħidma li hi marbuta mal-għarfien quddiem Alla tas-sejħa ta' kull wieħed u waħda minnkom. Hi ħidma tassew tal-għaġeb, ħidma li ssaħħrek. Hi dmir li jmpenja r-ruħ kollha kemm hi. B'din il-ħidma intom iż-żgħażagħ tiżviluppaw u tikbru fin-natura tagħkom ta' bnedmin li intom, waqt li l-personalità tagħkom bħala żgħażagħ bil-mod il-mod tasal għall-kobor sħiħ tagħha. Twettqu f'dak li intom, f'dak li hu kull wieħed jew waħda minnkom, biex tkunu dak li għandkom tkunu għalikomgħall-bnedmin l-oħra – għal Alla.

Flimkien ma' dan il-proċess li bih tagħarfu x'inhi l-vokazzjoni għall-ħajja tagħkom tridu wkoll taraw għaliex din is-sejħa għall-ħajja hi wkoll sejħa "nisranija".

Ta' min ifakkar li fiż-żmien ta' qabel il-Konċilju Vatikan II il-fehma ta' vokazzjoni kienet marbuta fuq kollox mas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża, bħallikieku l-kliem: "Ejja u imxi warajja", li Kristu qal liż-żagħżugħ tal-Evanġelju kienu biss sejħa għas-saċerdozju jew għall-ħajja reliġjuża. Il-Konċilju wessa' din il-fehma. Il-vokazzjoni saċerdotali u reliġjuża baqgħet iżżomm in-natura proprja tagħha u l-importanza sagramentali u kariżmatika tagħha fil-ħajja tal-Poplu ta' Alla. Iżda fl-istess waqt il-Konċilju Vatikan II ġedded il-fehma li l-imgħammdin kollha għandhom sehem mit-tlett uffiċċji ta' Kristu, ta' profeta, saċerdot u sultan, u ġedded ukoll il-fehma tal-vokazzjoni ta' kulħadd għall-qdusija59. Dan wassal biex kull vokazzjoni tal-bniedem għall-ħajja, bħala vokazzjoni nisranija, tkun taqbel mal-vokazzjoni evanġelika. Kliem Kristu "Ejja u imxi warajja" jinstemgħu fit-triqat kollha tal-ħajja li minnhom iridu jgħaddu d-dixxipli u x-xhieda tal-Feddej divin. Wieħed jista' jkun jixbah lil Kristu b'ħafna modi, mhux biss billi jagħti xhieda tas-saltna eskatoloġika tal-verità u tal-imħabba, imma wkoll  billi jħabrek għat-tibdil sħiħ tal-ħajja kollha fid-dinja skont l-ispirtu tal-Evanġelju60. Minn hawn għandu l-bidu tiegħu l-appostolat tal-lajċi, li ma tistax tifirdu minn dak li hi l-vokazzjoni nisranija.

Dan kollu li għidt huwa ta' importanza kbira għal dak il-pjan ta' ħajja li l-aktar jaqbel mal-ħeġġa taż-żogħżija tagħkom. Dan il-pjan – barra l-fatti tal-"ħajja" li bihom iseħħ – tridu tqisuh fid-dawl tal-kliem li Ġesù qal liż-żagħżugħ tal-Evanġelju.

Jeħtieġ ukoll taħsbu – u taħsbu sewwa – dwar it-tifsir tal-Magħmudija u tal-Griżma. F'dawn iż-żewġ sagramenti jinsab il-pedament tal-ħajja u tal-vokazzjoni nisranija. Minnhom tibda t-triq għall-Ewkaristija, li hi l-milja tad-doni sagramentali mogħtijin lill-insara: l-għana kollu tal-Knisja jinsab miġbur f'dan is-sagrament tal-Imħabba. Jeħtieġ ukoll – u dan dejjem b'riferenza għall-Ewkaristija – li taħsbu sewwa dwar is-sagrament tal-penitenza, li hu tant importanti li xejn ma jista' jkun hemm floku għat-trawwim tan-nisrani, l-aktar meta hemm imsieħba ma' dan is-sagrament id-direzzjoni spiritwali, jiġifieri skola sistematika tal-ħajja tar-ruħ.

Fuq dan se nitkellem fil-qasir, għalkemm kull sagrament minnu nnifsu b'xi mod jaqbel maż-żogħżija u maż-żgħażagħ. Nittama li fuq dan ikun hemm oħrajn li jitkellmu fit-tul, u l-aktar dawk li huma msejħa apposta għall-ħidma pastorali fost iż-żgħażagħ.

Il-Knisja stess – kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II – hi "qisha sagrament jew sinjal u strument tar-rabta sħiħa tal-familja kollha tal-bnedmin ma' Alla"61. Kull sejħa tal-ħajja, bħala sejħa "nisranija", għandha l-pedament tagħha fis-sagramentalità tal-Knisja, jiġifieri tissawwar bis-sagramenti tal-fidi tagħna. Is-sagramenti jwassluna biex, sa minn tfulitna, niftħu l-"jien" tagħna bħala bnedmin, għall-ħidma ta' Alla, jiġifieri għall-ħidma tat-Trinità Qaddisa. Bis-sagramenti aħna jkollna sehem mill-ħajja ta' Alla, aħna u ngħixu l-vera ħajja tagħna bħala bnedmin fil-milja kollha. B'dan il-mod il-ħajja tagħna bħala bnedmin tikseb dimensjoni ġdida u fl-istess ħin ukoll sura nisranija: u hekk waqt li nintebħu bid-dmirijiet li jitlob minna l-Evanġelju, nintebħu wkoll bid-don ta' Alla li jisboq kull ħaġa oħra: "Kieku kont taf id-don ta' Alla"62, qal Kristu meta kien ikellem lis-Samaritana.

10.  "Is-sagrament il-kbir taż-żwieġ"

F'dan l-isfond hekk wiesgħa tal-pjan ta' ħajjitna fid-dawl tas-sejħa nisranija, nixtieq, għeżież żgħażagħ, flimkien magħkom, li għalikom qiegħed nikteb din l-ittra, inħares lejn ħaġa li b'xi mod hi fiċ-ċentru taż-żogħżija tagħkom ilkoll. Din hi waħda mill-ħwejjeġ l-aktar importanti tal-ħajja tal-bniedem, waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jitolbu ħsieb, kreattività u kultura. Hija wkoll wieħed mit-temi ewlenin tal-Iskrittura li jien ħsibt ħafna fuqha u għarbiltha sewwa. Alla ħalaq il-bniedem raġel u mara u hekk daħħal fil-ġrajja tal-bniedem "tnejn" li, fejn tidħol id-dinjità tagħhom bħala bnedmin, huma ndaqs f'kollox, u huma mbagħad b'mod tassew tal-għaġeb maħluqin għal xulxin, meta nqisu t-tqassim tal-"attributi", tal-kwalitajiet u tad-dmirijiet li huma proprji tal-bniedem-raġel jew tal-bniedem-mara. Dan kollu qiegħed fil-"jien" proprju ta' kull wieħed u waħda minnkom. Iż-żogħżija hija ż-żmien li fih kull tifel u tifla, f'ruħu u ġismu, jagħraf din il-ħaġa hekk kbira b'esperjenza personali u b'mod kreattiv fih innifsu, fil-fond tal-kuxjenza tiegħu, u fl-istess ħin jagħraf ukoll lilu nnifsu u x'qawwa għandu fih innifsu biex jagħmel tant u tant proġetti. F'dan iż-żmien ukoll ir-ruħ taż-żagħżugħ u taż-żagħżugħa jkollha esperjenza ġdida, l-esperjenza tal-imħabba li mal-ewwel titlob li tkun imdaħħla fil-pjan tal-ħajja li ż-żagħżugħ joħloq u jfassal minn rajh.

F'kull wieħed u waħda minnkom dan kollu għandu espressjoni proprja li bl-ebda mod ma hi u ma tista' tkun ta' ħaddieħor, għandu l-għana proprju tiegħu ta' mħabba, l-isbuħija metafisika proprja tiegħu. U fl-istess ħin dan kollu għandu stedina mħeġġa biex din l-espressjoni ma tiġix imħassra, dan il-għana ma jiġix meqrud, din is-sbuħija ma tiġix imniġġsa. Hemm bżonn li tkunu żguri li din l-istedina ġejja mill-istess Alla li ħalaq il-bniedem "sura u xbieha tiegħu", "raġel u mara". Din it-twissija tiġi mill-Evanġelju u ż-żagħżugħ jintebaħ biha fil-fond tal-kuxjenza tiegħu, jekk ikun ħares is-sempliċità u s-safa ta' qalbu: "Ħenjin dawk li huma safja f'qalbhom għax jaraw lil Alla"63. Hekk hu: b'din l-imħabba li tinbet fikom – u trid issib postha fil-pjan kollu ta' ħajjitkom – taraw lil Alla, li hu mħabba64.

Nitlobkom biex f'dan il-mument hekk importanti ta' żogħżitkom intom ma tiqfux li titkellmu ma' Kristu, anzi nħeġġiġkom biex titkellmu aktar miegħu. Meta Kristu jgħid: "Ejja, u imxi warajja" s-sejħa tiegħu tista' tfisser: "qiegħed insejjaħlek għal imħabba oħra", imma spiss tista' tfisser: "Imxi warajja, imxi warajja, jien li jien l-Għarus tal-Knisja – l-għarusa tiegħi – kun int ukoll għarus ta' għarustek, għarusa ta' għarusek. Issieħbu t-tnejn f'dak il-misteru, f'dak is-sagrament li fl-Ittra lill-Efesin jissejjaħ kbir "għal Kristu u għall-Knisja"65.

Jiswa ħafna jekk intom timxu wara Kristu u mhux taħarbu minnu wkoll f'din il-ħaġa li, bir-raġun kollu, tqisu li hi l-ħaġa l-aktar importanti ta' qalbkom, ħaġa li hi fikom u bejnietkom biss. Nixtieq li temmnu u tkunu żguri li din il-ħaġa hekk importanti għandha t-tifsira sħiħa tagħha f'Alla, li hu mħabba – f'Alla li fil-qofol tal-misteru tiegħu ta' Alla hu wieħed fi Tliet Persuni, il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Nixtieq li temmnu u tkunu żguri li l-bidu ta' dan "il-misteru kbir" tagħkom ta' bnedmin li intom, huwa f'Alla li ħalaq kollox, u għandu l-pedament tiegħu fi Kristu l-Feddej li, bħala Għarus, "ta lilu nnifsu" u għallem lil kull raġel u lil kull mara biex jagħtu lilhom infushom bil-milja tad-dinjità tagħhom ta' bnedmin li huma. Kristu jgħallimna l-imħabba tal-miżżewġin.

Taqbad it-triq tal-ħajja fiż-żwieġ ifisser titgħallem l-imħabba fiż-żwieġ, minn jum għall-ieħor, minn sena għall-oħra; imħabba fir-ruħ u l-ġisem, imħabba li "taf tistabar u tħenn, ma tfittixx dak li hu tagħha,  ma żżommx f'qalbha għad-deni", hi mħabba li "tifraħ bil-verità", imħabba li "kollox tissaporti"66.

Hi din l-imħabba li teħtieġu, żgħażagħ, jekk tridu li ż-żwieġ tagħkom  iseħħ tul ħajjitkom kollha. U s-sħuħija taż-żwieġ tagħkom hija parti essenzjali tas-sejħa tagħkom li, permezz taż-żwieġ, trid issib postha fil-pjan ta' ħajjitkom.

Għalhekk ma nieqaf qatt nitlob lil Kristu u lill-Omm tal-imħabba sabiħa, għall-imħabba li tinbet fi qlub iż-żgħażagħ. Spiss tul ħajti kelli l-okkażjoni nara, b'xi mod, mill-qrib din l-imħabba taż-żgħażagħ. U l-esperjenza għallmitni kemm hi ħaġa essenzjali din l-imħabba, kemm hi importanti, kemm hi kbira. Jiena tal-fehma li l-ġejjieni tal-bniedem, fil-qofol tiegħu, jiddependi minn din l-imħabba li fil-bidu taż-żogħżija, int u hi ... int u hu, issibu tul żogħżitkom. Din nistgħu ngħidulha avventura kbira, imma hi wkoll dmir kbir.

Illum il-prinċipji tat-tagħlim morali nisrani dwar iż-żwieġ qiegħed jingħata dehra mgħawġa f'ħafna ambjenti tal-bnedmin. Hawn min qiegħed jipprova jdaħħal f'ċerti ambjenti u fis-soċjetajiet kollha wkoll, sura ta' żwieġ li dawk stess li sawruh qegħdin isejħulu "sinjal ta' progress", sura "adatta għal żminijietna". U mhux qegħdin jintebu li f'din is-sura ta' żwieġ, ir-raġel, u forsi aktar il-mara, minn suġġett ta' żwieġ qiegħed isir oġġett (oġġett li tisfruttah kemm tista'), fis-sens li dak kollu li hu l-imħabba fiż-żwieġ mhux ħlief il-"pjaċir tas-sess", li għalkemm igawduh it-tnejn, jibqa' dejjem imħabba tiegħek innifsek biss, li tgawdi inti biss. Imbagħad it-tarbija, li hi l-frott u, biex ngħid hekk, l-"inkarnazzjoni" tal-imħabba tal-miżżewġin it-tnejn, tidher dejjem aktar ħaġa żejda li ddejjaq  għax mhux mixtieqa. Iċ-ċiviltà materjalista, ir-regħba żejda għall-ġid tad-dinja, qegħdin jindehsu fl-imħabba hekk kbira tal-miżżewġin bejniethom u tal-ġenituri għal uliedhom u qegħdin jeqirdu minn din l-imħabba dak kollu li jagħmilha imħabba tixraq lil bniedem, imħabba li sa mill-bidu kellha fiha s-sinjal u l-ħsieb ta' Alla.

Għeżież ħbieb żgħażagħ! Tħallux min jisirqilkom dan il-ġid kollu. Iddaħħlux fil-pjan ta' ħajjitkom kulma hu ikrah, fieragħ u mħassar: l-imħabba "tifraħ bil-verità" Fittxu din il-verità, fejn tassew tinsab! Jekk ikun meħtieġ, kunu sodi u żommu iebes għal fehmiet tan-nies tal-lum u għall-propaganda li qiegħda ssir. Tibżgħux minn dik l-imħabba li titlob dmirijiet mingħandkom. Dawn id-dmirijiet, li ssibu dejjem imsemmija fit-tagħlim tal-Knisja, jistgħu jagħmlu l-imħabba tagħkom, imħabba vera.

Jekk dan li ser ngħid kelli ngħidulkom xi darba, issa jidhirli li hu l-mument l-aktar f'waqtu biex intennilkom dak li għidtilkom fil-bidu jiġifieri "li tkunu dejjem lesti tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom".

Il-Knisja u l-familja kollha tal-bnedmin iħallu f'idejkom dik l-imħabba li fuqha jinbena ż-żwieġ, il-familja ta' għada. Il-Knisja u l-familja kollha tal-bnedmin jittamaw li intom se tħabirku biex terġa' titwieled l-imħabba; jittamaw li intom se ssebbħu l-imħabba billi tagħtuha sura tixraq lill-bniedem, sura nisranija: imħabba sħiħa, kbira u responsabbli b'sura li tixraq il-bniedem, b'sura nisranija.

11. Wirt

Kellimtkom fuq il-punt l-aktar importanti tal-qasam kollu li fih il-pjan tal-ħajja li jitfassal fiż-żogħżija, jiltaqa' mal-"oħrajn". Iżda rrid inkompli nitkellem fuq din il-ħaġa hekk importanti fejn il-"jien" tiegħi jinfetaħ għall-ħajja "mal-oħrajn" u "għall-oħrajn", fir-rabta taż-żwieġ, li fl-Iskrittura hi mfissra b'dan il-kliem hekk mimli tifsir: "Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma' martu u jsiru ġisem wieħed"67.

Il-kelma "jħalli" jistħoqqilha attenzjoni speċjali. Sa mill-bidu tagħha l-ġrajja tal-bniedem tgħaddi – u tibqa' tgħaddi sat-tmiem tagħha – mill-familja. Il-bniedem jidħol fil-familja bit-twelid li jagħtuh il-ġenituri tiegħu, missieru u ommu, biex imbagħad, meta jasal il-waqt, iħalli dan l-ewwel ambjent ta' ħajja u ta' mħabba, ħa jmur f'ambjent ieħor: "iħalli lil missieru u lil ommu". Intom u tħallu lil missierkom u lil ommkom, kull wieħed u waħda minnkom, b'xi mod, iġġorruhom fikom; tieħdu dan il-wirt ta' ħafna suriet li għandu l-bidu fihom u ġej minnhom u mill-familja tagħhom. B'dan il-mod kull wieħed u waħda minnkom, għalkemm ħallejtuhom, bqajtu magħhom; il-wirt li ġibtu mingħandhom jorbotkom magħhom, li ħallewlkom dan il-wirt, u li tant tafu ġid mingħandhom. U intom stess – int u hi – tkomplu tgħaddu dan il-wirt. Hu għalhekk li r-raba' kmandament hu hekk importanti: "Weġġah lil missierek u lil ommok"68.

Dan il-wirt  hu l-ewwel nett li int bniedem, u mbagħad li int dan il-bniedem li int, fil-qagħda personali u soċjali tiegħek. F'din il-ħaġa għandu importanza wkoll ix-xebh li wieħed ikollu mal-ġenituri tiegħu. Iżda aktar mix-xebh fil-wiċċ, jiswa u hu aktar importanti l-wirt tal-kultura, li jinsab l-aktar fl-ilsien li bih wieħed jitħaddet kuljum. Il-ġenituri tagħkom għallmukom titkellmu dan l-ilsien li hu l-espressjoni ewlenija, li hu dik il-ħaġa li l-aktar tfisser, ir-rabta soċjali tagħkom mal-bnedmin l-oħra. Hi rabta f'qasam li huwa aktar wiesgħa mill-qasam tal-familja jew tal-ambjent tagħkom; dan il-qasam jista' jkun it-tribù, jew il-poplu, jew in-nazzjon li fi ħdanha twelidtu.

