Laikos

 

Mill-Papa Ġwanni Pawlu I ...


ĠWANNI PAWLU I

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 6 ta’ Settembru 1978

 

1.     Il-Virtù kbira tal-Umiltà

Fuq il-lemin tiegħi u fuq ix-xellug tiegħi jinsabu l-Kardinali u l-Isqfijiet, ħuti fl-episkopat. Jiena jien biss ħuhom il-kbir. Is-Sliem tiegħi mimli mħabba lilhom u lid-dijoċesi tagħhom.

Eżatt xahar ilu, ġo Castelgandolfo, miet Pawlu VI, Papa kbir, li ta lill-Knisja, fi 15-il sena, servizz enormi. L-effetti, biċċa minnhom, diġa jidhru, imma jiena nemmen li se jidhru b’mod speċjali fil-futur. Kull nhar ta’ Erbgħa huwa kien jiġi hawn u kien ikellem lin-nies. Fis-Sinodu 1977 diversi Isqfijiet qalu: « Id-diskorsi tal-Papa Pawlu tal-Erbgħa huma tassew katekeżi addattata għad-dinja moderna ». Jien se nfittex li nimitah, bit-tama li wkoll jien inkun nistà, b’xi mod, ngħin lin-nies biex isiru iktar tajbin. Biex inkunu tajbin, però, ninħtieġu li nkunu f’postna quddiem Alla, quddiem il-proxxmu u quddiem tagħna nfusna. Quddiem Alla, il-pożizzjoni ġusta hija dik ta’ Abraham, li qal: « Jiena biss trab u rmied quddiemek, o Mulej!». Hemm bżonn li nħossuna żgħar quddiem Alla. Meta jiena ngħid: Mulej jiena nemmen; ma nistħix inħossni bħal tfajjel ċkejken quddiem ommu; wieħed jemmen f’ommu; jiena nemmen fil-Mulej, f’dak li huwa rrivelali. Il-kmandamenti huma daqsxejn iktar diffiċli, kultant tant diffiċli biex nossevahom; imma Alla ma tahomniex b’kapriċċ, mhux għall-interess tiegħu, daqskemm b’interess tagħna. Wieħed, darba waħda, mar jixtri karrozza mingħand agent tal-karrozzi. Dan għamillu diskors: Ara li l-karrozza taħdem sewwa, ittrattaha sewwa, eh? Petrol super fit-tank, u, fil-fusien, żejt, minn dak fin. L-ieħor minn naħa tiegħu: Eh, le, biex ngħidlek is-sewwa, jien linqas ir-riħa tal-petrol ma nissaporti, u linqas iż-żejt: fit-tank nitfgħalha xampanja, li tant inħobb, u l-fusien nidlikhom bil-ġamm. Agħmel kif tħoss; imma tiġix tgergirli, jekk tispiċċa f’xi rdum, bil-karrozza b’kollox! Il-Mulej għamel speċi ta’ xi ħaġa hekk magħna: tana ġisem, animat minn ruħ intelliġenti, rieda tajba. Qalilna: din il-magna tiswa, imma ttrattawha tajjeb.

Dawn huma l-kmandamenti. Weġġagħ lil missierek u lil ommok, la toqtolx, la tirrabjax, kun delikat, la tgħidx kelma b’oħra, la tisraqx… Li konna kapaċi nosservaw il-kmandamenti, konna nmorru aħjar aħna u tmur aħjar ukoll id-dinja. Imbagħad hemm il-proxxmu… imma l-proxxmu jinsab fi tliet livelli: biċċa jinsabu fuqna, oħrajn jinsabu fil-livell tagħna, oħrajn taħtna. Fuqna hemm il-ġenituri tagħna. Il-katekiżmu jgħidilna: irrispettawhom, ħobbuhom, obduhom. Il-Papa jeħtieġ li jdaħħal ir-rispett u l-ubbidjenza tal-ulied lejn il-ġenituri. Qegħdin jgħiduli li hawn l-abbatini tal-gżira ta’ Malta. Ejja wieħed minnkom, jekk jogħġobkom… L-abbatini ta’ Malta, li, għal xahar, wettqu s-servizz ġo San Pietru. Allura , inti x’jismek? - James! – James. U, ismà inti qatt kont marid? – Le – Linqas qatt kellek id-deni, int? – Le. Oh, kemm inti ffortunat! Imma, meta tifel ikun marid, min hi dik li tnewwillu xi daqsxejn brodu, xi ftit mediċina ? Mhijiex forsi l-mamà? Hekk hu. Wara inti tikber u l-mamà tixjieħ, u int ssir sinjur kbir, u l-mamà miskina tkun fis-sodda marida. Hekk hu. U allura min inewwel lill-mamà ftit ħalib u l-mediċina? Min? – Jiena u ħuti. – Bravu!. Hu u ħutu, qal. U dan tassew jogħġobni. Fhimt?

Imma  dan mhux dejjem iseħħ. Jien, Isqof ta’ Venezja, kont kultant inmur, fid-djar tal-mistrieħ. Darba minnhom iltqajt ma’ marida, anzjana: « Kif inti, Sinjura? » - « Beh, dwar l-ikel, tajba! Sħun? Tisħin? Tajjeb » - « Allura int kuntenta Sinjura? » - « Le » - u ħabtet  kważi se tibki.  « Għaliex se tibki? » - « Mart it-tifel, ibni ma jiġux jarawni. Nixtieq nara lin-nepputijiet ». Mhux biżżejjed, is-sħana, l-ikel, hemm qalb: hemm bżonn naħsbu wkoll dwar il-qalb tax-xjuħ tagħna. Il-Mulej qal li l-ġenituri għandhom ikunu rrispettati u maħbubin, ukoll meta jkunu xjuħ. U  minbarra l-ġenituri hemm ukoll l-Istat, hemm is-Superjuri.  Jista l-Papa jirrakkomanda l-ubbidjenza? Bossuet, li kien isqof kbir, kiteb: « Fejn ħadd ma jikkmanda jikkmandaw ilkoll. Fejn kulħadd jikkmanda, ħadd iktar ma jikkmanda, għajr il-kaos ».Kultant tara wkoll f’din id-dinja xi ħaġa simili. Meta nirrispettaw lil dawk li huma superjuri. Imbagħad hemm dawk li huma ugwali għalina. U hawn, soltu, hemm żewġ virtujiet x’nosservaw: il-ġustizzja u l-karità. Imma l-karità hija r-ruħ tal-ġustizzja. Hemm bżonn li nixtiequ l-ġid lill-proxxmu, il-Mulej tant irrakkomanda dan.  Jien dejjem nirrakkomanda mhux biss il-karitajiet kbar, imma wkoll il-karitajiet iż-żgħar. Qrajt fi ktieb miktub minn Carnegie, amerikan, intitolat « l'arte di far gli amici », dan l-episodju ċkejken: waħda sinjura kellha erbat irġiel fid-dar: żewġha, ħuha, żewġ subien kbar. Hija biss kellha tagħmel ix-xirja, hi weħedha taħsel u tgħaddi, hi tieħu ħsieb il-kċina, kollox hi. Darba l-Ħadd waslu kollha d-dar. Il-mejda kienet imħejjija għall-pranzu, imma fil-platt ma kien hemm xejn għajr ponn xgħir. Oh! L-oħrajn ipprotestaw u qalu: xinhi din, xgħir!  U hi qaltilhom « le, kollox huwa lest. Ħalluni ngħidilkom: nibdel l-ikel, inżommkom nodfa, nagħmel minn kollox. Qatt, qatt linqas darba ma għidtuli: ħejjejtilna pranzu tajjeb. Għiduli xi ħaġa! Jien miniex ġebla. Wieħed jaħdem iktar bil-qalb meta dak li jagħmel ikun rikonoxxut. Dawn huma l-karitajiet iż-żgħar. F’darna lkoll għandna lil xi ħadd, li jistenna kumpliment ». Jeżistu l-iżgħar fostna, hemm it-tfal, il-morda, saħansitra l-midimbin. Jiena kont qrib. Bħala isqof, ukoll ta’ dawk li ma jemmnux b’Alla. Wasalt biex nifhem li huma spiss jissieltu mhux ma’ Alla, imma ma’ l-idea żbaljata li huma għandhom ta’ Alla. Kemm ħniena għandu wieħed ikollu! U wkoll dawk li jiżbaljaw… Hemm bżonn verament li nkunu f’postna magħna nfusna. Nillimita ruħi li nirrakkomandalkom virtù, hekk għażiża għall-Mulej: huwa qal: tgħallmu minni li jien manswet u umli tal-qalb. Nissogra ngħid ġa assurda, imma se ngħidha: il-Mulej tant iħobb l-umiltà li, kultant, jippermetti xi dnubiet gravi. Għaliex? Għaliex dawk li jkunu għamluhom, dawn id-dnubiet, wara li jkunu nidmu, jibqgħu umli.Ma tiġikx xewqa li temmen li tkun nofs qaddis, nofs anġlu, meta tkun taf li wettaqt nuqqasijiet gravi. Ukoll jekk inwettqu ħwejjeġ kbar, ejjew ngħidu: aħna qaddejja li ma niswew xejn. Għall-kuntrarju t-tendenza, fina lkoll, hija pjuttost kuntrarja: li nuru lilna nfusna. Inżommu ruħna baxxi: din hija l-virtù nisranija li tirrigwarda lilna nfusna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb