Stampa din iir-riflessjoni

Assemblea Djoċesana

Sala, Skola ta’ Santa Monica, Fleur-de-Lys, B’Kara

10 ta’ Ottubru 2014

 

Riflessjonijiet dwar id-Djakonat Permanenti

minn Dun Hector Scerri

 

Kien ftit anqas minn erbatax-il sena ilu li l-Papa San Ġwanni Pawlu II fakkarna fil-kliem ta’ Ġesù, Duc in altum ... “Aqdef ’il barra fil-fond” (Lq 5:4). Huwa għamel dan fl-Ittra Appostolika li ġġib l-isem Fil-Bidu ta’ Millennju Ġdid (6 ta’ Jannar 2001, n.1). L-Assemblea tas-Sinodu Djoċesan tal-Knisja lokali tagħna mhux biss semgħet dik il-kelma u laqgħetha, imma wkoll ħalliet l-eku tagħha jidwi fid-dokumenti tal-istess Sinodu. Fil-fatt, fid-dokument tas-Sinodu Djoċesan Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni naqraw hekk: “Aħna rridu nkunu Knisja li ssegwi l-kliem ta’ Ġesù meta ġurnata waħda, wara li kellem il-folol mid-dgħajsa ta’ Xmun, stieden lill-Appostlu biex jaqdef ’il barra għal qabda: Aqdef ’il barra fil-fond ... Din hija stedina biex ninqalgħu minn max-xatt tas-sigurtà falza biex niskopru l-preżent u nħarsu lejn il-futur, inċert jekk mibni fuq il-fraġilità tagħna, iżda sabiħ jekk mitfugħ f’idejn il-Missier” (VKK, n.6).

Kif stajtu taraw mill-Introduzzjoni li saret minn Ms Josephine Vassallo, l-esperjenza tar-riflessjoni, id-diskussjoni u l-konsultazzjoni dwar id-Djakonat Permanenti kienet waħda ferm twila. Għalkemm fi tmiem is-snin 80, il-Konferenza Episkopali Maltija ta’ dak iż-żmien kienet approvat  n-Normi għad-Djakonat Permanenti, kien is-Sinodu Djoċesan li għamel proposta konkreta dwar dan il-ministeru ordnat fi ħdan il-Knisja lokali, jiġifieri l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Fost id-dokumenti pastorali tas-Sinodu, approvati mill-Assemblea Sinodali u ppromulgati mill-Arċisqof Mercieca ħdax-il sena ilu, hemm dak li jismu Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni. Diġà smajna – minn dan id-dokument – ir-referenza importanti għal silta qasira li b’kuraġġ u determinazzjoni titkellem dwar id-djakonat permanenti:

“Id-djakonat permanenti kien ġie restawrat mill-Konċilju Vatikan II mhux minħabba nuqqas ta’ saċerdoti u reliġjużi imma għax huwa kariżma oħra fil-Knisja. Id-djaknu permanenti jagħni l-pastorali tal-Knisja, speċjalment fl-oqsma tal-karità u l-assistenza. Is-Sinodu jitlob li jiġi studjat it-tifsir u s-siwi tad-djakonat permanenti. Għandha tiġi studjata bis-serjetà l-possibiltà li jiġi introdott dan il-ministeru fil-komunità ekkleżjali Maltija”. (n.25)

Personalment inħoss li sa ftit ilu konna bqajna fuq ix-xatt tas-sigurtajiet tagħna. Konna qegħdin, għal żmien twil, inkejlu l-fond tal-baħar. Fejn ix-xatt kien biss xiber fond, użajna idejna biex kejjilna l-fond tal-ilma. Fejn intbaħna li kien aktar fond, użajna qasba tal-qejsien. Fejn kien ftit aktar fond u l-qasba ma waslitx sal-qiegħ, użajna għajnejna sa fejn dawn setgħu jwasslu, għalkemm il-qiegħ ma kienx dejjem jidher ċar. Imma, issa – biex nuża l-espressjoni tas-Sinodu Djoċesan stess – qegħdin “ninqalgħu minn max-xatt tas-sigurtà falza biex niskopru l-preżent u nħarsu lejn il-futur, inċert jekk mibni fuq il-fraġilità tagħna, iżda sabiħ jekk mitfugħ f’idejn il-Missier” (VKK, n.6).

Mela din tagħna mhijiex qabża bl-addoċċ minn fuq l-irdum ta’ Kemmunett jew minn fuq it-Tieqa tad-Dwejra t’Għawdex, imma hija qadfa ’il barra, immexxija mill-Ispirtu ta’ Alla. Id-dixxerniment tagħna bħala Knisja profetika li seħħ matul is-Sinodu, kompla – kif rajtu fit-timeline li ġie ppreżentat – permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa u ta’ ħidma fil-kwiet fl-aħħar sentejn u nofs. Xejn ma jiġri addoċċ jekk ikun marbut mal-pjan ta’ Alla. Għada, il-11 ta’ Ottubru, tiġi ċċelebrata għall-ewwel darba l-festa liturġika tal-Papa San Ġwanni XXIII. L-eżempju tiegħu, il-qari attent tiegħu tas-sinjali taż-żminijiet, l-għażliet kuraġġużi li huwa għamel u l-abbandun totali tiegħu f’idejn Alla għandhom jispirawna. Eċċellenza, aħna nemmnu li din mhijiex kumbinazzjoni, coincidence, li inti ħabbart id-deċiżjoni tiegħek dwar id-Djakonat Permanenti fil-viġilja tal-festa ta’ San Ġwanni XXIII li inti għandek rabta speċjali miegħu. Mela, mhijiex coincidence, imma “God-incidence”. Ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla li mexxa lilek u l-Knisja f’Malta għal din id-deċiżjoni.

Diġà smajtu l-preżentazzjoni ta’ Fr Mark dwar il-ministerjalità fil-Knisja. Huwa fakkarna kif il-pedament ta’ kull ministerjalità fil-Knisja huwa s-sagrament tal-Magħmudija. Forsi ftit huma dawk li huma konxji li s-subtitle tad-dokument tas-Sinodu Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni huwa “Poplu b’kariżmi u ministeri diversi”. Dan is-subtitle ikompli jispjega mhux biss x’fih dak id-dokument tas-Sinodu, imma wkoll dak li għadu kemm spjega Fr Mark dwar il-Knisja u l-ministeri fi ħdanha.

Irridu nħarsu lejn il-Knisja lokali fit-totalità tagħha. Il-Poplu ta’ Alla, jiġifieri l-komunità ekkleżjali tal-imgħammdin, hija magħmula mill-kleru, mil-lajċi u minn dawk li ħaddnu l-ħajja konsagrata. Il-ministeru ordnat li għandhom u li jgħixu dawk li rċevew is-Sagrament tal-Ordni Sagri huma l-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni. L-Ordni Sagri, kif ilkoll nafu, huwa sagrament. Il-grazzja sagramentali tal-Ordni Sagri titħaddem minn min jirċeviha biex jgħin lil ħutu l-imgħammdin biex jiskopru kuljum il-grazzja tal-Magħmudija u jużawha fil-ħajja ta’ kuljum bix-xhieda li jagħtu. Fi kliem ieħor, il-grazzja tal-Ordni Sagri qegħda għas-servizz tas-saċerdozju komuni tal-imgħammdin kollha.

Ftit ilu, semmejt “il-Knisja lokali fit-totalità tagħha”. Irridu nsemmu wkoll il-ġerarkija fit-totalità tagħha: fi kliem ieħor, li l-ġerarkija ta’ Knisja fi djoċesi partikulari jkollha l-Isqof (jew Isqfijiet), is-saċerdoti u d-djakni wkoll.

It-tiġdid tal-Konċilju Vatikan II (1962-65) wassal ukoll għar-riskoperta tad-djakonat bħala ministeru li jreġi waħdu fil-Knisja, fi kliem ieħor, ministeru li mhuwiex tarġa għall-presbiterat. Aħna sa issa konna mdorrijin naraw id-djaknu bħala dak li qiegħed ftit xhur ’il bogħod mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Nistaqsuh: “Meta se tqaddes? Meta se tiċċelebra l-ewwel Quddiesa tiegħek?” Wasal iż-żmien li nibdew nibdlu l-mentalità tagħna.

Kien fil-kuntest ta’ l-iżvilupp tat-teoloġija matul l-ewwel nofs tas-seklu 20 li nkixef mill-ġdid il-ġmiel tal-ministeru tad-djakonat permanenti. Fil-fatt, kien permezz ta qawmien patristiku u interess imġedded fil-ħajja ta’ l-insara tal-ewwel sekli li ngħata dawl ġdid fuq dan il-ministeru.

Matul il-Konċilju, numru ta isqfijiet kienu qajmu l-possibiltà li, fil-Knisja Latina, jerġa’ jidħol id-djakonat permanenti. Din il-proposta mxiet tajjeb fil-Konċilju u ġiet aċċettata. Fil-fatt, fil-paragrafu dwar id-djakni fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, insibu referenza ċara għall-proposta li ssemmiet: Peress li dawn l-uffiċċji, li huma meħtieġa ħafna għall-ħajja tal-Knisja, f’ħafna nħawi, minħabba d-dixxiplina viġenti tal-Knisja Latina llum, jistgħu jkunu eżerċitati biss bid-diffikultà, id-Djakonat jista fil-ġejjieni jkun restawrat bħala grad proprju u permanenti tal-ġerarkija” (Lumen Gentium, 29b). Fis-snin ta’ wara l-Konċilju ħarġu jew direttivi jew dokumenti dwar id-Djakonat Permanenti, bl-aħħar wieħed ippubblikat sittax-il sena ilu (fl-1998). Hemm, imbagħad, ħafna dokumenti ta’ Knejjes lokali minn madwar id-dinja kollha dwar id-Djakonat Permanenti.

Kull sejħa għall-qadi fil-Knisja hija karatterizzata minn tliet aspetti: (a) il-Mulej li jsejjaħ; (b) il-persuna li tagħraf is-sejħa u, wara dixxerniment, twieġeb għaliha; (c) il-Knisja li wkoll, wara dixxerniment, tilqa’ uffiċjalment dik is-sejħa. Għalhekk huwa importanti li nifhmu li d-Djakonat Permanenti ma jidħolx billi l-Arċidjoċesi tagħmel xi call for applications, bħal meta jkun hemm xi vacancy u din tkun trid timtela. Huwa importanti li nifhmu li d-Djakonat Permanenti huwa vokazzjoni, bħalma huwa vokazzjoni s-Saċerdozju Ministerjali jew il-Ħajja Konsagrata. Għalhekk irridu nifhmu: (a) li din hija sejħa minn Alla; (b) li l-individwu huwa msejjaħ iwieġeb għal din is-sejħa; u (c) li finalment hija l-Knisja lokali, permezz tal-Isqof tagħha, li tilqa’ dik is-sejħa u tagħrafha bħala waħda awtentika – jiġifieri li ġejja minn Alla, hi għall-ġid tal-Knisja, u li l-motivazzjoni ta’ min qed iħoss li għandu s-sejħa hija li jrid jagħmel ir-rieda ta’ Alla u mhux jissoddisfa xi bżonn jew xewqa personali.

Huwa importanti wkoll li nagħmel referenza għall-kuntest lokali, fi kliem ieħor, il-Knisja f’Malta. Tul dawn l-aħħar mitt sena l-Knisja f’Malta rat diversi żviluppi li, fost l-oħrajn, jinkludu aktar diversifikazzjoni. Dan jinkludi numru akbar ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi (speċjalment fl-ewwel nofs tas-seklu 20) u l-kontribut siewi u sabiħ ta’ ħafna lajċi fl-appostolat. Il-preżenza tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) u t-twelid f’Malta ta’ numru ta’ movimenti ġodda wara l-Konċilju Vatikan II huma biss ftit eżempji. Bħalissa, il-lajċi attivi fl-appostolat ukoll għaddejjin minn bidliet u jkun tajjeb nifhmu x’qed jgħid dan is-sinjal. Bidla oħra li għaddejja hija dik minn Knisja identifikata mal-kultura lokali għal Knisja li teħtieġ tiskopri aktar il-vokazzjoni missjunarja jew evanġelizzattriċi. Huwa aħna u naqraw dawn is-sinjali li rridu nagħrfu wkoll is-sinifikat tad-Djakonat permanenti.

X’inhi l-Missjoni li huwa msejjaħ jaqdi d-Djaknu Permanenti f’Malta? L-introduzzjoni tad-Djakonat Permanenti fl-Arċidjoċesi ta’ Malta tgħin biex tispikka aktar l-ikona ħajja ta’ Kristu qaddej li ċċekken biex ifejjaq il-bniedem, joħorġu mis-solitudni tiegħu u jwasslu għall-komunjoni. Dan l-aspett tad-djakonija  huwa tant importanti u meħtieġ biex il-Knisja tkun tassew il-komunità awtentika li waqqaf Ġesù, li għandu jkun preżenti b’mod kontinwu, tanġibbli u li jidher, kif dan ġie mfisser fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. Id-Djakonat Permanenti huwa dak il-ministeru ordnat li jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ kull membru tal-Knisja f’dan l-aspett fondamentali tas-sejħa u d-dixxipulat nisrani – il-qadi. Jgħin ukoll fil-bini tal-komunità Nisranija f’rabta mas-saċerdoti u mal-lajċi, u fit-tisħiħ tagħha.

Huwa importanti li l-membri tal-Knisja li hi ġewwa Malta ma jħarsux lejn l-introduzzjoni tad-Djakonat Permanenti bħala soluzzjoni għan-nuqqas ta’ saċerdoti. Lanqas ma għandna nħarsu lejn il-missjoni tad-djaknu permanenti bħala xi forma ta’ doppjaġġ ta’ dak li hu l-kontribut speċifiku tas-saċerdot. Dak li huwa partikulari fil-qadi tal-missjoni tad-djaknu permanenti huwa l-mixja ta’ kenożi (tixjin) għall-bini ta’ kull membru tal-komunità. Dan jagħti sfond teoloġiku, ta’ spiritwalità, u ta’ dixxerniment għall-kandidati. Għandu wkoll rabta mal-Knisja lokali hija u twieġeb għal dak li għarfet matul is-Sinodu Djoċesan bħala prijorità fis-soċjetà attwali Maltija: dik li tkun “oħt u qaddejja”, apparti li tibqa’ wkoll omm u għalliema. Qegħdin nagħmlu emfasi fuq Knisja li takkumpanja u li taqdi.

Il-kenożi tidher billi d-djaknu jissieħeb ma’ Kristu, il-qaddej ubbidjenti tal-Missier. Id-djaknu jwiegħed din l-ubbidjenza lill-Arċisqof dakinhar tal-ordinazzjoni djakonali tiegħu. L-ubbidjenza tissarraf fir-responsabiltà li biha d-djaknu jaqdi l-missjoni tiegħu kulfejn jibagħtu l-Arċisqof.  Dan it-tisħib ma’ Kristu, il-qaddej ubbidjenti li ġie biex jaqdi l-bniedem fis-solitudni, l-uġigħ u t-tifrik, jista’ jitfisser f’diversi modi, mumenti u postijiet fil-Knisja u fis-soċjetà.

Hemm aspett ieħor li huwa importanti li jissemma llum. Huwa ċentrali li fil-każ tal-formazzjoni ta’ rġiel miżżewġin għad-djakonat permanenti, in-nisa tagħhom, sa mill-bidunett, jakkumpanjawhom fid-diversi aspetti tal-formazzjoni tagħhom. Ir-rwol u l-preżenza ta’ mart id-djaknu permanenti ma jistgħu qatt jitpoġġew fil-ġenb. Id-djaknu permanenti miżżewweġ huwa msejjaħ biex ikompli jgħix il-vokazzjoni tiegħu bħala raġel miżżewweġ, filwaqt li jħaddan ukoll l-Ordni tad-djakonat. Ikun hemm bosta mumenti, kemm waqt il-formazzjoni qabel l-Ordinazzjoni, imma wkoll fis-snin ta’ wara, meta l-mara tad-djaknu permanenti u l-familja tiegħu jibqgħu jingħataw formazzjoni adegwata u kontinwa.

Konklużjoni

Il-Knisja lokali għandha tkompli tagħmel minn kollox biex il-komunitajiet fi ħdanha – parroċċi, komunitajiet oħra ekkleżjali, għaqdiet u movimenti – jkunu tassew komunitajiet ta’ dixxerniment, u dan dejjem f’rabta mal-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ewkaristija, b’tali mod li minn dawn il-komunitajiet irġiel jisimgħu u jiddixxernu s-sejħa għad-Djakonat permanenti.

Huwa essenzjali wkoll li jkollna strateġija ċara biex ir-riżorsi umani, spiritwali, pastorali u materjali nużawhom skont il-prijoritajiet tal-Knisja lokali għas-snin li ġejjin u li dawn ir-riżorsi kollha jitqassmu b’għaqal fuq numru ta’ snin. Dan huwa aspett importanti tal-pjanifikazzjoni pastorali.

Fil-bidu ta’ din il-preżentazzjoni fakkartkom fis-sejħa li l-Mulej qed jagħmlilna biex naqdfu ’il barra fil-fond. L-introduzzjoni tal-Ministeri Lajkali u tad-Djakonat Permanenti huma espressjoni attwali oħra tal-qdif fil-fond li Ġesù ordna lil Xmun Pietru, tal-qdif fil-fond li San Ġwanni Pawlu II sejjaħ lill-Knisja Universali fil-bidu tal-Millennju l-ġdid, u tal-qdif fil-fond li l-Ispirtu s-Santu sejjaħ lill-Knisja lokali waqt is-Sinodu Djoċesan. Dan il-mument partikulari tal-esperjenza ekkleżjali tagħna nistgħu ngħixuh u napprezzawh f’rabta ma’ dak li Papa Franġisku qal fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, Il-Ferħ tal-Evanġelju ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Għalkemm il-Papa ma jsemmix id-Djakonat Permanenti, xorta waħda nistgħu napplikaw dak li qed jgħidilna għall-Knisja lokali tagħna f’dan il-mument ta’ grazzja li hi l-esperjenza tal-Assemblea Djoċesana li ttrattat is-suġġett tal-lejla:

“Ejjew noħorġu, noħorġu biex noffru lil kulħadd il-ħajja ta’ Ġesù Kristu ... Nippreferi Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata ... Iktar milli l-biża’ li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża’ li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, ... fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: ‘Agħtuhom intom x’jieklu’ (Mk 6:37)” (Evangelii Gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, n.49).

Araw, l-aktar għeżież, kemm hi kbira r-responsabiltà tagħna!

X’se nagħmlu?

X’qiegħed jgħidilna l-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj?

X’direzzjoni se nieħdu bħala Knisja?