B'dan il-mod il-wirt tal-familja jikber. Bl-edukazzjoni li tirċievu fi ħdan il-familja, tiksbu sehem minn ċerta kultura u tiksbu sehem ukoll mill-ġrajja tal-poplu jew tan-nazzjon tagħkom. Ir-rabta tal-familja tfisser ukoll li intom sirtu wkoll membri ta' komunità akbar mill-familja/komunità, li minnha wkoll tiksbu l-identità tagħkom. Jekk il-familja hi l-ewwel għalliem ta' kull wieħed u waħda minnkom, hekk ukoll – permezz tal-familja – hi għalliema t-tribù, hu għalliem il-poplu, hi għalliema n-nazzjon, li magħha aħna marbutin għax għandna l-kultura, l-ilsien u l-ġrajja tagħna.

Dan il-wirt hu wkoll sejħa għall-ħajja morali. Meta intom tirtu l-fidi u l-valuri u dak kollu li jinsab fl-istorja u l-kultura tas-soċjetà u tan-nazzjon tagħkom, intom, kull wieħed u waħda minnkom, bħala bnedmin, tiksbu kobor spiritwali, kobor fir-ruħ. Dan ifakkarni fil-parabbola tat-talenti li nirċievu minn Dak li ħalaqna permezz tal-ġenituri tagħna u tal-familji tagħna, u permezz ukoll tal-komunità nazzjonali li minnha nagħmlu sehem. Quddiem wirt bħal dan ma nistgħux nitgħażżnu, ma nistgħux ma jkun jimpurtana xejn u nagħmlu bħall-aħħar wieħed tal-qaddejja tal-parabbola tat-talenti69.

Għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nilqgħu, inwettqu, ngħożżu u nkabbru dan il-wirt spiritwali tagħna. Dan hu l-aqwa dmir ta' kull soċjetà, u forsi l-aktar ta' dawk is-soċjetajiet li qegħdin jiksbu l-indipendenza tagħhom, jew li jridu jħarsu l-istess eżistenza tagħhom jew l-identità essenzjali tan-nazzjon tagħhom minn theddid minn barra jew fi ħdanhom stess.

Jiena u niktbilkom, żgħażagħ, qiegħed nipprova nżomm quddiem għajnejja l-ħafna qagħdiet ta' kull sura u ta' kull xorta ta' kull tribù, ta' kull poplu u ta' kull nazzjon tad-dinja. Iż-żogħżija tagħkom, il-pjan ta' ħajja li kull wieħed u waħda minnkom fassaltu f'żogħzitkom, huma mill-bidu parti mill-ġrajja ta' dawn is-soċjetajiet kollha, u huma parti mhux "minn barra", imma tassew "minn ġewwa". Din il-ħaġa għandha twassalkom biex tintebħu x'inhi l-familja għalikom, x'inhi n-nazzjon għalikom: hi ħaġa li għandha tmissilkom qalbkom, tmissilkom il-kuxjenza tagħkom. Il-fehma ta' "art twelidna", tal-"patria" tiżviluppa ruħha mill-ewwel, wara l-fehma tal-"familja", u, b'xi mod, dawn iż-żewġ fehmiet jinsabu waħda fl-oħra. Bil-mod il-mod, intom tibdew tħossu li hemm rabta soċjali aktar wiesgħa mir-rabta tal-familja, u tibdew tħossu ruħkom responsabbli wkoll tal-ġid ta' kulħadd f'dik il-familja aktar kbira li hi l-"patria", li hi art twelid kull wieħed u waħda minnkom. Nies prominenti tal-ġrajja ta' issa jew tal-imgħoddi ta' pajjiżkom, huma wkoll imexxu żogħżitkom u jkabbru fikom dik l-imħabba soċjali li spiss tissejjaħ "imħabba għall-art twelidek".

12.  Talenti u dmirijiet

F'dan id-diskors dwar il-familja u dwar dik is-soċjetà li hi art twelidkom, bil-mod il-mod, jibda jidher ħsieb li għandu rabta kbira mal-parabbola tat-talenti. Bil-mod il-mod, intom tibdew tintebħu li għandkom dak "it-talent" jew dawk "it-talenti" u, bil-għaqal kollu, tibdew tkabbruhom. Dan tagħmluh bix-xogħol.

Kemm triqat wieħed jista' jaqbad, kemm kapaċitajiet, kemm interess insibu f'dan il-qasam! Mhux se nsemmilkom kollox bħala eżempju, għaliex nista' ma nsemmix wisq aktar affarijeit, milli jirnexxili nitkellem fuqhom. Ngħidilkom biss li triqat li tistgħu taqbdu huma ħafna u ta' ħafna suriet. Dan juri wkoll kemm suriet ta' ġid u għana ż-żogħżija ġġib magħha. Mill-Evanġelju nistgħu ngħidu li ż-żogħżija hija ż-żmien li fih jingħarfu t-talenti; hija ż-żmien ukoll li fih wieħed jibda miexi fit-triqat kollha li fihom il-bniedem żviluppa u għadu jiżviluppa l-attività, il-ħidma u l-kreattività kollha tiegħu.

It-tama tiegħi hi li intom ilkoll taqbdu dawn it-triqat. Nixtieq li intom ilkoll tibdew mexjin f'dawn it-triqat bil-għaqal kollu, b'interess u b'ħeġġa kbira. Ix-xogħol – kull xogħol – hu marbut mat-taħbit. "Bil-għaraq ta' ġbinek tiekol ħobżok"70, u kull wieħed u waħda minnkom, sa mill-ewwel snin tagħkom, kellkom sehem minn dan it-taħbit. Iżda x-xogħol, fl-istess ħin jifforma l-bniedem, u, b'xi mod, iwasslu biex jaħlaq. U għalhekk ix-xogħol hu dejjem marbut mat-taħbit, imma ma' taħbit li joħloq.

Dan ngħiduh mhux biss għax-xogħol ta' tfittxija, ta' riċerka, għal kull xogħol intellettwali, ta' tagħlim, imma ngħiduh ukoll għal dak ix-xogħol tal-id li qiesu ma joħloq xejn. Ix-xogħol ta' żmien iż-żogħżija hu l-ewwel nett tħejjija għax-xogħol tal-kbar, u għalhekk hu marbut mal-iskola. Għalhekk, żgħażagħ, jiena u niktbilkom, ħsiebi jmur fl-iskejjel kollha tad-dinja: magħhom hi marbuta l-ħajja tagħkom għal ħafna snin, f'ħafna klassijiet, skont kif tiżviluppa l-intelliġenza tagħkom u skont x'inhuma l-inklinazzjonijiet tagħkom, mill-iskejjel primarji sal-universitajiet. Ħsiebi jmur ukoll għal tant kbar, kollha ħuti, l-għalliema u l-edukaturi tagħkom li jgħinukom tiżviluppaw l-intelliġenza u l-kapaċitajiet kollha tagħkom. Kemm huwa kbir dan id-dmir tagħhom! X'piż tgħabbew bih! Imma x'merti kbar għandhom!

Ħsiebi jmur ukoll f'dik il-kotra kbira ta' żgħażagħ, ta' mparkom – l-aktar f'xi soċjetajiet u f'xi postijiet – li huma neqsin mit-tagħlim, u spiss neqsin ukoll minn tagħlim elementari. Dan il-fatt huwa sfida bla heda għall-istituti nazzjonali u internazzjonali responsabbli, biex jagħmlu dak li hu meħtieġ f'qagħdiet bħal dawn. It-tagħlim huwa ġid ewlieni taċ-ċiviltà. Hu ta' importanza speċjali għaż-żgħażagħ. Mit-tagħlim jiddependi ħafna l-ġejjieni tas-soċjetà kollha tal-bnedmin.

Iżda meta nitkellmu dwar tagħlim, studju, xjenzi u skejjel, hemm kwistjoni li hi importanti ħafna għall-bniedem, u l-aktar għaż-żagħżugħ. Hi l-kwistjoni dwar il-verità. Il-verità hi dawl għall-moħħ tal-bniedem, għax jekk sa minn żogħżitu jħabrek biex ikun jafha fid-dimensjonijiet kollha tagħha, il-bniedem jiksibha: biex jgħix bil-verità. Hekk hi msawra ruħ il-bniedem: l-aqwa xewqa u l-aqwa espressjoni tar-ruħ hi l-għatx għall-verità.

Kristu qal: "Tagħarfu l-verità u l-verità teħliskom"71. Dan il-kliem huwa żgur kliem fost il-kliem l-aktar importanti li nsibu fl-Evanġelju; għax hu kliem li jqis il-bniedem fil-qofol kollu tiegħu. Juru kif il-bniedem hu mibni fih innifsu skont il-qjies tal-ispirtu tiegħu, tad-dinjità u tal-kobor li huma proprju tiegħu. It-tagħrif li jeħles il-bniedem mhux biss jinsab fit-tagħlim li jingħatalu, ukoll jekk jingħatalu fl-universitajiet – jista' jkollu dan it-tagħrif ukoll min ma jafx jaqra u jikteb; iżda t-tagħlim tad-dinja madwarna, mogħti b'mod sistematiku, għandu jaqdi din id-dinjità u dan il-kobor tal-bniedem; għandu għalhekk jaqdi l-verità.

Il-qadi tal-verità jsir ukoll fix-xogħol, li għalih intom iż-żgħażagħ imsejħin wara li tispiċċaw l-iskola tagħkom. Fl-iskola intom tridu tiksbu dik il-kapaċità intellettwali, teknika u prattika li teħtieġu biex taqdu sewwa l-ħidma tagħkom fil-qasam kbir tax-xogħol tal-bniedem. Iżda jekk hu minnu li l-iskola tħejjikom għax-xogħol, ukoll għax-xogħol tal-idejn, hu minnu wkoll li x-xogħol hu skola ta' valur ikbar u importanti; għaliex ix-xogħol għandu wkoll xi jgħid u dak li jgħid hu kontribut kbir għall-kultura tal-bniedem.

Iżda fir-relazzjoni bejn it-tagħlim u x-xogħol, relazzjoni li hi ħaġa proprju taż-żminijiet tagħna, hemm fil-prattika ħafna problemi serji. Hawn qiegħed naħseb l-aktar dwar il-qgħad, u, b'mod ġenerali, dwar in-nuqqas ta' xogħol, li b'tant suriet qiegħed jagħfas fuq tant żgħażagħ. Dan, kif tafu, jġib miegħu ħafna problemi oħra, li, sa minn meta għadkom l-iskola, jitfgħu dell fuq dak li jista' jkun il-ġejjieni mhux żgur tagħkom. Intom tistaqsu: is-soċjetà għandha bżonni? Sa nsib xogħol jgħodd għalija, biex ikolli rajja f'idejja, biex ikolli l-familja tiegħi f'qagħda xierqa ta' ħajja, u qabel kollox, f'dar li tkun tiegħi? Fl-aħħar mill-aħħar is-soċjetà qiegħda tistenna l-għajnuna tal-ħidma tiegħi?

Il-qawwa ta' dawn il-mistoqsijiet tant tqanqalni, li f'din l-okkażjoni wkoll inħoss li għandi nfakkar lill-gvernijiet u lil dawk li huma responsabbli tal-ekonomija u tal-progress tan-nazzjonijiet, li  x-xogħol hu dritt tal-bniedem, u għalhekk, għandu jinstab xogħol għal kulħadd billi wieħed jieħu ħsieb sewwa għal dan il-għan, l-ewwel nett billi, fit-tfassil ta' pjanijiet ekonomiċi, wieħed jara li jinħolqu okkażjonijiet xierqa ta' xogħol għal kulħadd, u, qabel kulħadd, għaż-żgħażagħ, li llum ta' spiss qed ibatu minħabba l-qgħad. Ilkoll naqblu li x-xogħol "hu ġid għall-bniedem – għan-natura tiegħu ta' bniedem li hu – għax bix-xogħol il-bniedem mhux biss  ibiddel in-natura  għall-ħtiġijiet tiegħu, imma wkoll iġib ruħu 'l quddiem bħala bniedem, anzi jsir dejjem aktar bniedem"72.

13.  L-edukazzjoni tiegħek innifsek u t-theddid tagħha

Dak li hi l-iskola bħala tagħlim u ambjent ta' tagħlim hi ħaġa li tolqot l-aktar iż-żogħżija. Iżda, fil-fehma tiegħi, il-kliem ta' Kristu dwar il-verità, li semmejt aktar 'il fuq, jolqtu aktar liż-żgħażagħ infushom. Jekk ma hemm ebda dubju li l-familja tagħti edukazzjoni u li l-iskola tagħti edukazzjoni u tagħlim, hu veru wkoll li l-ħidma tal-familja u tal-iskola ma tkunx sħiħa (anzi tista' tkun ħażina) jekk kull wieħed u waħda minnkom, għeżież żgħażagħ, ma tingħatawx intom stess għall-edukazzjoni tagħkom infuskom. L-iskola u l-familja jistgħu biss jagħtukom xi tagħrif li jkun ta' għajnuna għall-edukazzjonii tagħkom, minnkom infuskom.

U f'din il-ħaġa kliem Kristu: "Tagħarfu l-verità u l-verità teħliskom", isiru għalikom sura ta' programm ta' ħidma. Iż-żgħażagħ – jekk nistgħu ngħidu hekk – għandhom fihom infushom "is-sens tal-verità". U l-verità trid isservi għall-ħelsien – u ż-żgħażagħ għandhom fihom infushom "ix-xewqa għall-ħelsien". X'jiġifieri tkun ħieles? Tfisser li tkun tagħraf tuża l-ħelsien tiegħek fil-verità – tkun "tassew" ħieles. Tkun tassew ħieles ma jfissirx tagħmel kulma jogħġbok, kulma tixtieq. Il-ħelsien fih innifsu għandu r-regola tal-verità, id-dixxiplina tal-verità. Tkun tassew ħieles ifisser tuża l-ħelsien tiegħek ħa tikseb dak li hu veru, dak li hu ta' ġid. U għalhekk tkun tassew ħieles ifisser li tkun bniedem b'kuxjenza tajba, tkun bniedem responsabbli, tkun bniedem "għall-oħrajn".

Dan kollu hu l-qofol ta' dak li nsejħulu edukazzjoni, ta' dak li b'mod speċjali nsejħu l-edukazzjoni tiegħek innifsek. Hekk hu, edukazzjoni tiegħek innifsek! Dan il-bini fir-ruħ, fejn "il-verità tagħmilna tassew ħielsa", ma jistax isir biss minn "barra". Kull wieħed minna jrid jibnih minn "ġewwa", fih innifsu; irid jibnih bit-taħbit, mingħajr qatt ma jaqta' qalbu, bis-sabar kollu (ħaġa li mhux dejjem jagħmlu ż-żgħażagħ). Dan il-bini fik innifsek jissejjaħ edukazzjoni tiegħek innifsek. Fuqha tkellem ukoll il-Mulej Ġesù meta qal li biss jekk "nibqgħu sħaħ sal-aħħar" nistgħu "insalvaw ħajjitna". Li nsalvaw ħajjitna huwa l-frott tal-edukazzjoni tagħna nfusna.

F'dan kollu nsibu mod ieħor kif wieħed iħares lejn iż-żogħżija. Issa mhux biss il-każ ta' pjan ta' ħajja li jrid iseħħ fil-ġejjieni. Dan il-pjan iseħħ fiż-żogħżija, jekk aħna, bix-xogħol u bl-iskola u l-aktar bl-edukazzjoni tagħna nfusna, aħna nqegħdu l-pedament tal-mixi 'l quddiem tagħna bħala bnedmin. U għalhekk nistgħu nxebbħu liż-żogħżija ma' "skultur li jiskolpixxi l-ħajja kollha"; u s-sura li ż-żogħżija tagħti lil kull wieħed u waħda minnkom bħala bnedmin, tibqa' tul il-ħajja tagħkom kollha. Jekk dan għandu tifsir pożittiv importanti ħafna, jista' jkollu wkoll, jaħasra, tifsir negattiv importanti ħafna wkoll. Ma tistgħux tagħalqu għajnejkom quddiem il-perikoli li jheddukom fi żmien iż-żogħżija tagħkom. Għax dawn ukoll jistgħu jħallu sinjal, marka fil-ħajja tagħkom kollha.

Bħala eżempju nista' nsemmi l-ħajra li jista' jkollkom li tikkritikaw u tbiddlu kollox addoċċ u bl-aħrax; jew il-ħajra li tħarsu dejjem b'ċertu xettiċiżmu lejn dak kollu li hu tradizzjoni, xettiċiżmu li jista' jinbidel malajr f'ċiniżmu sfaċċat dwar ix-xogħol, il-karriera, u l-istess żwieġ. U kif ma nistax ma nsemmix it-tentazzjoni li tiġikom minn dik il-propaganda dejjem sejra għal ċerta sura ta' divertimenti, li l-aktar niltaqgħu magħhom fil-pajjiżi li mxew ħafna 'l quddiem fil-progress, tentazzjoni li twassal lill-bniedem biex ma jimpurtah xejn mill-ħajra naturali tal-bniedem li jeħles mit-taħbit, billi twegħdu li jikseb malajr kulma jixtieq, u fl-istess ħin, bil-ħsieb li tmexxi kemm tista' kulma tirreklama – il-konsumiżmu – tipprova tipperswadi l-bniedem li jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu biss jekk jorbtu mal-ġid materjali tad-dinja. Kemm żgħażagħ imsaħħrin minn ħafna ħolm qarrieq, iħallu l-istint tagħhom imexxihom bla ebda kontroll, jew jaqbdu triqat li jarawhom mimlijin b'ħafna wegħdiet sbieħ, iżda li fil-fatt nieqsa għal kollox minn kulma jistenna l-bniedem bħala bniedem, u b'hekk isibu ruħhom f'ħafna perikoli! Jaqbel li hawn intenni dak li għidtilkom fil-messaġġ tiegħi għall-Jum il-Paċi: "Xi wħud minnkom jista' jiġihom il-ħsieb li jeħilsu minn kull responsabbiltà u jfittxu d-dinja fiergħa tax-xorb u tad-drogi, tar-relazzjonijiet sesswali ta' mument mingħajr ebda rabta ta' żwieġ u ta' familja, tal-indifferenza, taċ-ċiniżmu u tal-vjolenza wkoll. Ħarsu rwieħkom minn dan il-qerq tad-dinja, li trid tinqeda bil-ħeġġa kbira tagħkom għall-hena u għat-tifsir veru tal-ħajja"74.

Qiegħed insemmilkom dan biex nurikom kemm jien imħasseb għalikom. Jekk hu meħtieġ li intom "tkunu dejjem lesti tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom", kulma jhedded din it-tama għandu jħassibna. U lil dawk kollha li b'kull sura ta' ħajriet u ta' frugħat qed ifittxu li jħassrulkom żogħżitkom, jien irrid infakkarhom fi kliem Kristu dwar l-iskandlu u dwar min jagħti skandlu. "Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli, imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! Ikun aktar jaqbillu li jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar, milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin"75.

Kliem iebes! U l-aktar fil-fomm ta' Dak li ġie jxandar l-imħabba! Għalhekk min jaqra bir-reqqa kollha dan il-kliem tal-Evanġelju għandu jara kemm ma jaqblux ma' xulxin it-tajjeb u l-ħażin, il-virtù u d-dnub. U għandu jara wkoll b'mod aktar ċar x'importanza għandha għal Kristu ż-żogħżija ta' kull wieħed u waħda minnkom. Kienet l-imħabba għaż-żgħażagħ li wasslet lil Kristu biex jgħid il-kliem iebes li għadni kemm semmejt. F'dan il-kliem qisu jtenni l-kliem tal-konversazzjoni tiegħu maż-żagħżugħ tal-Evanġelju, konversazzjoni li din l-ittra semmiet ħafna ta' spiss.

14.  Iż-żogħżija bħala "kobor"

Ippermettuli ntemm dawn il-ħsibijiet tiegħi, billi nfakkar dak li l-Evanġelju jgħid dwar iż-żogħżija ta' Ġesù f'Nażaret. Hu ftit il-kliem li jħaddan iż-żmien ta' tletin sena li għadda Ġesù fid-dar tal-familja tiegħu ma' Marija u Ġużeppi l-mastrudaxxa. Jgħidilna l-Evanġelista San Luqa: "Ġesù baqa' jikber fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin"76.

Iż-żogħżija mela hi "kobor". Fid-dawl ta' dak kollu li għidt sa issa, dan il-kliem tal-Evanġelju jidher mimli tifsir.  "Jikber fis-snin"; dan qiegħed jingħad għar-rabta li għandu l-bniedem maż-żmien; il-kobor fis-snin hu "mixi", "mixi 'l quddiem" fiż-żmien kollu tal-ħajja tal-bniedem. Ma' dan il-mixi 'l quddiem hemm marbut l-iżvilupp tal-ġisem u tal-moħħ: hu l-żvilupp, il-kobor tal-qawwiet u l-enerġiji kollha li jagħmlu kull bniedem dak li hu. Iżda jeħtieġ li ma' dan l-iżvilupp ikun hemm ukoll il-kobor fl-għerf u l-grazzja.

Lilkom ilkoll, għeżież żgħażagħ ħbiebi, nixtiqilkom dan "il-kobor". Nistgħu ngħidu li b'dan il-kobor iż-żogħżija tkun tassew żogħżija. B'hekk biss kull wieħed u waħda minnkom ikun dak li hu, tkun dik li hi. B'hekk biss iż-żogħżija tingħata lil kull wieħed u waħda minnkom bħala ġid proprju ta' kull wieħed u waħda minnkom, ġid miksub bl-esperjenza personali tagħkom u fi ħdan il-komunità. B'hekk ukoll żogħżitkom titwettaq bl-esperjenza tal-kbar li ħallew iż-żogħżija u li flok mixi 'l quddiem, se jibdew mexjin "lura", u hekk itemmu l-kors sħiħ tal-ħajja tagħhom.

Ħa tkun mela ż-żogħżija "kobor", jiġifieri kobor li jġib miegħu progress f'kulma hu veru u tajjeb u sabiħ, ukoll jekk dan "minn barra" hu marbut mat-tbatija, mat-telfa tal-qraba maħbuba u mat-tiġrib tal-ħażen li bla heda jinsab fid-dinja li fiha ngħixu.

"Il-kobor" jixraq liż-żogħżija. Għalhekk jaqbel ħafna li wieħed ikollu kuntatt mad-dinja kollha li tidher, jiġifieri man-natura. B'dan il-kuntatt man-natura fiż-żogħżija nistagħnu aktar milli nistagħnu bit-tagħrif dwar id-dinja "li niksbu mill-kotba". Għax nistagħnu direttament. Bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li b'dan il-mod, b'dan il-kuntatt dirett man-natura aħna nilqgħu fil-ħajja tagħna ta' bnedmin il-misteru stess tal-ħolqien li jinfetaħ għalina bil-varjetà tal-għaġeb ta' kulma hemm x'tara fin-natura; fl-istess ħin in-natura tħajjarna nfittxu dak li għadu moħbi fiha u ma jidhirx. L-għerf – kemm dak li nsibu fil-kotba mnebbħin minn Alla77 u kemm dak li tiegħu jagħtuna xhieda tant nies għorrief – qisu juri f'ħafna suriet "kemm tiddi d-dehra tad-dinja". Jaqbel li l-bniedem iqalleb dak il-ktieb tal-għaġeb li hu "l-ktieb tan-natura", miftuħ għal kull wieħed u waħda minna. Dak li l-moħħ u l-qalb taz-żgħażagħ jaqraw fih, jidher li jaqbel perfettament ma' dik l-istedina għall-Għerf: "Ikseb il-għerf, ikollok id-dehen... twarrbux minnek, hu jżommok, ħobbu u hu jieqaf miegħek"78. Il-bniedem ta' żmienna, l-aktar dak ta' pajjiżi li mxew ħafna 'l quddiem fl-industrija u t-teknika, huwa bniedem li jitkixxef ħafna n-natura, imma spiss dan jagħmlu għal dak li jaqbel lilu biss, u hekk ikun jeqred ħafna ġid u ġmiel tan-natura, u jħammeġ u jħassar l-ambjent naturali tal-ħajja fid-dinja. Iżda n-natura ġiet mogħtija lilna biex inħarsu lejha u nissaħħru biha, qisna għandna quddiemna mera kbira tad-dinja. Fiha naraw il-patt tal-Ħallieq mal-ħlejjaq tiegħu, li f'nofshom, sa mill-bidu, jinsab il-bniedem maħluq direttament "xbieha" ta' Alla li ħalqu.

Għalhekk, għeżież żgħażagħ, nixtieq li l-kobor tagħkom "fil-għerf u fis-snin" ikun kobor imsieħeb man-natura, b'kuntatt man-natura. Fittxu li jkollkom żmien għal dan! Titilfuhx dan iż-żmien! Ilqgħu bil-qalb it-taħbit u l-għeja li xi kultant hu mitlub minn dan il-kuntatt man-natura, l-aktar meta rridu nilħqu dak li jitlob sforz kbira. Taħbit bħal dan hu taħbit li joħloq, u fl-istess ħin iġib mistrieħ li jagħti s-saħħa, mistrieħ meħtieġ daqs l-istudju u x-xogħol.

Dan it-taħbit u dan l-isforz hu msemmi wkoll fl-Iskrittura, f'San Pawl, li jxebbah il-ħajja nisranija mal-ġiri fl-istadju"79.

Kull wieħed u waħda minnkom teħtieġu din l-għeja u dawn l-isforzi li bihom mhux biss il-ġisem jitwettaq u jissaħħaħ, imma l-bniedem kollu kemm hu jġarrab il-ferħ li rnexxielu jirbaħ lilu nnifsu u jegħleb kull tfixkil u kull xkiel kontra tiegħu.

Nixtieq ukoll li l-"kobor" tagħkom iseħħ billi tkunu f'kuntatt ma' kulma għamel il-bniedem, anzi ma' kulma qegħdin jagħmlu l-bnedmin li għadhom jgħixu fid-dinja. Kemm opri għamlu l-bnedmin tul il-mijiet tas-snin!  Kemm huma tal-għaġeb, u x'varjetà ta' opri! Jidher li ż-żgħażagħ minnufih jagħarfu sewwa kulma hu veru, sabiħ u tajjeb fl-opri tal-bniedem. U meta nqisu l-opri li għamlu l-bnedmin ta' tant kulturi differenti, ta' tant suriet ta' arti u ta' snajja, nitgħallmu x'inhi sewwa l-verità dwar il-bniedem (verità mfissra b'mod hekk tal-għaġeb fis-Salm 8). Din il-verità tista' tkabbar u tagħni bħala bniedem lil kull wieħed u waħda minna.

Iżda naraw l-aktar il-bniedem x'inhu, meta narawh fir-relazzjonijiet tiegħu mal-bnedmin l-oħra. Jeħtieġ li ż-żogħżija tagħkom tgħinkom "tikbru fl-għerf" permezz ta' dawn ir-relazzjonijiet ma' bnedmin oħra. Iż-żogħżija hi żmien li fih wieħed ikabbar ir-relazzjonijiet tiegħu, jiżdidulu sħabu, u jżid in-numru tal-ħbieb, f'ambjent aktar wiesgħa minn dak tal-familja. Jikber ukoll il-qasam tal-esperjenzi li, mhux biss għandu importanza kbira biex wieħed jikseb ħafna tagħrif, imma fl-istess ħin hu wkoll mezz ta' edukazzjoni u ta' tagħlim dwar imġiba morali tajba. Dawn l-esperjenzi jiswew ħafna fiż-żogħżija għaliex joħolqu f'kull wieħed u waħda minnkom sens kritiku u fuq kollox jagħtukom il-ħila li tkunu tistgħu tagħmlu għażla f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-bniedem. Tkun tassew ħienja din l-esperjenza taż-żogħżija jekk biha titgħallmu x'inhi l-verità essenzjali dwar il-bniedem – dwar kull bniedem u dwarkom infuskom – verità li ġiet imfissra bi ftit kliem fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes: "il-bniedem fuq l-art huwa kreatura waħdanija li Alla ried għaliha nfisha, u (il-bniedem) ma jistax isib sewwa lilu nnifsu ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu innifsu"80.

Nitgħallmu għalhekk inkunu nafu l-bniedem bil-mod li bih aħna nkunu aktar bnedmin billi "nagħtu lilna nfusna": inkunu bnedmin "għall-oħrajn". Il-qofol ta' din il-verità dwar il-bniedem – ta' din l-antroploġija, qofol li ma nistgħux nilħqu, hu Ġesù ta' Nażaret. Għalhekk hi wkoll importanti ħafna ż-żogħżija tiegħu meta kien "jikber fl-għerf... u l-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin".

Nitlob li jkollkom dan il-kobor f'kuntatt ma' Alla. Jista' jgħin indirettament, għal dan il-kobor, il-kuntatt tagħkom man-natura u mal-bnedmin l-oħra, imma l-aktar li jgħin direttament hu t-talb. Itolbu u tgħallmu itolbu! Iftħu qalbkom u l-kuxjenzi tagħkom għal Dak li jafkom aktar milli tafu intom lilkom infuskom. Tkellmu miegħu! Stħarrġu aktar fil-fond il-kliem ta' Alla l-ħaj billi taqraw u timmeditaw il-Kotba Mqaddsa.

Dawn huma t-triqat  li jwassluna għand Alla u jlaqqgħuna miegħu. Ftakru li din hi dejjem laqgħa bejn tnejn. Alla jwieġeb l-aktar "bil-għoti tiegħu nnifsu", għoti li l-Iskrittura ssejjaħlu "grazzja". Fittxu għalhekk li tgħixu fil-grazzja ta' Alla!

Dan kollu dwar "il-kobor", u dan li ktibt ktibtu biss biex insemmilkom il-problemi ewlenin tiegħu; kull waħda minn dawn il-problemi tista' tiġi studjata aktar fil-fond. U dan nixtiequ jsir fil-ħafna għaqdiet u soċjetajiet taż-żgħażagħ,  fil-movimenti u l-organizzazzjonijiet li dejjem qed jiżdiedu fil-pajjiżi u l-kontinenti kollha, kull waħda bil-ħidma spiritwali u l-appostolat proprju tagħha. Dawn l-istituti kollha, li fihom il-Knisja għandha sehem, jixtiequ juru liż-żgħażagħ triq għal dak "il-kobor" li b'xi mod juri x'inhi ż-żogħżija fid-dawl tal-Evanġelju.

15.  L-isfida kbira tal-ġejjieni

Il-Knisja tħares lejn iż-żgħażagħ; anzi l-Knisja b'xi mod tara lilha stess fiż-żgħażagħ – fikom kollha u f'kull wieħed u waħda minnkom. Dan kien sa mill-bidu, jiġifieri, sa minn żmien l-Appostli. Kliem San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu jistgħu jkunu xhieda mill-aqwa ta' dan. "Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ, għax intom għelibtu l-ħażin. Ktibt lilkom, tfal għax intom għaraftu lill-Missier ... Ktibt lilkom żgħażagħ, għax intom qawwija u l-kelma ta' Alla tgħammar fikom"81.

Kliem l-Appostlu jingħaqdu ma' kliem Kristu liż-żgħażagħ tal-Evanġelju u jidwu minn nisel għal nisel, minn żmien għal żmien.

U fi żmienna wkoll, meta aħna qrib l-elfejn sena wara Kristu, il-Knisja tara lilha nfisha fiż-żgħażagħ. U kif tara l-Knisja lilha nfisha fiż-żgħażagħ? It-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II hu xhieda speċjali ta' dan. Il-Knisja tara lilha nfisha bħala sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda sħiħa ma' Alla tal-familja kollha tal-bnedmin82. Tara għalhekk lilha nfisha marbuta mal-familja kbira tal-bnedmin, li dejjem qiegħda tikber aktar. Tara lilha nfisha f'dimensjoni universali. Tara lilha nfisha fit-triq tal-ekumeniżmu jiġifieri fit-triq tal-għaqda tal-insara kollha, għaqda li Kristu talab għaliha u fi żmienna kulħadd qiegħed jifhem li għandna nfittxuha bil-qawwa kollha. Il-Knisja tara lilha nfisha wkoll fil-kuntatti ma' nies li jħaddnu reliġjonijiet mhux insara u mal-bnedmin kollha ta' rieda tajba. Dawn il-kuntatti huma djalogu ta' salvazzjoni li għandu jgħin għall-paċi fid-dinja u għall-ġustizzja bejn il-bnedmin.

Intom iż-żgħażagħ intom it-tama tal-Knisja għax proprju b'dan il-mod tara lilha nfisha u l-missjoni tagħha. U l-Knisja tkellimkom fuq din il-missjoni tagħha. Il-messaġġ tal-ewwel ta' Jannar ta' din is-sena 1985, f'Jum il-Paċi, hu xhieda ta' dan. Dan il-messaġġ sar direttament lilkom għaliex "it-triq tas-sliem hi fl-istess ħin it-triq taż-żgħażagħ" ("is-sliem u ż-żgħażagħ jimxu flimkien"). U din il-konvinzjoni hi stedina u fl-istess ħin dmir: hawn għandna wkoll l-istedina li "tkunu dejjem lesti tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom" – it-tama li hi marbuta magħkom. Tistgħu taraw għalhekk kemm din it-tama tħaddan veritajiet importanti u universali.

Intom tgħixu kuljum mal-għeżież tagħkom. Dan l-ambjent bil-mod il-mod jitwessa'. Għadd dejjem akbar ta' nies qed ikollhom x'jaqsmu ma' ħajjitkom, u intom stess tintebħu bis-sinjali ta' din ix-xirka tagħkom magħhom. Din ix-xirka tista' tgħid dejjem hi xirka li tingħażel fiha nfisha. Tingħażel bil-mod kif għaraf u għallem il-Konċilju Vatikan II fil-kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja u fil-kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum. Spiss iż-żogħżija tagħkom tgħadduha f'ambjenti li mhumiex l-istess dwar dak li hu reliġjon jew f'ambjenti b'reliġjonijiet differenti jew f'ambjenti fejn jiltaqgħu flimkien it-twemmin u n-nuqqas ta' twemmin, nuqqas ta' twemmin li jista' jkun l-anjostiċizmu jew saħansitra l-ateiżmu fis-suriet kollha tiegħu.

Iżda quddiem ċerti problemi jidher li dawn il-ħafna komunitajiet ta' żgħażagħ, iħossu u jaħsbu u jġibu ruħhom bl-istess mod. Bħala eżempju nista' ngħid li ż-żgħażagħ kollha jaqblu bejniethom u jħossu l-istess dwar dan li ġej: li eluf ta' eluf ta' bnedmin qed jgħixu f'miżerja kbira u qed imutu bil-ġuħ waqt li fl-istess ħin qed jintefqu somom kbar ħafna ta' flus biex isiru armi nukleari, li issa hemm ħażna hekk kbira tagħhom li jistgħu jġibu l-qerda sħiħa tal-familja kollha tal-bnedmin. Hemm imbagħad theddid u tensjonijiet oħra li qatt ma kienu daqshekk kbar fil-ġrajja kollha tal-bniedem. Fuq dan tkellimt fil-messaġġ tal-ewwel tas-sena, u għalhekk mhux ser nerġa' nsemmihom. Ilkoll nifhmu li l-ġejjieni ta' eluf ta' miljuni ta' bnedmin, fi tmien l-elfejn sena wara Kristu, qiesu jħabbar li jistgħu jkunu ħerba u qerda ta' kobor "apokalittiku".

F'qagħda bħal din, bir-raġun kollu intom iż-żgħażagħ tistaqsu lil dawk li ġew qabilkom: Għax wasalna sa hawn? Għaliex din il-qagħda hekk kbira ta' perikolu għall-familja kollha tal-bnedmin? Minn fejn dawn l-inġustizzji kollha li jweġġgħulna għajnejna? Għaliex tant nies qed imutu bil-ġuħ? Għaliex tant eluf ta' eluf ta' rifuġjati minn fost ħafna nazzjonijiet? Għaliex tant drabi qed jiġu mkasbra d-drittijiet tal-bniedem? Għaliex tant ħabsijiet u kampi ta' konċentrament, għaliex tant vjolenza bi ħsieb, tant qtil ta' nies innoċenti, għaliex tant bnedmin qed isofru vjolenza u torturi, għaliex tant moħqrija u tant tkasbir ta' kuxjenzi? U fost dan kollu, hemm ukoll il-fatt li tant żgħażagħ għandhom il-kuxjenza tagħhom mgħobbija bil-piż tal-qtil ta' tant innoċenti, għaliex huma għal kollox konvinti li d-dinja se tkun aħjar biss permezz tat-terroriżmu mħejji u maħsub sewwa. U għalhekk intom terġgħu tistaqsu: Għaliex dan kollu?

Għandkom id-dritt kollu tagħmlu dawn il-mistoqsijiet; anzi jeħtieġ tagħmluhom. Għax huma mistoqsijiet dwar id-dinja li fiha qegħdin tgħixu llum, u fejn għada tridu tgħixu meta dawk akbar minnkom ikunu ħallew din id-dinja.

Għalhekk bir-raġun kollu tistaqsu: għaliex dan il-progress  kollu tal-bniedem – li qatt ma kien hemm ieħor bħalu fil-ġrajja kollha tal-bniedem – fil-qasam tax-xjenza u tat-teknika; għaliex dan il-progress kollu, li bih il-bniedem qiegħed jaħkem il-materja, il-bniedem b'ħafna modi qiegħed jużah kontra l-bniedem? Għalhekk bir-raġun kollu tistaqsu (u bi ftit ta' biża' wkoll għall-ġejjieni fikom infuskom): Tista' ddur din ir-rotta? Tista' tinbidel din il-qagħda? Jirnexxilna nġibu din il-bidla?

Tagħmlu sewwa tistaqsu dan. Iva, qegħdin tagħmlu l-aqwa mistoqsija ta' żmienkom. B'dan il-mod intom tkomplu l-konversazzjoni tagħkom ma' Kristu li nbdiet darba fl-Evanġelju. Dak iż-żagħżugħ kien staqsa: "X'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" Intom tagħmlu l-istess mistoqsija skont iż-żmien li fih intom: X'għandna nagħmlu biex il-ħajja – il-ħajja kollha ġmiel tal-familja tal-bnedmin – ma tinbidilx f'qabar ta' mewt nukleari? X'għandna nagħmlu biex ma jaħkimniex id-dnub tal-inġustizzja mxerred ma' kullimkien fid-dinja? Dak id-dnub tat-tkasbir tal-bniedem u tat-twarrib tad-dinjità tiegħu, minkejja li jingħad tant kliem li jwettaq dawn id-drittijiet tiegħu. X'għandna nagħmlu? U mill-ġdid: Naslu biex nagħmluh?

Iwieġeb Kristu kif wieġeb fl-ewwel seklu tal-Knisja bi kliem l-Appostlu liż-żgħażagħ: "Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ, għax intom għelibtu l-ħażin. Ktibt lilkom tfal,  għax intom għaraftu lill-Missier ... Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija  u l-kelma ta' Alla qiegħda tgħammar fikom"83. Dan il-kliem tal-Appostlu mtenni elfejn sena ilu, huwa wkoll tweġiba għal-lum. Huwa kliem sempliċi u qawwi ta' fidi li ġġib ir-rebħa fuq il-ħażen li hawn fid-dinja: "Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna"84. Dan il-kliem jikseb il-qawwa tiegħu mill-esperjenza ta' Kristu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet li kellhom l-Appostli u l-ġenerazzjonijiet kollha tal-insara li ġew warajhom. F'din l-esperjenza jitwettaq l-Evanġelju kollu. U titwettaq ukoll il-verità li tinsab fil-konversazzjoni ta' Kristu maż-żagħżugħ tal-Evanġelju.

Nieqfu ftit fi tmiem din l-ittra fuq il-kliem tal-Appostlu li jwettqukom u fl-istess ħin jisfidawkom. Għax huma wkoll tweġiba.

Fikom, fi qlubkom, hemm tħeġġeġ xewqa ta' mħabba tal-aħwa bejn il-bnedmin kollha, 'il fuq minn kull firda, jew ġlied jew diskriminazzjoni. Jalla jkun hekk! Intom iż-żgħażagħ għandkom ħerqa kbira ta' mħabba tal-aħwa u kull xorta ta' rabta bejn il-bnedmin, u żgur ma tridux li jkun hemm ebda xorta ta' ġlied bejn bniedem u ieħor. U din ix-xewqa ħerqana ta' mħabba tal-aħwa – il-bniedem huwa l-proxxmu tal-bniedem, il-bniedem huwa ħu bniedem ieħor! – mhijiex forsi xhieda li intom "għaraftu l-Missier", kif jikteb l-Appostlu, la lkoll aħna aħwa hekk xi ħadd hu missier? U biss fejn hemm il-Missier, il-bnedmin huma aħwa.

Għalhekk jekk intom għandkom fikom ix-xewqa tal-imħabba tal-aħwa, dan ifisser li "l-Kelma ta' Alla tgħammar fikom". Fikom hemm dak it-tagħlim li Kristu għallem u li bir-raġun kollu jissejjaħ "il-Bxara t-Tajba". Hemm fuq fommkom, hemm almenu fi qlubkom, it-talba tal-Mulej li tibda bil-kliem: "Missierna". Din it-talba li tħabbrilna l-Missier, fl-istess ħin twettaq li aħna lkoll aħwa, u, fil-qofol tagħha, tmur kontra kull xorta ta' mġiba mibnija fuq il-prinċipju tal-ġlied bejn bniedem u ieħor, hu ta' liema sura hu. Il-"Missierna" jbiegħed qlub il-bnedmin mill-ġlied u l-mibegħda, mill-vjolenza u t-twerwir, minn kull xorta ta' diskriminazzjoni li bihom huma mkasbra d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem.

L-Appostlu jikteb liż-żgħażagħ u jgħidilhom li huma qawwija għax il-Kelma ta' Alla tgħammar fihom: dan it-tagħlim jinsab fl-Evanġelju ta' Kristu u hu miġbur fil-qasir fil-"Missierna". Iva. Intom qawwija b'dawn il-preċetti ta' Alla; intom qawwija b'din it-talba; intom qawwija għax din it-talba tnissel fikom l-imħabba, it-tjieba, ir-rispett għall-bniedem: għal ħajtu, għad-dinjità tiegħu, għall-kuxjenza u l-fehmiet tiegħu, għad-drittijiet tiegħu. Jekk "għaraftu l-Missier" intom qawwija bil-qawwa tal-imħabba bejn il-bnedmin bħal aħwa.

Intom qawwija wkoll għall-ġlied; mhux kontra l-bnedmin favur xi ideoloġija jew favur xi drawwa maqtugħa għal kollox mill-għeruq tal-Evanġelju, imma intom qawwija għall-ġlied kontra l-ħażen, kontra l-ħażen veru: kontra kull ħaġa li toffendi lil Alla, kontra kull xorta ta' inġustizzja u sfruttament, kontra kull qerq u kull gideb, kontra dak kollu li joffendi u jkasbar, kontra kulma jħassar l-għaqda bejn il-bnedmin u r-relazzjonijiet ta' bejniethom, kontra kull delitt li jhedded jew jeqred il-ħajja, kontra kull dnub.

L-Appostlu jikteb: "Għelibtu l-ħażin!" U hekk hu. Għandna dejjem inżommu quddiemna l-bidu tad-deni u tad-dnub fil-ġrajja tal-bniedem u tal-ħolqien kollu kif għamel Kristu fil-misteru tal-Għid tas-Salib u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ma għandniex għax nibżgħu nsemmu b'ismu 'l dak li hu l-bidu ta' kull deni: il-Ħażin. Il-qerq li uża u għadu juża hu dak li ma jidhirx bħala ħażin, biex il-ħażin li jkun żera' sa mill-bidu jikber bil-ħidma tal-bniedem stess bis-sistemi li għandu l-bniedem, bir-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom, bir-relazzjonijiet bejnietkom ta' kull klassi fin-nazzjonijiet... biex dejjem aktar jikber id-dnub fl-"istrutturi", ħalli dejjem inqas jingħaraf bħala dnub "personali" tal-bniedem, biex il-bniedem iħoss ruħu dejjem aktar "ħieles" mid-dnub, waqt li hu fl-istess ħin għandu għeruq akbar fid-dnub. L-Appostlu qal liż-żgħażagħ: "intom qawwija, u għalhekk jeħtieġ li l-kelma ta' Alla tgħammar fikom". Imbagħad tkunu tassew qawwija: u hekk tkunu tistgħu tintebħu kif il-ħażin jaħdem bil-moħbi, u fejn huma l-għeruq tiegħu; u hekk bil-mod il-mod jirnexxilkom tbiddlu d-dinja, tagħmluha aktar tixraq lill-bniedem, tagħmluha aktar dinja ta' aħwa, aktar dinja li hi ta' Alla. Ma jiswiex tqaċċat id-dinja minn Alla, tagħmilha kontra Alla; lanqas jiswa li l-bniedem jitbiegħed minn Alla u jkun kontra Alla. Dan imur kontra n-natura tad-dinja u kontra n-natura tal-bniedem, dan imur kontra l-verità intima ta' kollox, li hi r-"realtà" kollha. Hu għalhekk li qalb tal-bniedem hi bla mistrieħ, sa ma tistrieħ f'Alla. Dan il-kliem tal-għaref Santu Wistin ma jitlef qatt il-qawwa tiegħu f'kull żmien85.

16.  Il-messaġġ tal-aħħar

Għeżież żgħażagħ ħbiebi, araw, inħalli f'idejkom din l-ittra li hi marbuta mal-konversazzjoni ta' Kristu maż-żagħżugħ tal-Evanġelju, u ġejja mix-xhieda tal-Appostli u tal-ewwel ġenerazzjonijiet tal-insara. Qed nagħtikom din l-ittra tul is-sena internazzjonali taż-żgħażagħ, aħna u qed noqorbu lejn it-tieni elf sena wara Kristu. Qed nagħtihielkom din is-sena li hi l-għoxrin sena minn meta ntemm il-Konċilju Vatikan II li sejjaħ liż-żgħażagħ "it-tama tal-Knisja"86, u li kellu l-aħħar messaġġ tiegħu għaż-żgħażagħ ta' dak iż-żmien – kif għandu l-messaġġ tiegħu għaż-żgħażagħ tal-lum u taż-żmien li għad irid jiġi – f'dan il-messaġġ il-Knisja tidher bħala l-vera żogħżija tad-dinja, "bħala dik li għandha dak li hu l-qawwa u l-ġmiel taż-żogħżija, jiġifieri l-kapaċità li tifraħ b'kull ħaġa li tibda, il-ħila li tagħti ruħha minn rajha bla ebda kundizzjoni, il-ħila li tiġġedded u tfittex rebħiet ġodda"88. Dan qed nagħmlu f'Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, fil-jum li fih se niltaqa' ma' ħafna minnkom fil-pjazza quddiem il-bażilika ta' San Pietru. F'dan il-jum l-isqof ta' Ruma se jitlob magħkom għaż-żgħażagħ kollha tad-dinja għal kull wieħed u waħda minnhom. Nitolbu fix-xirka tal-Knisja biex – fiż-żminijiet iebsa li fihom qegħdin ngħixu – intom tkunu "tistgħu tagħtu tweġiba lil min jistaqsikom il-għala tat-tama li għandkom". Hekk hu, "li intom għandkom", għaliex minnkom jiddependi l-ġejjieni; minnkom jiddependi t-tmiem ta' dawn l-elf sena u l-bidu ta' elf sena oħra. Għalhekk titgħażżnux; ilqgħu d-dmirijiet tagħkom f'kull qasam li jinfetaħ quddiemkom f'din id-dinja. Għal din il-fehma wkoll qegħdin jitolbu magħkom l-isqfijiet u s-saċerdoti f'ħafna pajjiżi.

Aħna u nitolbu flimkien f'din ix-xirka kbira ta' żgħażagħ tal-Knisja Universali u tal-knejjes kollha, għandna quddiemna d-dehra tal-Verġni Marija, li sa mill-bidu tal-ħidma ta' Kristu fost il-bnedmin kienet dejjem miegħu. Hi dik Marija li, fil-festa tat-tieġ ta' Kana qabżet għaż-żgħażagħ, għaż-żewġ miżżewġin żgħażagħ, li fil-festa tat-tieġ naqsilhom l-inbid. Omm Kristu dakinhar, lin-nies li kienu jieħdu ħsieb l-ikel, qaltilhom: "Agħmlu kulma jgħidilkom". Min kellu jgħidilhom, kien Kristu. Se ntenni dan il-kliem ta' Omm Alla biex ngħidu lilkom, żgħażagħ, lil kull wieħed u waħda minnkom: "Agħmlu kulma jgħidilkom Kristu". U f'isem it-Trinità Qaddisa mberikkom. Ammen.

Minn Ruma, f'San Pietru, fil-31 ta' Marzu, Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, tas-sena 1985, is-seba' sena tal-pontifikat.

Joannes Paulus PP II

 

 

Noti:

1.        Piet 3,15

2.       Ara Redemptor hominis, 14

3.       Ara Rum 8,19.21; Ef 4,4; Fil 3,10s; Tit 3.7; Lh 7,19; 1Piet 1,13

4.       1 Piet 3,15

5.       Ara Mk 10,17-22; Mt 19,16-22; Lq 18,23

6.       Mk 10,17-19

7.       Mk 10,20s

8.       Mk 10,22

9.       Ara Lq 8,49-56

10.   Ara Lq 7,11-17

11.   Apok 21,6

12.   Ġw 3,16

13.   1Ġw 4,8.16

14.   Ara 2Tess 2,7

15.   Ġw 14,9

16.   Ara Lh 13,8

17.   Ara Ġen 1,26

18.   Ġw 3,19; ara 1,9

19.   Ġw 1,5

20.   Rum 6,9

21.   Lq 2,34

22.   Ġw 11,25

23.   Ġw 3,16

24.   1Kor 7,13

25.   Lh 9,27

26.   ibid

27.   Ġw 11,25s

28.   Ara Es 24,1; Dewt 9,10; 2Kor 3,3

29.   Ara Dewt 4.5-9

30.   Mk 10,20

31.   Ara Mt 5-7

32.   Ara Mt 22,37,40; Mk 12.29-31; Lq 10,27

33.   Ara Rum 2,14

34.   Rum 2,15

35.   ibid

36.   Mk 10,19

37.   Lh 9,27

38.   Kol 3,14

39.   Ara 1Kor 13,13

40.   Ara Mt 22,38

41.   "Il-liġi morali", jgħid Konfuċju, "mhux bogħod minna. L-għaref ma tantx jiżbalja f'dak li għandu x'jaqsam mal-liġi morali, għax jimxi fuq dan il-priċipju: tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmel lilek" (Tchung-Yung – it-triq tan-nofs, 13). L-għaref Ġappuniż Dengyo Daishi, jew Saicho li għex fis-snin 767-822 wara Kristu, iħeġġeġ biex ninsew lilna nfusna, nagħmlu l-ġid lill-oħrajn għax hawn hu l-qofol tal-ħbiberija u tal-imħabba kollha ħniena (ara W. Th. de Barry, Sources of Japanese Tradition, New York, 1958, vol. I paġ. 127). Kif ma niftakrux dak li kien jgħid il-Mahatma Ghandi li kien jisħaq fuq il-"qawwa tal-verità" (Satyyagraha), li mingħajr vjolenza tirbaħ bil-qawwa dinamika tagħha, li tinsab f'kull ħidma ġusta?

42.   Ara Rum 2,15

43.   Ara Ġw 1.8; ara wkoll Nostra aetate (dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux insara).

44.   Ġen 1,31

45.   Ara Ġw 2,35

46.   Ara Lq 22,61

47.   Ara Ef 1,4

48.   Mt 19,10

49.   1Kor 7,21

50.   Kol 3,1

51.   Rum 5,5

52.   Ara Mt 5,3-12

53.   Mt 19,21

54.   Ara Mk 10,21; Ġw 1,43; 21,23

55.   Ara Mt 19,12

56.   Ara v.g. Redemptionis donum

57.   Mt 9,37

58.   Mt 9,37s

59.   Ara Lumen gentium 39-42

60.   Ara Gaudium et Spes 43-44

61.   Lumen gentium 1

62.   Ġw 4,10

63.   Mt 5,8

64.   Ara 1Ġw 4,8.16

65.   Ara Ef 5,32

66.   Ara 1Kor 13,2.4.5.6.7

67.   Ġen 2,24; ara Mt 19,5

68.   Es 20,12; Dewt 5,16; Mt 15,4

69.   Mt 25,14-30; Lq 19,12-26

70.   Ġen 3,19

71.   Ġw 8,32

72.   Laborem exercens, 9

73.   Ara Lq 21,19

74.   Messaġġ ta' Jum il-Paċi 1985, 3

75.   Lq 17,1s

76.   Lq 2,52

77.   Ara v.g. Salm 104(103), 19(18); Għerf 13,1-9; 7,15-20

78.   Prov 4,5s

79.   Ara 1Kor 9,24-27

80.   Gaudium et Spes, 24

81.   1Ġw 2,13s

82.   Lumen gentium, 1

83.   1Ġw 2,13s

84.   1Ġw 5,4

85.   Ara Santu Wistin, Stqarrijiet, 1,1

86.   Gravissimum educationis, 2

87.   Ara AAS (1966), 18

88.   Ġw 2,5

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta