customisable counter
New Page 4

 

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

GAUDETE ET EXSULTATE

[IFIRĦU U THENNEW”]

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

DWAR IS-SEJĦA GĦALL-QDUSIJA FID-DINJA TAL-LUM


 

WERREJ

 

L-EWWEL KAPITLU [1-34]

IS-SEJĦA GĦALL-QDUSIJA

 

 

Il-qaddisin li jagħmlulna l-qalb u jimxu magħna

Il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna

Il-Mulej isejjaħ

Għalik ukoll

Il-missjoni tiegħek fi Kristu

Il-ħidma li tqaddes

Iżjed ħajjin, iżjed bnedmin

 

 

IT-TIENI KAPITLU [35-62]

ŻEWĠ GĦEDEWWA SOTTILI TAL-QDUSIJA

 

 

L-Injostiċiżmu tal-lum

Moħħ mingħajr Alla u mingħajr ġisem

Duttrina mingħajr misteru

Il-limiti tar-raġuni

Il-Pelaġjaniżmu tal-lum

Rieda mingħajr umiltà

Tagħlim tal-Knisja li hu spiss minsi

Il-Pelaġjani ġodda

Il-ġabra tal-Liġi

 

 

IT-TIELET KAPITLU [63-109]

GĦAD-DAWL TAL-IMGĦALLEM

 

 

Kontra l-kurrent

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art”

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla”

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”

Ir-regola l-kbira tal-imġiba

B’fedeltà lejn l-Imgħallem

L-ideoloġiji li jnaqqru mill-qalb tal-Evanġelju

Il-qima li togħġbu l-iżjed

 

 

IR-RABA’ KAPITLU [110-157]

XI KARATTERISTIĊI TAL-QDUSIJA FID-DINJA TAL-LUM

 

 

Nissaportu, nistabru u nuru ħlewwa

Il-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu

Kuraġġ u ħeġġa

Fil-komunità

Nitolbu l-ħin kollu

 

IL-ĦAMES KAPITLU [158-177]

TAQBIDA, SAHRA U DIXXERNIMENT

 

 

It-taqbida u s-sahra

Xi ħaġa iżjed minn mit

Imqajma u kollna fiduċja

Il-korruzzjoni spiritwali

Id-dixxerniment

Ħtieġa urġenti

Dejjem għad-dawl tal-Mulej

Don sopranaturali

Tkellem, Mulej

Il-loġika tad-don u tas-salib

 



 

1. “Ifirħu u thennew” (Mt 5:12), jgħid Ġesù lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati minħabba f’ismu. Il-Mulej jitlobna kollox, u dak li joffrilna hu l-ħajja vera, il-ferħ li għalih ġejna maħluqin. Hu jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja ta’ nofs kedda u medjokri, imxejna, inkonsistenti. Fir-realtà, sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja nsibu, b’ħafna modi, is-sejħa għall-qdusija. Hekk ipproponieha l-Mulej lil Abram: “Imxi quddiemi u kun perfett” (Ġen 17:1).

 

2. Hawnhekk wieħed ma jridx jistenna xi trattat dwar il-qdusija, b’ħafna definizzjonijiet jew distinzjonijiet li jistgħu jagħnu din it-tema importanti, jew b’xi analiżi jew oħra li tista’ ssir fuq il-mezzi li bihom nistgħu nitqaddsu. L-għan umli tiegħi hu li tidwi għal darb’oħra s-sejħa għall-qdusija, billi nfittxu li nlaħħmuha fil-kuntest attwali, bir-riskji, l-isfidi u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu. Għaliex il-Mulej għażel lil kull wieħed u waħda minna “biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1:4).


 

L-EWWEL KAPITLU

IS-SEJĦA GĦALL-QDUSIJA

 

Il-qaddisin li jagħmlulna l-qalb u jimxu magħna

3. L-Ittra lil-Lhud issemmi bosta xhieda li jagħmlulna l-qalb biex “nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna” (12:1). Hemm qed titkellem fuq Abraham, Sara, Mosè, Gidgħon u oħrajn (ara 11:1-12:3), u fuq kollox aħna mistednin nagħrfu li “għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda” (12:1) li jixprunawna biex ma niqfux f’nofs ta’ triq, iħeġġuna nissoktaw mexjin lejn id-destinazzjoni. U fost dawn jista’ jkun hemm l-istess ommna, nanna tagħna jew qraba oħra (ara 2 Tim 1:5). Forsi ħajjithom ma kinitx dejjem perfetta, imma, anki qalb l-imperfezzjonijiet u l-waqgħat, issoktaw mexjin ’il quddiem u kienu mogħġuba f’għajnejn Alla.

 

4. Il-qaddisin li diġà waslu fil-preżenza ta’ Alla jżommu magħna rabtiet ta’ mħabba u ta’ komunjoni. Dan jixhed għalih il-ktieb tal-Apokalissi meta jitkellem fuq il-martri li jidħlu għalina: “Rajt taħt l-altar l-erwieħ ta’ dawk li kienu qatluhom minħabba l-Kelma ta’ Alla, u minħabba x-xhieda li kienu taw; u għollew leħenhom u qalu: ‘Sid Qaddis u Veru, kemm se ddum ma tagħmel ħaqq u titħallas ta’ demmna minn dawk li jgħammru fl-art?’” (6:9-1). Nistgħu ngħidu li aħna “mseħbin, immexxija u ggwidati mill-ħbieb ta’ Alla. […] M’għandix għalfejn inġorr waħdi dak li, fil-verità, qatt ma stajt inġorr waħdi. Il-qaddisin kollha ta’ Alla qegħdin hemm iħarsuni, jgħinuni u jerfgħuni”.[1]

 

5. Fil-proċessi tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni jitqiesu s-sinjali erjoċi fit-tħaddim tal-virtujiet, is-sagrifiċċju tal-ħajja fil-martirji u anki l-każi li fihom ġiet ivverifikata offerta tal-istess ħajja għall-oħrajn, sal-mewt. Din l-għotja tesprimi xebh eżemplari ma’ Kristu, u jixirqilha l-ammirazzjoni tal-fidili.[2] Niftakru, ngħidu aħna, fil-Beata Maria Gabriella Sagheddu, li offriet ħajjitha għall-għaqda tal-Insara.

 

Il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna

6. Ejja ma naħsbux biss f’dawk diġà bbeatifikati jew ikkanonizzati. L-Ispirtu s-Santu jxerred il-qdusija ma’ kullimkien fil-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, għax “Alla għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma’ xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih fil-qdusija”.[3] Il-Mulej, fl-istorja tas-salvazzjoni, feda poplu. Ma teżistix identità sħiħa mingħajr appartenenza għal poplu. Għalhekk ħadd ma jsalva waħdu, bħala individwu iżolat, imma Alla jiġbidna lejh waqt li jżomm f’moħħu n-nisġa kumplessa ta’ relazzjonijiet interpersonali li jinħolqu fil-komunità tal-bnedmin: Alla ried jidħol f’dinamika popolari, fid-dinamika ta’ poplu.

 

7. Nieħu gost inħares lejn il-qdusija fil-poplu ta’ Alla mimli sabar: fil-ġenituri li jrabbu lil uliedhom b’tant imħabba, fl-irġiel u fin-nisa li jistinkaw biex iġibu l-ħobż id-dar, fil-morda, fir-reliġjużi anzjani li jibqgħu bit-tbissima fuq wiċċhom. F’din il-perseveranza li biha jibqgħu mexjin jum wara l-ieħor nilmaħ il-qdusija tal-Knisja militanti. Din ħafna drabi hi l-qdusija “tal-bieb ta’ maġenbna”, ta’ dawk li jgħixu qrib tagħna u huma mera tal-preżenza ta’ Alla, jew, biex ninqdew b’espressjoni oħra, tal-“klassi medja tal-qdusija”.[4]

 

8. Inħallu jħeġġuna s-sinjali ta’ qdusija li l-Mulej iqegħdilna quddiemna fl-iżjed membri ċkejkna ta’ dak il-poplu li “għandu sehem ukoll mill-uffiċċju profetiku ta’ Kristu meta jxandar ix-xhieda ħajja tiegħu, l-aktar billi jgħix tassew il-fidi u l-karità”.[5] Ejja naħsbu, kif tissuġġerilna Santa Tereża Benedetta tas-Salib, li permezz ta’ ħafna minnhom qed tinbena l-istorja vera: “Fl-iktar lejl mudlam iqumu l-ikbar profeti u qaddisin. Madankollu, il-kurrent tal-ħajja mistika li tagħti l-ħajja jibqa’ ma jidhirx. Bla dubju, il-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tad-dinja ġew essenzjalment influwenzati minn erwieħ li dwarhom xejn ma jingħad fil-kotba tal-istorja. U liema huma l-erwieħ li għad irridu nirringrazzjaw għall-ġrajjiet deċiżivi tal-ħajja personali tagħna, hi ħaġa li għad insiru nafu biss dakinhar li dak kollu li hu moħbi għad jinkixef”.[6]

 

9. Il-qdusija hi l-isbaħ wiċċ tal-Knisja. Imma anki barra mill-Knisja Kattolika u f’oqsma differenti ħafna, l-Ispirtu jqanqal “sinjali tal-preżenza tiegħu li jgħinu lil dawk li jimxu wara Kristu”.[7] Min-naħa l-oħra, San Ġwanni Pawlu II fakkarna li “x-xhieda għal Kristu saċ-ċarċir tad-demm saret wirt komuni ta’ Kattoliċi, Ortodossi, Anglikani u Protestanti”.[8] Fit-tifkira ekumenika wisq sabiħa li hu ried jiċċelebra fil-Kolossew matul il-Ġublew tas-sena 2000, saħaq li l-martri huma “wirt li jitkellem b’leħen wisq ogħla mill-fatturi li jifirduna”.[9]

 

Il-Mulej isejjaħ

10. Dan kollu hu importanti. Madankollu, dak li rrid infakkar b’din l-Eżortazzjoni hu fuq kollox is-sejħa għall-qdusija li l-Mulej jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, dik is-sejħa li qed jagħmel lilek ukoll: “Għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis” (Lev 11:44; 1 Piet 1:16). Il-Konċilju Vatikan II xeħet dawl fuq dan b’ċerta qawwa: “Mogħnija lkoll b’tant mezzi u b’mezzi daqshekk kbar ta’ salvazzjoni, il-fidili, ikunu xi jkunu l-istat u l-kundizzjoni ta’ ħajjithom, jissejħu mill-Mulej, kull wieħed minnhom fit-triq tiegħu, għall-perfezzjoni tal-qdusija li biha l-Missier innifsu huwa perfett”.[10]

 

11. “Kull wieħed fit-triq tiegħu”, jgħid il-Konċilju. Mela, m’għandniex għax naqtgħu qalbna meta naħsbu fuq mudelli ta’ qdusija li jidhru ma jistgħux jintlaħqu. Hemm xhieda li jiswew biex jistimulawna u jimmotivawna, imma mhux biex infittxu li nikkupjawhom, għax dan jista’ anki jbegħidna mit-triq waħdanija u speċifika li l-Mulej żamm għalina. Dak li jgħodd hu li kull min jemmen, jagħmel dixxerniment tat-triq tiegħu u joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, mill-karatteristiċi personali li Alla qiegħed fih (ara 1 Kor 12:7), u mhux li jinħela jfittex li jsir jixbah xi ħaġa li ma ġietx maħsuba għalih. Aħna lkoll imsejħin inkunu xhieda, imma jeżistu bosta xejriet eżistenzjali ta’ xhieda.[11] Fil-fatt, meta l-mistiku kbir San Ġwann tas-Salib kiteb il-Kantiku spiritwali tiegħu, ipprefera jevita regoli fissi għal kulħadd u fisser kif il-versi tiegħu kienu miktuba biex kull wieħed u waħda jinqeda bihom “skont il-għamla u d-daqs ta’ ruħu”.[12] Għax il-ħajja divina tintwera lil xi wħud b’mod u lil oħrajn b’mod ieħor.[13]

 

12. Fost il-bosta xorta, nixtieq nisħaq li anki l-“ġenju femminili” jidher fi stili femminili ta’ qdusija, indispensabbli biex il-qdusija ta’ Alla tiġi riflessa f’din id-dinja. U proprju anki fi żminijiet meta n-nisa fil-parti l-kbira tagħhom kienu jitħallew barra, l-Ispirtu s-Santu qajjem qaddisin nisa li l-faxxinu tagħhom qanqal dinamiżmi spiritwali ġodda u riformi importanti fil-Knisja. Nistgħu nsemmu lil Santa Ildegarda ta’ Bingen, Santa Briġida, Santa Katerina ta’ Siena, Santa Tereża ta’ Avila jew Santa Tereża ta’ Lisieux. Imma nħoss li għandi nfakkar tant nisa mhux magħrufa jew minsija li, kull waħda bil-mod tagħha, wieżnu u bidlu familji u komunitajiet sħaħ bil-qawwa tax-xhieda tagħhom.

 

13. Dan għandu jħeġġeġ u jqawwi qalb kull wieħed u waħda minna biex nagħtu lilna nfusna kollna kemm aħna, biex nikbru f’dak il-pjan waħdieni u irrepetibbli li Alla ħaseb għalina sa mill-eternità: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek” (Ġer 1:5).

 

Għalik ukoll

14. Biex insiru qaddisin m’hemmx bżonn inkunu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi. Ħafna drabi tiġina t-tentazzjoni naħsbu li l-qdusija hi riservata għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Mhuwiex hekk. Ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu. Int persuna kkonsagrata? Tqaddes billi tgħix l-għotja tiegħek bil-ferħ. Miżżewweġ jew miżżewġa? Tqaddes billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif għamel Kristu mal-Knisja. Taħdem? Tqaddes billi twettaq b’onestà u kompetenza l-ħidma tiegħek b’servizz għal ħutek. Int ġenitur jew nanna jew nannu? Tqaddes billi tgħallem bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesù. Qiegħed fl-awtorità? Tqaddes billi titqabad b’riżq il-ġid komuni u tagħti dahrek lill-interessi personali.[14]

 

15. Ħalli l-grazzja tal-Magħmudija tiegħek tħalli l-frott tagħha f’mixja ta’ qdusija. Agħmel li kollox f’ħajtek ikun miftuħ għal Alla u għalhekk agħżel lilu, agħżel dejjem mill-ġdid lil Alla. Taqtax qalbek, għax int għandek il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex dan jagħmlu possibbli, u l-qdusija, fl-aħħar mill-aħħar, hi l-frott tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tiegħek (ara Gal 5:22-23). Meta tħoss it-tentazzjoni li tingħalaq fid-dgħufija tiegħek, erfa’ ħarstek lejn il-Kurċifiss u għidlu: “Mulej, jiena msejken, imma int tista’ twettaq il-miraklu li tagħmilni xi ftit aħjar”. Fil-Knisja, qaddisa u magħmula mill-midinbin, sa ssib dak kollu li teħtieġ biex tikber lejn il-qdusija. Il-Mulej għanieha bid-doni tal-Kelma, tas-Sagramenti, is-santwarji, il-ħajja tal-komunitajiet, ix-xhieda tal-qaddisin, u ġmiel ta’ kull bixra ħiereġ mill-imħabba tiegħu, “bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha” (Iż 61:10).

 

16. Din il-qdusija li għaliha l-Mulej qed isejjaħlek tkompli tikber b’ġesti żgħar. Ngħidu aħna: waħda mara tmur il-ħanut tagħmel ix-xirja tagħha, tiltaqa’ ma’ ġara tagħha u jibdew ipaċpċu, u jibdew jikkritikaw. Imma din il-mara tgħid bejnha u bejn ruħha: “Le, mhux sa ngħid xejn ħażin fuq ħadd”. Dan hu pass lejn il-qdusija. Imbagħad, id-dar, binha jitlobha toqgħod tisimgħu jkellimha fuq il-fantasiji tiegħu u, imqar jekk tħossha għajjiena, tpoġġi bilqiegħda ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba. Araw offerta oħra li tqaddes. Imbagħad jiġiha mument ta’ diqa, imma tiftakar fl-imħabba tal-Verġni Marija, taqbad il-kuruna tar-rużarju u tibda titlob bil-fidi. Din hi triq oħra ta’ qdusija. Wara, toħroġ fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u tieqaf titkellem miegħu bi ħlewwa u tjieba. Anki dan hu pass ’il quddiem.

 

17. Xi kultant il-ħajja tippreżentalna sfidi ikbar u permezz tagħhom il-Mulej jistedinna għal konverżjonijiet ġodda li bihom il-grazzja tiegħu tista’ tidher aħjar fil-ħajja tagħna “biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu” (Lhud 12:10). Drabi oħra jkun hemm bżonn biss li nsibu mod iżjed perfett ta’ kif ngħixu dak li diġà nagħmlu: “Hemm tnebbiħ li jiġbed biss lejn perfezzjonament straordinarju tat-tħaddim ordinarju tal-ħajja Nisranija”.[15] Meta l-Kardinal Francis-Xavier Nguyên Van Thuân kien il-ħabs, irrifjuta li jqatta’ ħinu jistenna l-liberazzjoni. L-għażla tiegħu kienet: “ngħix il-mument ta’ issa, u nimlieh bl-imħabba”; u l-mod kif dan ikkonkretizzah kien: “naħtaf l-okkażjonijiet li jiġuni ta’ kuljum biex inwettaq għemejjel ordinarji b’mod straordinarju”.[16]

 

18. Hekk, bil-qawwa tal-grazzja divina, b’tant ġesti nkunu nsawru dik il-figura ta’ qdusija li Alla ried għalina, imma mhux bħala essri li nistgħu nagħmlu kollox waħidna, imma bħala “amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta” (1 Piet 4:10). Sewwa għallmu l-Isqfijiet ta’ New Zealand li possibbli nħobbu bl-imħabba tal-Mulej li hi bla kundizzjonijiet, għax l-Irxoxt jaqsam il-ħajja setgħana tiegħu mal-ħajjiet dgħajfa tagħna: “Imħabbtu hi bla limiti, u meta tana lilu nnifsu, ma reġa’ qatt lura. Ma poġġiex kundizzjonijiet u baqa’ fidil. Li nħobbu hekk mhijiex ħaġa ħafifa, għax ħafna drabi aħna dgħajfin wisq. Imma, proprju biex nistgħu nħobbu kif ħabbna hu, Kristu jaqsam magħna l-istess ħajja tiegħu ta’ Rxoxt. B’dan il-mod, ħajjitna turi l-qawwa tiegħu fl-azzjoni, anki qalb id-dgħufija umana”.[17]

 

Il-missjoni tiegħek fi Kristu

19. In-Nisrani ma jistax jaħseb fil-missjoni tiegħu fuq din l-art mingħajr ma jara fiha mixja ta’ qdusija, għax “dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom” (1 Tess 4:3). Kull qaddis jew qaddisa hu missjoni; hu pjan tal-Missier biex jirrifletti u jlaħħam, f’mument determinat tal-istorja, xi aspett tal-Evanġelju.

 

20. Din il-missjoni ssib il-milja tat-tifsira tagħha fi Kristu u nistgħu nifhmuha biss jekk nibdew minnu. Fil-verità, il-qdusija tfisser li ngħixu f’għaqda miegħu l-misteri ta’ ħajtu. Tfisser li nixxierku mal-mewt u l-qawmien tal-Mulej b’mod uniku u personali, li mmutu u nqumu mill-ġdid kontinwament miegħu. Imma tista’ timplika wkoll li fil-ħajja tagħna nerġgħu nwettqu diversi aspetti tal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art: il-ħajja moħbija tiegħu, il-ħajja komunitarja, il-qrubija lejn dawk li kienu fl-aħħar post, il-faqar, u wirjiet oħra tal-għotja tiegħu għall-imħabba tagħna. Il-kontemplazzjoni ta’ dawn il-misteri, kif ippropona Sant’Injazju ta’ Loyola, torjentana biex inlaħħmuhom fl-għażliet tagħna u fl-imġiba tagħna.[18] Għax “kollox fil-ħajja ta’ Kristu hu sinjal tal-misteru tiegħu”,[19] “il-ħajja kollha ta’ Ġesù hi r-Rivelazzjoni tal-Missier”,[20] “il-ħajja kollha ta’ Ġesù hi misteru tal-Fidwa”,[21] “il-ħajja kollha ta’ Kristu hi misteru ta’ bidu ġdid”,[22] u “dak kollu li minnu għadda Kristu jwassalna biex inkunu nistgħu ngħixu fih u hu jgħix fina”.[23]

 

21. Il-pjan tal-Missier hu Kristu, u aħna fih. Bla dubju, huwa Kristu li jħobb fina, għax “il-qdusija mhix għajr l-imħabba li tingħax b’mod sħiħ”.[24] Għalhekk, “il-qies tal-qdusija jingħata skont kemm Kristu jikber fina, skont kemm, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, insawru ħajjitna kollha fuq dik tiegħu”.[25] Hekk, kull qaddis huwa messaġġ li l-Ispirtu s-Santu jislet mill-għana ta’ Ġesù Kristu u jagħti lill-poplu tiegħu.

 

22. Biex nagħrfu liema hi dik il-kelma li l-Mulej irid ilisslilna permezz ta’ xi qaddis, ma rridux neħlu fuq id-dettalji, għax hemm jaf ikun hemm ukoll żbalji u waqgħat. Mhux dak kollu li jgħid xi qaddis hu f’kollox fidil lejn l-Evanġelju, mhux dak kollu li jagħmel hu awtentiku u perfett. Li rridu nikkontemplaw hi l-ġabra ta’ ħajtu, il-mixja sħiħa tiegħu ta’ tqaddis, dik il-figura li tirrifletti xi ħaġa minn Ġesù Kristu u li toħroġ meta jirnexxielna nieħdu idea tas-sens tat-totalità tal-persuna tiegħu.[26]

 

23. Din hi sejħa qawwija għalina lkoll. Int ukoll għandek bżonn tifhem it-totalità ta’ ħajtek bħala missjoni. Ipprova agħmel dan billi tisma’ lil Alla fit-talb u tagħraf is-sinjali li qed joffrilek. Itlob dejjem lill-Ispirtu s-Santu jurik x’qed jistenna minnek Ġesù f’kull waqt tal-eżistenza tiegħek u f’kull għażla li trid tagħmel, biex tgħarbel x’post għandu fil-missjoni tiegħek. U ħallih jagħġen fik dak il-misteru personali li jista’ jkun mera ta’ Ġesù Kristu fid-dinja tal-lum.

 

24. Jalla int tagħraf liema hi dik il-kelma, dak il-messaġġ ta’ Ġesù li Alla jixtieq ilissen lid-dinja bil-ħajja tiegħek. Ħalli lill-Ispirtu jibdlek, ħallih iġeddek, biex dan isir possibbli, u hekk il-missjoni prezzjuża tiegħek ma tisfax mitlufa. Il-Mulej iwassalha għall-milja tagħha mqar qalb l-iżbalji tiegħek u l-mumenti negattivi tiegħek, sakemm int ma twarrabx għall-ġenb it-triq tal-imħabba imma tibqa’ dejjem qalbek miftuħa għall-ħidma sopranaturali tiegħu li ssaffi u ddawwal.

 

Il-ħidma li tqaddes

25. Billi ma nistgħux nifhmu lil Kristu mingħajr is-Saltna li hu ġabilna, l-istess missjoni tiegħek ma tistax tifridha mill-bini tas-Saltna: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla” (Mt 6:33). L-identifikazzjoni tiegħek ma’ Kristu u x-xewqat tiegħu titlob minnek it-tħabrik biex tibni, flimkien miegħu, din is-Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi għal kulħadd. Kristu nnifsu jrid jgħix dan miegħek, bl-isforzi u ċ-ċaħdiet kollha meħtieġa, u anki fil-ferħ u fil-frott li jista’ joffrilek. Għalhekk m’int ħa titqaddes qatt jekk ma tintefax b’ruħek u b’ġismek biex toħroġ l-aħjar li hemm fik għal din il-ħidma.

 

26. Ma jagħmillekx ġid li tħobb is-skiet imma mbagħad tevita l-laqgħa mal-ieħor, tixtieq il-mistrieħ imma tibqa’ lura mill-ħidma, tfittex it-talb imma ma tagħtix valur lill-qadi. Kollox jista’ jiġi aċċettat u integrat bħala parti mill-ħajja tiegħek f’din id-dinja, u jidħol jagħmel parti mill-mixja lejn il-qdusija. Aħna msejħin ngħixu l-kontemplazzjoni anki qalb l-azzjoni, u nitqaddsu fit-tħaddim responsabbli u ġeneruż tal-missjoni tagħna.

 

27. Jewwilla l-Ispirtu s-Santu se jibgħatna nwettqu missjoni u fl-istess waqt jitlobna naħarbu minnha, jew nevitaw li ningħataw kollna kemm aħna biex inżommu l-paċi fil-qalb tagħna? Madankollu, xi drabi jkollna t-tentazzjoni li nixħtu d-dedikazzjoni pastorali u l-impenn fid-dinja fit-tieni post, daqslikieku kienu “distrazzjonijiet” fil-mixja tal-qdusija u tal-paċi interjuri. Ninsew li “mhijiex il-ħajja li għandha missjoni, imma l-ħajja nfisha hi missjoni”.[27]

 

28. Impenn imqanqal mill-ansjetà, mill-kburija, mill-bżonn li wieħed jidher u jaħkem, żgur li mhu sa jqaddes lil ħadd. L-isfida hi li ngħixu l-għotja tagħna b’mod li l-isforzi tagħna jkollhom sens evanġeliku u nitwaħħdu dejjem iżjed ma’ Ġesù Kristu. Minn hawn ġej il-fatt li nitkellmu spiss, ngħidu aħna, fuq spiritwalità tal-katekista, spiritwalità tal-kleru djoċesan, spiritwalità tax-xogħol. Għall-istess raġuni, fl-Evangelii gaudium ridt nagħlaq bi spiritwalità tal-missjoni, fil-Laudato sì bi spiritwalità ekoloġika, u fl-Amoris lætitia bi spiritwalità tal-ħajja tal-familja.

 

29. Dan ma jfissirx nistkerrhu l-mumenti ta’ kalma, solitudni u skiet quddiem Alla. Bil-maqlub. Għax l-aspett kontinwament ġdid tal-għodda teknoloġika, l-attrazzjoni tal-vjaġġi, l-offerti bla tarf ta’ konsum, xi drabi ma jħallux spazji vojta fejn jista’ jidwi l-leħen ta’ Alla. Kollox jimtela bil-kliem, bil-pjaċiri superfiċjali u bi storbju dejjem jiżdied b’rata mgħaġġla. Hemm ma jsaltanx il-ferħ imma n-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ min ma jafx għalxiex qed jgħix. Mela kif nistgħu ma nintebħux li għandna bżonn inwaqqfu din il-ġirja frenetika biex nerġgħu nsibu l-ispazju personali, li xi drabi jġib miegħu l-uġigħ imma hu dejjem għammiel, fejn jinfetaħ id-djalogu sinċier ma’ Alla? Xi darba hemm bżonn inħarsu f’wiċċ il-verità tagħna nfusna, biex inħallu lill-Mulej jidħol fiha, u wieħed mhux dejjem se jasal għal dan jekk “ma jsibx ruħu fuq xifer l-abbiss, tat-tentazzjoni l-iżjed gravi, fuq l-irdum tal-abbandun, fuq il-quċċata solitarja fejn jieħu l-impressjoni li fadal biss hu waħdu”.[28] Hekk insibu l-motivazzjonijiet il-kbar li jwassluna biex ngħixu d-dmirijiet tagħna b’mod l-iktar sħiħ.

 

30. L-istess għodod ta’ distrazzjoni li qed jinvadu l-ħajja tal-lum iwassluna wkoll biex nassolutizzaw il-ħin liberu, fejn nistgħu nużaw bla limiti dawk il-ħwejjeġ li joffrulna divertiment u pjaċir li jgħaddi malajr.[29] Bħala konsegwenza, hi l-istess missjoni tagħna li tbati, hu l-impenn li jiddgħajjef, hu s-servizz ġeneruż u disponibbli li jibda jitnaqqar. Dan jisraq l-esperjenza spiritwali min-natura tagħha. Jista’ qatt ikun san dak iż-żelu spiritwali li jgħix taħt l-istess saqaf mat-telqa fil-ħidma tal-evanġelizzazzjoni jew fil-qadi tal-oħrajn?

 

31. Neħtieġu spirtu ta’ qdusija li jimla kemm is-solitudni u kemm is-servizz, sew l-intimità u sew l-impenn fl-evanġelizzazzjoni, hekk li kull mument isir espressjoni ta’ mħabba mogħtija taħt il-ħarsa tal-Mulej. B’dan il-mod, il-mumenti kollha jkunu tarġiet fit-triq tagħna għall-qdusija.

 

Iżjed ħajjin, iżjed bnedmin

32. La tibżax mill-qdusija. Mhix ħa teħodlok saħħa, ħajja u ferħ. Bil-maqlub, għax tasal biex issir dak li l-Missier ħaseb meta ħalqek u għalhekk tkun fidil għal dak li int tassew. Meta noqogħdu fuqu, hu jeħlisna mill-jasar u jwassalna biex nagħrfu d-dinjità tagħna. Din ir-realtà tidher riflessa f’Santa Ġużeppina Bakhita, li “sfat ilsira u ġiet mibjugħa hekk fl-età ċkejkna ta’ seba’ snin, batiet ħafna minn idejn sidien kiefra. Madankollu, fehmet il-verità profonda li Alla, u mhux il-bniedem, hu l-veru sid ta’ kull bniedem, ta’ kull ħajja umana. Din l-esperjenza saret għal din il-bint umli tal-Afrika għajn ta’ għerf kbir”.[30]

 

33. Kull Nisrani, skont kemm jitqaddes, jagħmel iżjed frott fid-dinja. L-Isqfijiet tal-Afrika tal-Punent għallmuna: “Aħna msejħin, fl-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni ġdida, biex niġu evanġelizzati u nevanġelizzaw permezz tat-trawwim tal-imgħammdin kollha, biex intom tħaddnu r-rwoli tagħkom bħala melħ tal-art u dawl tad-dinja kull fejn tinsabu”.[31]

 

34. Tibżgħux timmiraw iżjed fil-għoli, li tħallu lil Alla jħobbkom u jeħliskom. Tibżgħux tħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxikom. Il-qdusija ma tagħmlekx inqas bniedem milli int, għax hi l-laqgħa tad-dgħufija tiegħek mal-qawwa tal-grazzja. Fl-aħħar mill-aħħar, kif qal León Bloy, fil-ħajja “m’hemmx ħlief niket wieħed, […] dak li ma nkunux qaddisin”.[32]


 

IT-TIENI KAPITLU

ŻEWĠ GĦEDEWWA SOTTILI TAL-QDUSIJA

 

35. F’dan il-kwadru, nixtieq niġbed l-attenzjoni għal żewġ falsifikazzjonijiet tal-qdusija li jistgħu jiżgwidawna: l-Injostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu. Huma żewġ ereżiji li nibtu fl-ewwel sekli tal-ħajja Nisranija, imma li għadhom attwali b’mod allarmanti. Illum ukoll il-qlub ta’ ħafna Nsara, forsi mingħajr ma jafu, qed jinġibdu minn dawn il-proposti qarrieqa. Fihom hemm immanentiżmu antropoċentriku li jippreżenta ruħu bħala verità Kattolika.[33] Inħarsu lejn dawn iż-żewġ xejriet ta’ ċertezza duttrinali jew dixxiplinari li jagħtu lok għal “elitarjaniżmu narċisista u awtoritarju, fejn flok nevanġelizzaw, noqogħdu nanalizzaw u nikklassifikaw lill-oħrajn, u flok nagħmlu l-grazzja iktar milħuqa, naħlu saħħitna nikkontrollaw. Fiż-żewġ każi, la Ġesù Kristu u lanqas l-oħrajn ma jinteressawna tassew”.[34]

 

L-Injostiċiżmu tal-lum

36. L-Injostiċiżmu jissupponi “fidi magħluqa fis-suġġettiviżmu, fejn wieħed jinteressa ruħu biss minn esperjenza speċifika jew serje ta’ raġunamenti u għarfien li jaħseb li jistgħu jfarrġuh jew idawluh, imma fejn is-suġġett jibqa’ magħluq fl-immanenza tar-raġuni u s-sentimenti tiegħu stess”.[35]

 

Moħħ mingħajr Alla u mingħajr ġisem

37. Għall-grazzja ta’ Alla, matul l-istorja tal-Knisja deher b’mod ċar li dak li jkejjel il-perfezzjoni tal-persuni hu l-grad ta’ mħabbithom, u mhux l-għadd ta’ tagħrif jew għarfien li jistgħu jiġimgħu. L-“Injostiċi” fuq dan il-punt joħolqu konfużjoni u jiġġudikaw lill-oħrajn skont kemm dawn huma kapaċi jifhmu l-profondità ta’ duttrini partikulari. Għandhom kunċett tal-moħħ mingħajr inkarnazzjoni, li mhux kapaċi jmiss il-ġisem batut ta’ Kristu fl-oħrajn, imkaħħal f’enċiklopedija ta’ astrazzjonijiet. Fl-aħħar nett, meta jaqilgħu l-misteru mir-realtà korporja tiegħu, jippreferu “Alla mingħajr Kristu, Kristu mingħajr Knisja, Knisja mingħajr poplu”.[36]

 

38. Bla dubju, hawnhekk għandna superfiċjalità vanituża: ħafna ċaqliq fuq il-qoxra tal-moħħ, imma la tiċċaqlaq u lanqas titqanqal il-profondità tal-ħsieb. Madankollu, iseħħilha taħkem lil xi wħud b’faxxinu qarrieq, għax il-bilanċ Injostiku hu formali u jippretendiha li hu ħieles minn kull emozzjoni, u jista’ jassumi l-aspett ta’ ċerta armonija jew ta’ ordni li jinkorpora kollox fih.

 

39. Imma noqogħdu attenti. M’iniex nitkellem dwar ir-razzjonalisti li jeħduha kontra l-fidi Nisranija. Dan jista’ jiġri fi ħdan il-Knisja, kemm fost il-lajċi fil-parroċċi u kemm fost dawk li jgħallmu l-filosofija u t-teoloġija f’ċentri ta’ formazzjoni. Għax huwa wkoll tipiku tal-Injostiċi li jemmnu li bl-ispjegi tagħhom jistgħu jagħmlu li tinftiehem perfettament il-fidi kollha u l-Evanġelju kollu. Jassolutizzaw it-teoriji tagħhom u jobbligaw lill-oħrajn joqogħdu għar-raġunamenti tagħhom. L-użu san u umli tar-raġuni biex nirriflettu fuq it-tagħlim teoloġiku u morali tal-Evanġelju huwa ħaġa; u ħaġa oħra nippretendu li nistgħu nirriduċu t-tagħlim ta’ Ġesù għal loġika kiesħa u iebsa li trid taħkem fuq kollox.[37]

 

Duttrina mingħajr misteru

40. L-Injostiċiżmu hu waħda mill-agħar ideoloġiji, għax, waqt li jgħolli b’mod żbaljat l-għarfien jew xi esperjenza partikulari, iqis il-viżjoni tiegħu tar-realtà bħala l-perfezzjoni. Hekk, forsi mingħajr ma wieħed jintebaħ, din l-ideoloġija ssostni lilha nfisha u iżjed issir għamja. Xi drabi ssir partikularment qarrieqa meta tilbes il-maskra ta’ spiritwalità maqtugħa mir-realtà. Fil-fatt, l-Injostiċiżmu “min-natura tiegħu stess jipprova jimmanipula l-misteru”,[38] kemm il-misteru ta’ Alla u tal-grazzja tiegħu, u kemm il-misteru tal-ħajja tal-oħrajn.

 

41. Meta xi ħadd għandu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha, qed juri li mhuwiex qiegħed fit-triq it-tajba u aktarx li jkun profeta falz, li jinqeda bir-reliġjon għall-gwadann personali, biex jissodisfa t-teoriji psikoloġiċi u mentali tiegħu. Alla jgħaddina fil-wisa’, huwa dejjem sorpriża, u m’aħniex aħna li nistgħu niddeterminaw f’liema ċirkustanza storika sa nsibuh, ladarba ż-żmien, il-post u l-mod tal-laqgħa ma jiddependux minna. Min irid kollox ċar u żgur, qed jippretendi li jista’ jaħkem it-traxxendenza ta’ Alla.

 

42. Lanqas nistgħu nippretendu li ngħidu fejn ma jinsabx Alla, għax hu misterjożament preżenti fil-ħajja ta’ kull persuna, fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna kif jixtieq hu, u ma nistgħux niċħduh bit-taparsi ċertezzi tagħna. Anki fil-każ ta’ persuna li ħajjitha kienet diżastru, imqar meta narawha mifnija mill-vizzji jew mid-dipendenzi, Alla hu preżenti f’dik il-ħajja. Jekk inħallu iktar imexxina l-Ispirtu milli r-raġunamenti tagħna, nistgħu u għandna nfittxu lill-Mulej f’kull ħajja umana. Dan jagħmel parti mill-misteru li l-mentalitajiet Injostiċi jispiċċaw biex jiċħdu, għax ma jistgħux jikkontrollawh.

 

Il-limiti tar-raġuni

43. Aħna nistgħu naslu biex nifhmu biss b’mod fqir ħafna l-verità li nirċievu mingħand il-Mulej. U b’diffikultà ikbar jirnexxielna nesprimuha. Għalhekk ma nistgħux nippretendu li l-mod ta’ kif nifhmuha aħna ħa jawtorizzana biex ikollna kontroll strett fuq il-ħajja tal-oħrajn. Nixtieq infakkar li fil-Knisja għandna jgħixu ma’ xulxin b’mod leġittimu diversi modi ta’ kif jiġu interpretati bosta aspetti tad-duttrina u tal-ħajja Nisranija li, fil-firxa tagħhom, “jgħinu […] biex jiġi espliċitat aħjar it-teżor wisq għani tal-Kelma”. Bla dubju, f’għajnejn “dawk li joħolmu b’duttrina monolitika mħarsa minn kulħadd bla ebda sfumaturi, dan jista’ jidher sparparjal imperfett”.[39] Minħabba f’hekk, xi kurrenti Injostiċi stkerrhu s-sempliċità hekk konkreta tal-Evanġelju u flok l-Alla Trinitarju u inkarnat ippruvaw iqiegħdu Unità superjuri fejn kellu jgħib għalkollox l-għana kotran tal-istorja tagħna.

 

44. Fir-realtà, id-duttrina, jew aħjar, l-għarfien u l-espressjoni tagħha min-naħa tagħna, “mhix sistema magħluqa, sajma mid-dinamiċi li kapaċi jnisslu mistoqsijiet, dubji, sfidi”, u “l-mistoqsijiet tal-poplu tagħna, l-uġigħ tiegħu, il-battalji tiegħu, il-ħolm tiegħu, it-taqbidiet tiegħu, it-tħassib tiegħu, għandhom valur ermenewtiku li ma nistgħux ninjorawh jekk irridu nieħdu bis-serjetà l-prinċipju tal-inkarnazzjoni. Il-mistoqsijiet tiegħu jgħinuna nistaqsu lilna nfusna, l-isfidi tiegħu jisfidawna”.[40]

 

45. Ta’ spiss nassistu għal taħwid perikuluż: nibdew nemmnu li, għax nafu xi ħaġa jew nistgħu nfissruha b’ċerta loġika, diġà aħna qaddisin, perfetti, aħjar mill-“massa injoranta”. San Ġwanni Pawlu II ried jiftaħ għajnejn dawk li fil-Knisja għandhom il-possibbiltà ta’ formazzjoni ogħla, għat-tentazzjoni li jħallu jikber fihom “ċertu sentiment ta’ superjorità fuq il-fidili l-oħra”.[41] Imma fir-realtà, dak li naħsbu li nafu għandu dejjem isir motivazzjoni biex nistgħu nwieġbu aħjar għall-imħabba ta’ Alla, għax aħna “nitgħallmu biex ngħixu: teoloġija u qdusija huma koppja inseparabbli”.[42]

 

46. Meta San Franġisk ta’ Assisi ra lil xi wħud mid-dixxipli tiegħu jgħallmu, ried jaħrab it-tentazzjoni tal-Injostiċiżmu. Għalhekk lil Sant’Antnin ta’ Padova kitiblu hekk: “Hu pjaċir tiegħi li inti tgħallem it-Teoloġija mqaddsa lill-aħwa patrijiet, sakemm b’dan l-istudju int ma tħallix jintefa fik l-ispirtu ta’ talb u ġabra”.[43] Hu għarafha t-tentazzjoni li l-esperjenza Nisranija tinbidel f’ġabra ta’ teoriji mentali li jispiċċaw biex ibegħduna mill-freskezza tal-Evanġelju. San Bonaventura, min-naħa tiegħu, wissa li l-għerf Nisrani veru ma għandu qatt jinfired mill-ħniena mal-proxxmu: “L-ikbar għerf li jista’ jkollna hu li nqassmu bi frott dak li hu tagħna, u li rċivejnieh sewwasew biex inqassmuh. […] Għalhekk, l-istess kif il-ħniena hi sieħba tal-għerf, hekk ir-regħba hi għadu tagħha”.[44] “Hemm ħidmiet li, meta jingħaqdu mal-kontemplazzjoni, ma jżommuhiex lura, imma jgħinuha, bħall-opri tal-ħniena u ta’ tjieba”.[45]

 

Il-Pelaġjaniżmu tal-lum

47. L-Injostiċiżmu ta lok għal ereżija oħra antika, li wkoll hi preżenti llum. Mal-medda taż-żmien, ħafna bdew jintebħu li mhuwiex l-għerf li jagħmilna aħjar jew qaddisin, imma l-ħajja li ngħixu. Il-problema hi li dan ir-raġunament ħelu ħelu qabad it-triq tan-niżla, hekk li l-istess żball tal-Injostiċi sempliċiment inbidel, imma ma ġiex megħlub.

 

48. Fil-fatt, is-setgħa li l-Injostiċi kienu jaraw fl-intelliġenza, xi wħud bdew jarawha fir-rieda umana, fl-isforz tal-persuna. Hekk qamu l-Pelaġjani u s-Semipelaġjani. Ma baqgħetx l-intelliġenza tokkupa l-post tal-misteru tal-grazzja, imma ħaditilha postha r-rieda. Insew li “mhux x’wieħed irid jew kemm jitħabat li jgħodd, iżda għal min Alla jħenn” (Rum 9:16) u li hu “ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4:19).

 

Rieda mingħajr umiltà

49. Dawk li jirraġunaw b’din il-mentalità Pelaġjana jew Semipelaġjana, għalkemm jitkellmu fuq il-grazzja ta’ Alla b’diskorsi taz-zokkor, bla dubju “jafdaw biss fis-saħħa tagħhom infushom u jħossuhom fuq l-oħrajn, jew għax josservaw ċerti normi preċiżi, jew għax huma fidili b’mod sħiħ lejn ċertu stil Kattoliku”.[46] Meta xi wħud minnhom iduru fuq min hu dgħajjef u jgħidulu li bil-grazzja ta’ Alla kollox hu possibbli, fil-verità soltu jkunu jfittxu jgħaddu l-idea li kollox jista’ jsir bir-rieda tal-bniedem, bħallikieku din kienet xi ħaġa pura, perfetta, omnipotenti, li mbagħad magħha tiġi miżjuda l-grazzja. Jippretendu li jistgħu jinjoraw li “mhux kulħadd jista’ kollox”[47] u li f’din il-ħajja d-dgħufijiet umani ma jitfejqux għalkollox u darba għal dejjem mill-grazzja.[48] Hu x’inhu, kif għallem Santu Wistin, Alla qed jistiednek tagħmel dak li tista’ u “titlob dak li ma tistax”;[49] jew tistqarr b’umiltà lill-Mulej: “Agħtini li nagħmel li tordnali u ordnali li trid”.[50]

 

50. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa n-nuqqas ta’ għarfien tal-limiti tagħna – sinċier, bi tbatija u fit-talb – li ma jħallix lill-grazzja taħdem aħjar fina, għax ma jħallilhiex wisa’ biex tqanqal dak il-ġid possibbli li jsir parti minn mixja sinċiera u reali li fiha nistgħu nikbru.[51] Il-grazzja, proprju għax tissupponi n-natura tagħna, ma tagħmilniex f’daqqa waħda bnedmin b’qawwiet superjuri. Jekk nippretendu dan, inkunu nafdaw iżżejjed fina nfusna. F’dan il-każ, wara l-ortodossija, l-imġibiet tagħna jistgħu ma jkunux jikkorrispondu ma’ dak li nistqarru fuq il-ħtieġa tal-grazzja, u fil-verità nispiċċaw nafdaw ftit li xejn fiha. Fil-fatt, jekk ma nagħrfux ir-realtà konkreta u limitata tagħna, lanqas nistgħu nilmħu l-passi veri u possibbli li l-Mulej jitlobna f’kull ħin, wara li jkun ġibidna lejh u ħejja fina post għad-don tiegħu. Il-grazzja taħdem fl-istorja u, normalment, taqbadna u tibdilna bil-mod il-mod.[52] Għalhekk, jekk nirrifjutaw dan il-mod storiku u progressiv ta’ kif taħdem, fil-verità nistgħu naslu biex niċħduha u nagħlqulha t-triq, anki jekk bi kliemna nfaħħruha.

 

51. Meta Alla kellem lil Abram, qallu: “Jien El-Xaddaj. Imxi quddiemi u kun perfett” (Ġen 17:1). Biex nistgħu nkunu perfetti, kif jixtieq hu, għandna bżonn li ngħixu mċekkna fil-preżenza tiegħu, imdawra bil-glorja tiegħu; għandna bżonn nimxu f’għaqda miegħu, u f’ħajjitna nagħrfu l-imħabba kontinwa tiegħu. Irridu nagħtu daharna lill-biża’ minn din il-preżenza li ġid biss tista’ tagħmlilna. Huwa l-Missier li tana l-ħajja u jħobbna tant. Meta nkunu lqajnieh u ma nibqgħux naħsbu ħajjitna mingħajru, tgħib id-diqa tas-solitudni (ara Salm 139:7). U jekk ma noħolqux iktar distanzi bejnna u bejn Alla, u ngħixu fil-preżenza tiegħu, nistgħu nħalluh jgħarbel lil qlubna biex jara humiex fit-triq it-tajba (ara Salm 139:23-24). Hekk nagħrfu r-rieda perfetta u kollha mħabba tal-Mulej (ara Rum 12:1-2) u nħallu lilu jagħġinna bħal fuħħar (ara Iż 29:16). Għidna kemm-il darba li Alla jgħammar fina, imma aħjar ngħidu li aħna ngħixu fih, li hu jagħtina li ngħixu fid-dawl tiegħu u fl-imħabba tiegħu. Hu t-tempju tagħna: “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha ta’ ħajti” (Salm 27:4). “Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor” (Salm 84:11). Fih aħna mqaddsin.

 

Tagħlim tal-Knisja li hu spiss minsi

52. Il-Knisja bosta drabi għallmet li m’aħniex iġġustifikati mill-għemejjel tagħna jew mill-isforzi li nagħmlu, imma mill-grazzja tal-Mulej li jieħu l-inizjattiva. Missirijiet il-Knisja, anki qabel Santu Wistin, esprimew b’mod ċar din il-konvinzjoni ewlenija. San Ġwann Kriżostmu afferma li Alla jsawwab fina l-istess għajn tad-doni kollha “qabel ma aħna dħalna fit-taqbida”.[53] San Bażilju l-Kbir irrimarka li l-fidili jsibu l-glorja tagħhom biss f’Alla, għax “jagħrfu li huma sajmin mill-vera ġustizzja u ġġustifikati biss bil-fidi fi Kristu”.[54]

 

53. It-Tieni Sinodu ta’ Orange għallem b’aworità sħiħa li l-ebda bniedem ma jista’ jordna, jistħoqqlu jew jixtri d-don tal-grazzja divina, u li dak kollu li jista’ jikkopera magħha hu diġà minn qabel don tal-istess grazzja: “Imqar ix-xewqa li nkunu safjin titwettaq fina bit-tiswib u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu”.[55] Warajh, il-Konċilju ta’ Trento, anki meta saħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni tagħna biex nikbru spiritwalment, tenna dak it-tagħlim dommatiku: “Naffermaw li aħna ġġustifikati b’xejn, għax xejn minn dak li jiġi qabel il-ġustifikazzjoni, la l-fidi, lanqas l-opri, ma jistħoqqlu l-grazzja nfisha tal-ġustifikazzjoni; għax jekk hi grazzja, allura dan mhux bl-opri; inkella l-grazzja ma kinitx tkun iżjed grazzja (Rum 11:6)”.[56]

 

54. Anki l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jfakkarna li d-don tal-grazzja “jisboq il-ħila kollha tal-intelliġenza u tal-qawwiet kollha tar-rieda tal-bniedem”,[57] u li “meta niġu għal Alla, min-naħa tal-bniedem ma hemmx mertu, fit-tifsir strett tal-kelma. Ma hemmx qies bejnna u bejn Alla għax hu bla qies”.[58] Il-ħbiberija tiegħu tisboqna bla qies, ma nistgħux nixtruha bl-għemejjel tagħna u tista’ tkun biss don tal-inizjattiva ta’ mħabbtu. Dan jistedinna ngħixu bi gratitudni hienja għal dan id-don li qatt ma nistgħu nimmeritaw, ladarba “meta wieħed jinsab fil-grazzja, il-grazzja li diġà rċieva ma tistax tistħoqqlu”.[59] Il-qaddisin jevitaw li jafdaw iżżejjed fl-azzjonijiet tagħhom: “Fil-għabex ta’ din il-ħajja, għad nidher quddiemek b’idejja vojta, għax ma nitolbokx, Mulej, li tgħodd l-għemejjel tiegħi. Il-ħwejjeġ ġusti kollha tagħna huma tniġġis f’għajnejk”.[60]

 

55. Din hi waħda mill-akbar konvinzjonijiet li l-Knisja żgur kisbet, u tant hi espressa b’mod ċar fil-Kelma ta’ Alla li m’hemmx x’tiddiskuti fuqha. L-istess bħall-ogħla kmandament tal-imħabba, din il-verità għandha timmarka l-istil ta’ ħajjitna, għax tixrob mill-istess qalba tal-Evanġelju u ssejħilna mhux biss nilqgħuha bil-ħsieb tagħna, imma nibdluha f’ferħ li jittieħed mill-oħrajn. Imma ma nistgħux niċċelebraw bi gratitudni d-don b’xejn tal-ħbiberija tagħna mal-Mulej, jekk ma nagħrfux li anki l-ħajja tagħna fuq din l-art u l-ħiliet naturali tagħna huma don. Għandna bżonn “nagħrfu bil-ferħ kollu li r-realtà tagħna hi frott ta’ don, u nilqgħu anki l-libertà tagħna bħala grazzja. Din hi l-ħaġa iebsa llum, f’dinja li taħseb li għandha xi ħaġa li hi tagħha minn qaddisha, frott tal-oriġinalità u l-libertà tagħha nfisha”.[61]

 

56. Huwa biss jekk nitilqu mid-don ta’ Alla, nilqgħuh b’libertà u nirċevuh b’umiltà, li nistgħu nikkoperaw bl-isforzi tagħna biex nistgħu ninbidlu dejjem iżjed.[62] L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hi li nkunu ta’ Alla. Dan ifisser nintelqu f’idejh, hu li dejjem jimxi qabilna, noffrulu l-ħiliet tagħna, it-tħabrik tagħna, il-ġlieda tagħna kontra l-ħażin, u l-kreattività tagħna, biex id-don tiegħu mogħti b’xejn jikber u jiżviluppa fina: “Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” (Rum 12:1). Mill-bqija, il-Knisja dejjem għallmet li l-imħabba biss tagħmilha possibbli għall-bniedem li jikber fil-ħajja tal-grazzja, għax li “ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn” (1 Kor 13:2).

 

Il-Pelaġjani ġodda

57. Għad għandna Nsara li ħsiebhom biex jimxu fi triq oħra: dik tal-ġustifikazzjoni li tiġi mill-qawwa tagħhom infushom, dik tal-qima lir-rieda tal-bniedem u tal-ħila tiegħu, li mbagħad tissarraf fi mġiba egoċentrika ta’ min joqgħod jikkuntenta bih innifsu u dik elitista li hi nieqsa mill-imħabba vera. F’ħafna naraw atteġġjamenti li jidhru differenti minn xulxin: l-ossessjoni għal-liġi, il-faxxinu li jesibixxu konkwisti soċjali u politiċi, l-esibizzjoniżmu fl-għożża tal-liturġija, tad-duttrina u tal-prestiġju tal-Knisja, il-vanaglorja marbuta ma’ kif wieħed jieħu ħsieb ħwejjeġ prattiċi, il-ġibda lejn dinamika fejn isibu huma waħidhom is-soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom u fejn ifittxu r-realizzazzjoni personali. Huwa f’dan li xi Nsara jaħlu l-enerġiji u l-ħin tagħhom, flok ma jħallu lill-Ispirtu jmexxihom fit-triq tal-imħabba, flok ma jħabirku biex b’passjoni jikkomunikaw il-ġmiel u l-ferħ tal-Evanġelju u jfittxu lill-imbegħdin fil-folol immensi għatxana għal Kristu.[63]

 

58. Ħafna drabi, kontra t-tqanqil tal-Ispirtu, il-ħajja tal-Knisja tinbidel f’oġġett għal ġol-mużew jew fi proprjetà tal-ftit. Dan iseħħ meta xi gruppi Nsara jagħtu importanza żejda lill-osservanza ta’ ċerti normi, drawwiet u stili tagħhom. Hekk, spiss l-Evanġelju jisfa mfaqqar u mxekkel, misruq mis-sempliċità affaxxinanti tiegħu u t-togħma tiegħu. Forsi hi għamla sottili ta’ Pelaġjaniżmu, għax donnha trid tqiegħed il-ħajja tal-grazzja taħt ċerti strutturi umani. Dan jista’ jolqot gruppi, movimenti u komunitajiet, u jispjega għaliex ħafna drabi jibdew b’ħajja intensa fl-Ispirtu, imma mbagħad jispiċċaw jeħlu… jew korrotti.

 

59. Mingħajr ma nintebħu, għax nibdew naħsbu li kollox jiddependi mill-isforz uman mgħoddi minn ġo normi u strutturi ekkleżjali, nikkumplikaw l-Evanġelju u nsiru lsiera ta’ skema li ftit tħalli xquq miftuħa mnejn tgħaddi l-grazzja. San Tumas ta’ Aquino fakkarna li l-preċetti miżjuda mal-Evanġelju min-naħa tal-Knisja għandhom jiġu imposti b’moderazzjoni “biex ma jtaqqlux il-ħajja tal-fidili”, għax hekk inkunu qed nibdlu r-reliġjon tagħna f’ħaġa li tjassar.[64]

 

Il-ġabra tal-Liġi

60. Biex dan nevitawh, tajjeb niftakru spiss li hemm ġerarkija tal-virtujiet, li tistedinna nfittxu l-essenzjal. Il-primat hu tal-virtujiet teologali, li għandhom lil Alla bħala oġġett u motiv. U fiċ-ċentru hemm l-imħabba. San Pawl jgħid li dak li jgħodd tassew hu “l-fidi li taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6). Aħna msejħin ngħożżu bir-reqqa kollha l-imħabba: “Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi […] mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rum 13:8,10). Għax “il-Liġi kollha tinġabar fliġi waħda: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek (Gal 5:14).

 

61. Fi kliem ieħor: qalb ir-ruxxmata ta’ preċetti u liġijiet, Ġesù jiftħilna triq fejn nistgħu nagħrfu żewġt uċuħ, dak tal-Missier u dak ta’ ħuna. Ma jagħtiniex żewġ formuli jew żewġ preċetti oħra. Jagħtina żewġt uċuħ, jew aħjar, wieħed biss, dak ta’ Alla li jilma f’ħafna oħrajn. Għax f’kull wieħed minn ħutna, speċjalment f’dak l-iżjed ċkejken, dgħajjef, bla ħadd min jaqbeż għalih u fil-bżonn, hemm preżenti l-istess xbieha ta’ Alla. Fil-fatt, bl-iskart ta’ din l-umanità vulnerabbli, fl-aħħar taż-żmien, il-Mulej għad isawwar l-aħħar opra tal-arti tiegħu. Għax “x’jibqa’, x’inhu dak li għandu valur fil-ħajja, liema għana ma jgħibx fix-xejn? Żgur li hemm tnejn: il-Mulej u l-proxxmu tagħna. Dawn iż-żewġ teżori ma jintemmux!”.[65]

 

62. Jalla l-Mulej jeħles lill-Knisja mix-xejriet ġodda ta’ Injostiċiżmu u ta’ Pelaġjaniżmu li jikkumplikawha u jxekkluha fil-mixja tagħha lejn il-qdusija! Dawn id-devjazzjonijiet jesprimu ruħhom f’diversi għamliet, skont il-karattru u n-natural ta’ kull persuna. Għalhekk nitlob lil kull persuna biex tistaqsi lilha nfisha u tagħmel dixxerniment quddiem Alla fuq kif jista’ jkun li qed jidhru f’ħajjitha.


 

IT-TIELET KAPITLU

GĦAD-DAWL TAL-IMGĦALLEM

 

63. Jista’ jkun hemm bosta teoriji fuq x’inhi l-qdusija, mimlija tifsir u distinzjonijiet. Riflessjoni bħal din tista’ tkun siewja, imma xejn ma jdawwalna iktar milli nerġgħu lura għall-kliem ta’ Ġesù u nagħrfu kif hu għaddielna din il-verità. Ġesù fissrilna b’sempliċità kbira xi jfisser inkunu qaddisin, u dan għamlu meta ħallielna l-Beatitudnijiet (ara Mt 5:3-12; Lq 6:20-23). Huma bħall-karta tal-identità tan-Nisrani. Hekk, jekk xi ħadd minna kellu jistaqsi: “Kif nagħmel biex inkun Nisrani tajjeb?”, it-tweġiba tkun sempliċi: hemm bżonn li, kull wieħed bil-mod tiegħu, jagħmel dak li jgħid Ġesù fid-diskors tal-Beatitudnijiet.[66] Fihom nilmħu l-wiċċ tal-Imgħallem, li aħna msejħin nirriflettu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

 

64. Il-kelma “hieni” u “mbierek” issir sinonimu ta’ “qaddis”, għax tesprimi kif il-persuna fidila lejn Alla u li tgħix il-Kelma tiegħu tilħaq, fl-għotja tagħha nfisha, il-veru ferħ.

 

Kontra l-kurrent

65. Minkejja li kliem Ġesù jista’ jidhrilna poetiku, madankollu jmur ħafna kontra l-kurrent meta nħarsu lejh fid-dawl ta’ dak li aħna mdorrijin bih, ta’ dak li jsir fis-soċjetà; u, imqar jekk dan il-messaġġ ta’ Ġesù jiġbidna, fir-realtà d-dinja teħodna lejn stil ieħor ta’ ħajja. Il-Beatitudnijiet bl-ebda mod ma huma xi ħaġa ħafifa jew tal-qoxra; bil-maqlub, nistgħu ngħixuhom biss jekk l-Ispirtu s-Santu jaħkimna bil-qawwa kollha tiegħu u jeħlisna mid-dgħufija tal-egoiżmu, tat-telqa, tal-kburija.

 

66. Ħa nerġgħu nisimgħu lil Ġesù, bl-imħabba u r-rispett kollu li jixraqlu l-Imgħallem. Inħalluh jolqotna bil-kelmiet tiegħu, jipprovokana, isejħilna mill-ġdid għal bidla vera f’ħajjitna. Inkella l-qdusija tibqa’ biss kelma. Induru issa biex niftakru f’kull waħda mill-Beatitudnijiet kif insibuhom fil-verżjoni tal-evanġelju ta’ Mattew (ara 5:3-12).[67]

 

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”

67. L-Evanġelju jistedinna nagħrfu l-verità tal-qalb tagħna, biex naraw fejn qegħdin inqiegħdu ċ-ċertezzi ta’ ħajjitna. Normalment l-għani jħossu fiż-żgur bl-għana tiegħu, u jaħseb li meta dan il-ġid ikun fil-periklu, it-tifsira kollha ta’ ħajtu fuq din l-art tiġi fix-xejn. Ġesù nnifsu qalhulna dan fil-parabbola tal-għani iblah, meta tkellem fuq dak ir-raġel li tant kien ċert minnu nnifsu li, bħal wieħed iblah, ma ħasibx li seta’ jmut dakinhar stess (ara Lq 12:16-21).

 

68. Il-ġid ma jagħtik ebda ċertezza. Anzi, meta l-qalb tħossha għanja, tant tkun mimlija biha nfisha li ma tħallix wisa’ għall-Kelma ta’ Alla, għall-imħabba tal-aħwa, u lanqas biex tgawdi ħwejjeġ iżjed importanti fil-ħajja. Hekk inkunu niċċaħħdu minn ġid ikbar. Għalhekk Ġesù jsejjaħ hienja lill-foqra fl-ispirtu, li għandhom qalb fqajra, fejn jista’ jidħol il-Mulej bil-ġdid dejjiemi tiegħu.

 

69. Dan il-faqar fl-ispirtu hu marbut ħafna ma’ dik l-“indifferenza qaddisa” li kien jipproponi Sant’Injazju ta’ Loyola, li biha nistgħu naslu għal libertà interjuri tassew sabiħa: “Għaldaqshekk jinħtieġ nagħmlu lilna nfusna indifferenti għall-ħwejjeġ kollha maħluqa, sakemm hu mħolli f’idejna li nagħżlu u m’għandniex projbizzjoni. Dan ifisser li min-naħa tagħna ma nfittxux iktar is-saħħa mill-mard, l-għana mill-faqar, il-ġieħ mit-tmaqdir, ħajja twila iktar milli qasira; u l-istess għall-ħwejjeġ l-oħra kollha”.[68]

 

70. Luqa ma jitkellimx fuq faqar “fl-ispirtu” imma li nkunu “foqra” u daqshekk (ara Lq 6:20), u hekk jistedinna wkoll għal ħajja awstera u mneżżgħa minn dak li hu żejjed. Hekk, isejħilna naqsmu fil-ħajja ta’ dawk li huma l-iktar fil-bżonn, il-ħajja li għexu l-Appostli u li żgur twaħħadna ma’ Ġesù, li “għad li kien għani, ftaqar” (2 Kor 8:9).

 

Li nkunu foqra fil-qalb tagħna, din hi l-qdusija.

 

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art”

71. Hi espressjoni qawwija, f’din id-dinja li sa mill-bidu kienet imkien ta’ ġlied, fejn kullimkien issib min jeħodha kontra xulxin, fejn minn kullimkien tinbet il-mibegħda, fejn il-ħin kollu nikklassifikaw l-oħrajn minħabba fil-fehmiet tagħhom, id-drawwiet tagħhom, u saħansitra l-mod ta’ kif jitkellmu u jilbsu. Insomma, din hi s-saltna tal-kburija u tal-vanità, fejn kulħadd jaħseb li għandu l-jedd jerfa’ rasu fuq l-oħrajn. Madankollu, jidher kemm jidher impossibbli, Ġesù jipproponi stil ieħor: il-qalb ħelwa. Dan hu dak li għex hu mad-dixxipli tiegħu u li nikkontemplaw fid-daħla tiegħu Ġerusalemm: “Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija” (Mt 21:5; ara Żak 9:9).

 

72. Hu qalilna: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Mt 11:29). Jekk ngħixu dejjem b’tensjoni fuqna, b’arroganza mal-oħrajn, nispiċċaw negħjew u nċedu. Imma meta jirnexxielna nagħrfu l-limiti tagħhom u nħarsu lejn id-difetti tagħhom b’qalb ħelwa u umli, mingħajr ma nħossuna superjuri, nistgħu nnewlulhom idejna u nevitaw il-ħela ta’ enerġija fi tgergir bla siwi. Għal Santa Tereża ta’ Lisieux, “l-imħabba perfetta tinsab filli nistabru bin-nuqqasijiet tal-oħrajn, ma noqogħdux nistagħġbu bid-dgħufija tagħhom”.[69]

 

73. Pawlu jsemmi l-ħlewwa bħala frott tal-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5:23). Jipproponi li, jekk xi darba jħassbuna l-għemejjel ħżiena ta’ ħuna, għandna nersqu lejh biex inwiddbuh, imma “bi spirtu ta’ ħlewwa” (Gal 6:1), u jfakkarna: “oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll” (ibid.). Anki meta niġu biex niddefendu l-fidi tagħna u noħorġu għonqna għall-konvinzjonijiet tagħna, dan irridu nagħmluh bil-ħlewwa (ara 1 Piet 3:16), u saħansitra l-għedewwa għandhom jiġu ttrattati bil-ħlewwa (ara 2 Tim 2:25). Fil-Knisja ħafna drabi żbaljajna meta ma lqajniex din is-sejħa tal-Kelma divina.

 

74. Il-ħlewwa hi espressjoni oħra tal-faqar ġewwieni, ta’ min iqiegħed il-fiduċja tiegħu biss f’Alla. Fil-fatt, fil-Bibbja tintuża ta’ spiss l-istess kelma anawim b’riferenza għall-foqra u għall-umli. Forsi jaf ikun hemm min jilmenta: “Jekk inkun ħelu żżejjed, jaħsbuni iblah, stupidu jew dgħajjef”. Jista’ jiġri hekk, imma ejja nħallu lill-oħrajn jaħsbuh dan. Aħjar inkunu dejjem ħelwin, u b’dan jitwettqu l-ogħla xewqat tagħna: dawk ta’ qalbhom ħelwa “ikollhom b’wirthom l-art”, fi kliem ieħor, jaraw imwettqa fil-ħajja tagħhom il-wegħdiet ta’ Alla. Għax dawk ta’ qalbhom ħelwa, lil hemm miċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom, jittamaw fil-Mulej, u dawk li jittamaw fil-Mulej jirtu l-art u jitgħaxxqu bi sliem kotran (ara Salm 37:9,11). Fl-istess waqt, il-Mulej għandu fiduċja fihom: “Imma fuq dan jien nixħet ħarsti: fuq l-imsejken u n-niedem f’qalbu, u fuq min jitriegħed għal kelmti” (Iż 66:2).

 

Li nwieġbu bi ħlewwa umli, din hi l-qdusija.

 

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”

75. Id-dinja tridna nagħmlu bil-maqlub: id-divertiment, it-tgawdija, id-distrazzjoni, ix-xalar, u tgħidilna li dan hu li jagħti kwalità lill-ħajja. Il-bniedem tad-dinja jinjora, idawwar wiċċu n-naħa l-oħra meta jinqalgħu problemi ta’ mard jew ta’ tbatija fil-familja jew madwaru. Id-dinja ma tridx tibki: tippreferi tagħlaq għajnejha għas-sitwazzjonijiet ta’ tbatija, tgħattihom, tostorhom. Naħlu ħafna enerġiji nippruvaw naħarbu mis-sitwazzjonijiet fejn niġu wiċċ imb wiċċ mat-tbatija, għax naħsbu li possibbli naħbu r-realtà, meta qatt, qatt mhu ħa jonqos is-salib.

 

76. Il-persuna li kapaċi tara l-affarijiet kif inhuma tassew, li tħalli t-tbatija tinfidha u tibki fil-qalb tagħha, għandha l-ħila tmiss il-profondità tal-ħajja u tkun tassew hienja.[70] Dik il-persuna tkun imfarrġa, imma bil-faraġ ta’ Ġesù u mhux b’dak tad-dinja. Hekk tista’ ssib il-kuraġġ li taqsam fit-tbatija tal-oħrajn u ma tibqax taħrab mis-sitwazzjoni ta’ tbatija. Hekk tiskopri li l-ħajja għandha sens meta tgħin lill-ieħor fit-tbatija tiegħu, meta tifhem l-uġigħ tiegħu, meta sserraħ lill-oħrajn. Din il-persuna tħoss li l-ieħor hu laħam minn laħamha, ma tibżax tersaq lejh sa tmiss il-ġerħa tiegħu, tħenn għalih sal-punt li d-distanzi jgħibu. Hekk nistgħu nilqgħu dik it-tħeġġiġa li jagħmlilna San Pawl: “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki” (Rum 12:15).

 

Li nagħrfu nibku mal-oħrajn, din hi l-qdusija.

 

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”

77. Il-“ġuħ u l-għatx” huma esperjenzi qawwija ħafna, għax iwieġbu għal ħtiġijiet primarji u huma marbuta mal-istint li hemm fil-bniedem li jsib mod kif jibqa’ jgħix. Hemm persuni li b’din l-istess qawwa jixxennqu għall-ġustizzja u jfittxuha b’ħerqa kbira ħafna. Ġesù jgħid li dawn ikunu mxebbgħin, għax illum jew għada l-ġustizzja tasal, u aħna nistgħu nikkollaboraw biex dan ikun possibbli, anki jekk mhux dejjem naraw il-frott ta’ dan it-tħabrik.

 

78. Imma l-ġustizzja li jipproponi Ġesù mhijiex bħal dik li tfittex id-dinja, ħafna drabi mtappna b’interessi msejkna, immanipulata minn naħa u mill-oħra. Ir-realtà turina kemm hu ħafif li nsibu ruħna fix-xbieki tal-korruzzjoni, insiru parti minn dik il-politika ta’ kuljum ta’ “nagħti biex jagħtuni”, fejn kollox sar kummerċ. U kemm nies ibatu minħabba l-inġustizzji, kemm hemm li josservaw, bla ma jistgħu jagħmlu xejn, lill-oħrajn jaqsmu bejniethom wieħed wara l-ieħor il-kejk tal-ħajja. Xi wħud ma jridux jitqabdu għall-vera ġustizzja u jagħżlu li jirkbu l-karru tar-rebbieħa. Dan xejn m’għandu x’jaqsam mal-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja mfaħħar minn Ġesù.

 

79. Din il-ġustizzja tibda titwettaq fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna meta nkunu ġusti fid-deċiżjonijiet tagħna, u mbagħad tesprimi ruħha fit-tfittxija tal-ġustizzja għall-foqra u d-dgħajfa. Bla dubju, il-kelma “ġustizzja” tista’ tkun sinonima mal-fedeltà li b’ħajjitna kollha nuru lejn ir-rieda ta’ Alla, imma jekk nagħtuha sens wisq ġenerali, ninsew li tidher b’mod speċjali fil-ġustizzja ma’ min m’għandux min jaqbeż għalih: “Fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla” (Iż 1:17).

 

Li nfittxu b’ġuħ u għatx kbir il-ġustizzja, din hi l-qdusija.

 

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”

80. Il-ħniena għandha żewġ aspetti: tfisser tagħti, tgħin, taqdi lill-oħrajn u anki taħfer, tifhem. Mattew jiġbor dan f’regola tad-deheb: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom” (7:12). Il-Katekiżmu jfakkarna li din il-liġi tapplika “dejjem”,[71] b’mod speċjali meta xi ħadd “xi kultant isib ruħu f’qagħdiet fejn il-ġudizzju morali ma jkunx għalkollox żgur”.[72]

 

81. Meta nagħtu minn dak li hu tagħna u naħfru lill-oħrajn, inkunu nippruvaw nerġgħu nwettqu f’ħajjitna rifless ċkejken tal-perfezzjoni ta’ Alla, li jqassam u jaħfer b’kotra bla tarf. Għalhekk fl-evanġelju ta’ Luqa ma nsibux “kunu perfetti” (Mt 5:48), imma “ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom” (6:36-38). U wara, Luqa jżid xi ħaġa li ma rridux inwarrbuha għall-ġenb: “Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (6:38). Il-kejl li nużaw biex nifhmu u naħfru, jintuża biex jinħafer lilna. Il-kejl li nużaw biex nagħtu, jintuża magħna fis-Sema bħala ħlas. Ma jaqblilniex ninsewh.

 

82. Ġesù ma jgħidx “Henjin dawk li jfasslu l-vendetta”, imma jsejjaħ hienja lil dawk li jaħfru u jagħmlu dan “sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22). Tajjeb niftakru li aħna lkoll eżerċtu ta’ maħfura. Il-ħniena ta’ Alla ħarset lejna lkoll. Jekk b’sinċerità nersqu lejn il-Mulej u nirfinaw is-smigħ tagħna, aktarx xi darba se nisimgħu din iċ-ċanfira: “Ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” (Mt 18:33).

 

Li nħarsu u nġibu ruħna bi ħniena, din hi l-qdusija.

 

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla”

83. Din il-beatitudni tirreferi għal min għandu qalb sempliċi, safja, bla tindisa, għax qalb li taf tħobb ma tħallix tidħol fil-ħajja tagħha xi ħaġa li thedded dik l-imħabba, li ddgħajjifha jew li tqegħidha fil-periklu. Fil-Bibbja, il-qalb hi l-veri intenzjonijiet tagħna, dak li tassew qed infittxu u nixtiequ, lil hemm minn dak li nuru minn barra: “Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb” (1 Sam 16:7). Hu jfittex jitkellem magħna fil-qalb tagħna (ara Hos 2:16) u fuqha jixtieq inaqqax il-Liġi tiegħu (ara Ġer 31:33). Hu żgur jixtieq jagħtina qalb ġdida (ara Eżek 36:26).

 

84. “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha” (Prov 4:23). Xejn minn dak li hu mtappan bil-falzità ma għandu valur quddiem il-Mulej. Hu “jaħrab minn quddiem il-qerq, u jwarrab minn fejn hemm ħsibijiet bla sens” (Għerf 1:5). Il-Mulej, li “jara dak li hu fil-moħbi” (Mt 6:6), jagħraf ħaġa li mhix nadifa, jiġifieri mhix sinċiera, imma hi biss qoxra u apparenza, l-istess kif l-Iben jaf “x’hemm fil-bniedem” (Ġw 2:25).

 

85. Hu minnu li m’hemmx imħabba mingħajr għemejjel ta’ mħabba, imma din il-beatitudni tfakkarna li l-Mulej jistenna li l-għotja tagħna għal ħuna tkun tnixxi mill-qalb, għax “kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1 Kor 13:3). Fl-evanġelju ta’ Mattew naraw ukoll kif dak kollu li joħroġ mill-qalb hu dak li jtebba’ l-bniedem (ara 15:18), għax minn hemm joħorġu l-qtil, is-serq, ix-xhieda qarrieqa, u l-bqija (ara 15:19). Mill-fehmiet tal-qalb jibdew ix-xewqat u d-deċiżjonijiet l-aktar profondi li jċaqalquna tassew.

 

86. Meta l-qalb tħobb lil Alla u lill-proxxmu (ara Mt 22:36-40), meta din hi l-intenzjoni vera tagħha u mhux tpaċpiċ fil-vojt, allura dik il-qalb hi safja u tista’ tara lil Alla. San Pawl, fl-innu tiegħu lill-imħabba, ifakkarna li “bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar” (1 Kor 13:12), imma skont kemm issaltan tabilħaqq l-imħabba fina, insiru kapaċi naraw “wiċċ imb wiċċ” (ibid.). Ġesù jwiegħed lil dawk li huma safja f’qalbhom li “jaraw ’l Alla”.

 

Li nżommu ’l qalbna safja minn dak kollu li jtappan l-imħabba, din hi l-qdusija.

 

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”

87. Din il-beatitudni ġġagħalna naħsbu fl-għadd ta’ sitwazzjonijiet ta’ gwerra li naraw jirripetu ruħhom quddiemna. Għalina hi ħaġa komuni ħafna li nkunu kawża ta’ ġlied jew tal-inqas ta’ nuqqas ta’ ftehim. Ngħidu aħna, meta nħoss xi ħaġa fuq xi ħadd u mmur għand xi ħadd ieħor u ngħidhielu; u forsi wkoll noħloq verżjoni oħra li tkun iktar wiesgħa u nxerridha. U iktar ma jirnexxieli nagħmel ħsara, donnu iktar nikseb sodisfazzjon. Id-dinja tat-tqassis, magħmula minn persuni li jgħaddu l-ħin imaqdru u jeqirdu, ma tibnix il-paċi. Pjuttost dawn il-persuni huma għedewwa tal-paċi u bl-ebda mod ma jissejħu henjin.[73]

 

88. Dawk li jġibu l-paċi huma għejun ta’ paċi, jibnu l-paċi u l-ħbiberija soċjali. Lil dawk li jħabirku biex jiżirgħu kullimkien il-paċi, Ġesù jagħmlilhom wegħda tal-għaġeb: “huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). Hu talab lid-dixxipli biex meta jidħlu f’xi dar, l-ewwel jgħidu: “Is-sliem lil din id-dar!” (Lq 10:5). Il-Kelma ta’ Alla tħeġġeġ lil kull min jemmen biex flimkien mal-oħrajn ifittex il-paċi (ara 2 Tim 2:22), għax “dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja” (Ġak 3:18). U jekk xi mkien fil-komunità tagħna għandna dubji fuq x’għandu jsir, “ħalli nfittxu, mela, dak li jġib is-sliem” (Rum 14:19), għax l-għaqda hi aqwa mill-kunflitt.[74]

 

89. Mhix ħaġa ħafifa nibnu din il-paċi tal-Evanġelju li ma tħalli lil ħadd barra, imma li tinkludi anki lil dawk li huma xi ftit strambi, il-persuni diffiċli u kkumplikati, dawk li jfittxu l-attenzjoni, dawk li huma differenti, dawk li l-ħajja tathom ħafna fuq wiċċhom, dawk li għandhom interessi oħra. Hi iebsa u titlob moħħ u qalb miftuħa tassew, għax m’aħniex nitkellmu fuq “kunsens madwar mejda jew [għal] paċi ta’ ħajja qasira li tikkuntenta biss il-minoranza”,[75] lanqas fuq proġett “tal-ftit indirizzat lejn il-ftit”.[76] Lanqas tipprova tinjora jew taħbi l-kunflitti, imma “taċċetta li ġġarrab il-kunflitt, issewwih u tibdlu f’ħolqa li tgħaqqad proċess ġdid”.[77] Ifisser li rridu nibnu l-paċi b’ċerta sengħa, għax li tibni l-paċi hi arti li titlob serenità, kreattività, sensibbiltà u ħila.

 

Li niżirgħu l-paċi madwarna, din hi l-qdusija.

 

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”

90. Ġesù nnifsu jisħaq li din il-mixja hi kontra l-kurrent sal-punt li tagħmel minna persuni li b’ħajjithom stess jisfidaw lis-soċjetà, persuni li jagħtu fastidju. Ġesù jfakkar kemm nies huma ppersegwitati u ġew ippersegwitati sempliċiment għax issieltu għall-ġustizzja, għax għexu l-impenji li ħadu ma’ Alla u mal-oħrajn. Jekk ma nixtiqux li nispiċċaw mgħarrqa f’medjokrità mudlama, ejja ma nippretendux li jkollna ħajja komda, għax “min irid isalva ħajtu, jitlifha” (Mt 16:25).

 

91. Biex ngħixu l-Evanġelju, ma nistgħux noqogħdu nistennew li kollox madwarna jkun favurina, għax ħafna drabi l-ambizzjonijiet tal-poter u l-interessi tad-dinja jkunu qed jilagħbu kontrina. San Ġwanni Pawlu II qal li “soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli”.[78] F’soċjetà aljenata bħal din, maqbuda f’orkestrazzjoni politika, medjatika, ekonomika, kulturali u saħansitra reliġjuża li xxekkel l-iżvilupp awtentiku uman u soċjali, il-ħajja tal-Beatitudnijiet issir diffiċli u tista’ wkoll tidher f’dawl ikrah, ta’ suspett, u tiġi mwaqqgħa għaż-żuffjett.

 

92. Is-salib, fuq kollox it-taħbit u t-tiġrib li ngħaddu minnhom biex nistgħu ngħixu l-kmandament tal-imħabba u l-mixja tal-ġustizzja, hu għajn ta’ maturazzjoni u ta’ tqaddis. Niftakru li meta t-Testment il-Ġdid jitkellem fuq tbatijiet li jeħtieġ inġarrbu minħabba l-Evanġelju, qed jirreferi preċiżament għall-persekuzzjonijiet (ara Atti 5:41; Fil 1:29; Kol 1:24; 2 Tim 1:12; 1 Piet 2:20; 4:14-16; Apok 2:10).

 

93. Imma hawn qed nitkellmu fuq il-persekuzzjonijiet li ma nistgħux naħarbu, mhux dawk li nistgħu nġibu fuqna aħna stess bil-mod żbaljat ta’ kif nittrattaw lill-oħrajn. Il-qaddis mhuwiex persuna eċċentrika, maqtugħa mill-oħrajn, li ħaddieħor ma jistax jissaportiha minħabba l-vanità, in-negattività u l-korla tagħha. Ma kinux hekk l-Appostli ta’ Kristu. Il-ktieb tal-Atti jirrakkonta b’insistenza li huma kienu jgawdu s-simpatija tal-“poplu kollu” (2:47; ara 4:21,33; 5:13), waqt li xi awtoritajiet kienu qed ifittxuhom u jippersegwitawhom (ara 4:1-3; 5:17-18).

 

94. Il-persekuzzjonijiet mhumiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminijietna, u kemm b’mod iżjed sottili, permezz ta’ kalunnji u qlajjiet foloz. Ġesù jgħid li jkun hemm il-ferħ meta “jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija” (Mt 5:11). Drabi oħra jkun żebliħ li jipprova jisfigura l-fidi tagħna u jgħaddina ta’ nies boloh.

 

Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq tal-Evanġelju minkejja l-problemi li toħolqilna, din hi l-qdusija.

 

Ir-regola l-kbira tal-imġiba

95. Fil-kapitlu 25 tal-evanġelju ta’ Mattew (vv. 31-46), Ġesù jerġa’ jieqaf fuq waħda minn dawn il-beatitudnijiet, dik li ssejjaħ hienja lil dawk li juru ħniena. Jekk qed infittxu dik il-qdusija li hi mogħġuba f’għajnejn Alla, f’dan it-test se nsibu sewwasew regola ta’ mġiba li fuqha għad isir ħaqq minna: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (25:35-36).

 

B’fedeltà lejn l-Imgħallem

96. Għalhekk, li nkunu qaddisin ma jfissirx nillustraw għajnejna f’taparsi estasi. San Ġwanni Pawlu II qalilna li “jekk inkunu bdejna tassew mill-ġdid mill-kontemplazzjoni ta’ Kristu, jeħtieġ narawh l-aktar fl-uċuħ ta’ dawk li fihom ried jara lilu nnifsu”.[79] It-test ta’ Mattew 25:35-36 “mhuwiex biss stedina għall-imħabba: hija paġna ta’ Kristoloġija li titfa’ raġġ ta’ dawl fuq il-misteru ta’ Kristu”.[80] F’din is-sejħa biex nagħrfuh fil-foqra u f’dawk li qed ibatu, tidher il-qalb ta’ Kristu nnifsu, is-sentimenti tiegħu u l-għażliet l-aktar profondi tiegħu, li magħhom kull qaddis ifittex li jsir ħaġa waħda.

 

97. Quddiem il-qawwa ta’ dawn it-talbiet ta’ Ġesù, inħossu dmir tiegħi nitlob lill-Insara jaċċettawhom u jilqgħuhom bi ftuħ il-qalb sinċier, “sine glossa”, jiġifieri mingħajr kummenti, mingħajr artikulazzjoni ta’ ħsibijiet u skużi li jisirqulhom il-qawwa tagħhom. Il-Mulej ħallielna ċar ħafna li l-qdusija ma nistgħux nifhmuha u lanqas ngħixuha jekk nitbiegħdu minn dawn l-esiġenzi tagħha, għax il-ħniena hi l-“qalb tħabbat tal-Evanġelju”.[81]

 

98. Meta niltaqa’ ma’ persuna li qed torqod barra fil-maltemp, f’lejla kiesħa, nista’ nħoss li dan il-barrani hu imprevist ta’ xkiel għalija, delinkwent mitluq, tfixkil fil-mixja tiegħi, xewka li tniggeż il-kuxjenza tiegħi, problema li l-politiċi għandhom isolvu, u forsi wkoll żibel li qed iħammeġ l-ispazju pubbliku. Inkella nista’ nirreaġixxi billi nitlaq mill-fidi u mill-karità u nagħraf f’dik il-persuna essri uman bl-istess dinjità tiegħi, ħlejqa maħbuba bla tarf mill-Missier, xbieha ta’ Alla, ħija jew oħti mifdija minn Kristu. Hekk ifisser tkun Nisrani! Jew forsi nistgħu nifhmu l-qdusija lil hemm minn dan l-għarfien ħaj tad-dinjità ta’ kull bniedem?[82]

 

99. Dan għall-Insara jimplika nuqqas ta’ sodisfazzjon san u permanenti. Anki jekk li nserrħu persuna waħda diġà jiġġustifika l-isforzi kollha tagħna, dan mhuwiex biżżejjed għalina. L-Isqfijiet tal-Kanada dan affermawh ċar billi wrew li, fit-tagħlim bibliku dwar il-Ġublew, ngħidu aħna, ma kienx biżżejjed li wieħed iwettaq xi għemejjel tajba, imma ried ifittex li jwettaq bidla soċjali: “Biex anki l-ġenerazzjonijiet futuri jiġu meħlusa, kien ċar li l-għan kellu jkun it-tiġdid tas-sistemi soċjali u ekonomiċi ġusti biex ma jkunx hemm iżjed esklużjonijiet”.[83]

 

L-ideoloġiji li jnaqqru mill-qalb tal-Evanġelju

100. B’xorti ħażina kultant l-ideoloġiji jwasslu għal żewġ żbalji li jagħmlu ħsara kbira. Minn naħa, dak tal-Insara li jifirdu dawn l-esiġenzi tal-Evanġelju mir-relazzjoni personali tagħhom mal-Mulej, mir-rabta ġewwenija tagħhom miegħu, mill-grazzja. Hekk nispiċċaw nibdlu l-Kristjaneżmu f’għamla ta’ NGO (organizzazzjoni mhux governattiva), u nċaħħduh minn dik l-ispiritwalità kollha dawl li għexu u wrew tant tajjeb b’ħajjithom San Franġisk ta’ Assisi, San Vinċenz de Paul, Santa Tereża ta’ Calcutta u ħafna oħrajn. Lil dawn il-qaddisin kbar, la t-talb, la l-imħabba ta’ Alla, u lanqas il-qari tal-Evanġelju ma naqqsulhom il-passjoni u l-qawwa tal-għotja tagħhom għall-proxxmu, anzi, bil-maqlub.

 

101. Perikuluż u ideoloġiku hu wkoll l-iżball ta’ dawk li jgħixu dejjem jissuspettaw fl-impenn soċjali tal-oħrajn, għax iqisuh xi ħaġa tal-qoxra, mondana, sekularizzata, immanentista, komunista, populista. Inkella dawn jirrelattivizzawh bħallikieku kien hemm ħwejjeġ oħra iżjed importanti jew bħallikieku kienet tinteressahom biss ċerta etika jew raġunament partikulari li huma jiddefendu. Il-ħarsien tal-innoċenti li għadu ma twelidx, ngħidu aħna, għandu jkun ċar, sod u appassjonat, għax hemm fin-nofs id-dinjità tal-ħajja umana, dejjem qaddisa, u dan tesiġih l-imħabba għal kull persuna lil hemm mill-iżvilupp tagħha. Imma daqshekk ieħor qaddisa hi l-ħajja tal-foqra li diġà twieldu, li qed jitqabdu fil-miżerja, fl-abbandun, fl-esklużjoni, fit-traffikar uman, fl-ewtanasja moħbija tal-morda u tal-anzjani mċaħħda mill-kura, fix-xejriet ġodda ta’ jasar, u f’kull għamla ta’ skart.[84] Ma nistgħux infittxu ideal ta’ qdusija li jinjora l-inġustizzja ta’ din id-dinja, fejn xi wħud jiffesteġġjaw, jonfqu kuntenti u jirriduċu ħajjithom għall-ġdid tal-konsum, waqt li oħrajn iħarsu biss minn barra u sadattant ħajjithom tgħaddi u tintemm fil-miżerja.

 

102. Spiss nisimgħu min jgħid li, quddiem ir-relattiviżmu u l-limiti tad-dinja tal-lum, it-tema, ngħidu aħna, tal-qagħda tal-migranti hi waħda marġinali. Xi Kattoliċi jaffermaw li hi tema sekondarja ħdejn it-temi “serji” tal-bijoetika. Li jgħid ħaġa bħal din politiku moħħu fis-suċċessi tiegħu wieħed jifhimha, imma mhux Nisrani, li l-imġiba tiegħu għandha tkun ta’ wieħed li jidħol fiż-żarbun ta’ dak ħuh li qed jirriskja ħajtu biex jagħti futur lil uliedu. M’aħniex nintebħu li hu preċiżament dan li qed jitlob minna Ġesù meta jgħidilna li qed nilqgħu lilu stess f’kull barrani (ara Mt 25:35)? San Benedittu dan kien aċċettah bla riservi u, anki jekk dan seta’ “jikkumplika” l-ħajja tal-irħieb, hu ried li dawk kollha li jħabbtu l-bieb tal-monasteru jiġu milqugħa “bħal Kristu”,[85] saħansitra b’ġesti ta’ qima,[86] u li l-pellegrini foqra jiġu ttrattati “bl-ikbar għożża u żelu”.[87]

 

103. Xi ħaġa simili jipproponi t-Testment il-Qadim meta jgħid: “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu” (Eż 22:20). “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux. Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art tal-Eġittu” (Lev 19:33-34). Għalhekk, hawn m’aħniex nitkellmu fuq xi invenzjoni ta’ Papa jew xi ferneżija ta’ mument. Anki aħna, fil-kuntest tal-lum, imsejħin ngħixu l-mixja ta’ għarfien spiritwali li ppreżentalna l-profeta Iżaija meta staqsa lilu nnifsu x’jogħġob lill-Mulej: “Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx? Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek” (58:7-8).

 

Il-qima li togħġbu l-iżjed

104. Forsi nistgħu naħsbu li nistgħu nagħtu glorja lil Alla biss bil-kult u t-talb, jew billi nosservaw ċerti normi etiċi – huwa minnu li l-ewwel u qabel kollox tiġi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla –, u ninsew li l-kriterju biex niżnu l-ħajja tagħna hu qabelxejn dak li għamilna mal-oħrajn. It-talb hu prezzjuż jekk iwassal għall-għotja ta’ mħabba fil-ħajja ta’ kuljum. Il-qima tagħna hi mogħġuba minn Alla meta neħdulu quddiemu l-fehma tagħna li ngħixu bil-ġenerożità u meta d-don ta’ Alla li nirċievu fil-kult inħalluh jidher fl-għotja tagħna lil ħutna.

 

105. Għall-istess raġuni, l-aħjar mod biex ngħarblu jekk il-mixja tagħna ta’ talb hix awtentika jkun billi niflu kemm il-ħajja tagħna qed tinbidel jew le għad-dawl tal-ħniena. Għax “il-ħniena mhix biss l-għemil tal-Missier, imma ssir il-kriterju biex nistgħu nifhmu min huma l-ulied veri tiegħu”.[88] Hi “l-fus li jwieżen il-ħajja tal-Knisja”.[89] Nixtieq nisħaq mill-ġdid li, anki jekk il-ħniena ma teskludix il-ġustizzja u l-verità, “qabelxejn irridu ngħidu li l-ħniena hi l-milja tal-ġustizzja u l-wirja l-iżjed imdawla tal-verità ta’ Alla”.[90] Hija “l-muftieħ għas-Sema”.[91]

 

106. Ma rridx ninsa nfakkar f’dik il-mistoqsija li għamel San Tumas ta’ Aquino dwar liema huma l-aqwa għemejjel tagħna, liema huma dawk l-opri li juru l-aħjar minn barra l-imħabba tagħna lejn Alla. Hu wieġeb bla dubju ta’ xejn li dawn huma l-opri tal-ħniena lejn il-proxxmu,[92] iktar minn kull att ieħor ta’ kult: “Aħna l-qima tagħna lejn Alla b’sagrifiċċji u b’offerti minn barra ma nħaddmuhiex għall-ġid tiegħu, imma għall-ġid tagħna u tal-proxxmu: hu fil-fatt m’għandux bżonn tas-sagrifiċċji tagħna, imma jrid li dawn jiġu offruti lilu għad-devozzjoni tagħna u għall-ġid tal-proxxmu. Għalhekk il-ħniena li biha naqbżu għall-oħrajn fil-faqar tagħhom hi sagrifiċċju li hu jilqa’ iktar bil-qalb, għax hi garanzija akbar tal-ġid tal-proxxmu”.[93]

 

107. Min jixtieq tassew isebbaħ lil Alla b’ħajtu, min tabilħaqq hu mxennaq biex jitqaddes sabiex ħajtu tigglorifika lill-Qaddis, hu msejjaħ ibati u jiddedika ħajtu sal-punt tal-għeja biex ifittex li jgħix l-opri tal-ħniena. Dan hu li fehmet tant tajjeb Santa Tereża ta’ Calcutta: “Iva, għandi ħafna dgħufijiet umani, ħafna miżerji ta’ bniedma li jien. […] Imma hu jitbaxxa u jinqeda bina, bik u bija, biex inkunu l-imħabba u l-ħniena tiegħu fid-dinja, minkejja dnubietna, minkejja l-faqar u d-difetti tagħna. Hu jiddependi minna biex iħobb id-dinja u juriha kemm iħobbha. Jekk inkunu ħsiebna wisq fina nfusna, ma jifdlilniex ħin għall-oħrajn”.[94]

 

108. Il-konsumiżmu edonista jista’ jonsobna, għax fl-ossessjoni tal-pjaċir nispiċċaw nikkonċentraw iżżejjed fuqna nfusna, fuq id-drittijiet tagħna u mġenna biex ikollna ħin liberu biex ingawdu l-ħajja. Insibuha bi tqila li nimpenjaw ruħna u niddedikaw l-enerġiji tagħna ħalli nagħtu daqqa t’id lil min qed ibati, jekk ma nrawmux fina ċerta awsterità, jekk ma nitqabdux kontra dan id-deni li timponi fuqna s-soċjetà tal-konsumi biex tbigħilna l-affarijiet, u li fl-aħħar tispiċċa tibdilna f’persuni msejkna li qatt m’aħna sodisfatti u li rridu naħtfu kollox u nippruvaw kollox. Imqar il-konsum tal-informazzjoni superfiċjali u x-xejriet ta’ komunikazzjoni mgħaġġla u virtwali jistgħu jkunu fattur ta’ sturdament li jisirqilna l-ħin kollu tagħna u jbegħidna mill-ġisem ta’ ħutna fit-tbatija. F’dan id-dagħbien ta’ żmienna, l-Evanġelju jidwi mill-ġdid biex joffrilna ħajja differenti, iżjed b’saħħitha u iżjed ferħana.

 

* * *

 

109. Qawwet ix-xhieda tal-qaddisin qiegħda f’li għexu l-Beatitudnijiet u r-regola ta’ mġiba tal-Ġudizzju finali. Huma ftit kelmiet, sempliċi, imma prattiċi u validi għal kulħadd, għax il-Kristjaneżmu wara kollox hu magħmul biex jiġi pprattikat, u mqar jekk hu oġġett ta’ riflessjoni, dan għandu valur biss meta jgħinna ngħixu l-Evanġelju fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nirrikkmandalkom minn qalbi terġgħu taqraw spiss dawn it-testi bibliċi kbar, tiftakru fihom, titolbu bihom u tippruvaw tlaħħmuhom. Jagħmlulna tajjeb, jagħmluna hienja tassew.


 

IR-RABA’ KAPITLU

XI KARATTERISTIĊI TAL-QDUSIJA FID-DINJA TAL-LUM

 

110. Fil-kwadru wiesa’ tal-qdusija li jipproponulna l-Beatitudnijiet u Mattew 25:31-46, nixtieq niġbor flimkien xi karatteristiċi jew espressjonijiet spiritwali li, fil-fehma tiegħi, huma indispensabbli biex nifhmu l-istil ta’ ħajja li għalih qed isejħilna l-Mulej. Mhux ħa nieqaf nispjega l-mezzi ta’ tqaddis li diġà nafu: id-diversi metodi ta’ talb, is-sagramenti għeżież tal-Ewkaristija u tar-Rikonċiljazzjoni, l-offerta tas-sagrifiċċji, il-ħafna xorta ta’ devozzjonijiet, id-direzzjoni spiritwali, u tant oħrajn. Se nsemmi biss xi aspetti tas-sejħa għall-qdusija li nittama li jibqgħu jidwu b’mod speċjali.

 

111. Dawn l-aspetti li nixtieq nixħet dawl fuqhom mhumiex dawk kollha li jistgħu jsawru mudell ta’ qdusija, imma huma ħames wirjiet kbar tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu li jiena nqishom ta’ importanza partikulari minħabba f’xi riskji u limitazzjonijiet tal-kultura tal-lum. Fiha jidhru: l-ansjetà nervuża u vjolenti li tkissirna u ddgħajjifna; in-negattività u d-dwejjaq; it-telqa komda, konsumista u egoista; l-individwaliżmu; u tant għamliet oħra ta’ spiritwalità falza nieqsa mil-laqgħa ma’ Alla u li jispikkaw fis-suq reliġjuż ta’ żmienna.

 

Nissaportu, nistabru u nuru ħlewwa

112. L-ewwel minn dawn il-karatteristiċi kbar hi li nibqgħu sħaħ f’Alla li jħobbna u jweżinna. Jekk ikollna din il-qawwa interjuri, imbagħad ikun possibbli nissaportu, inġarrbu l-kuntrarji, it-tlugħ u nżul tal-ħajja, u anki l-vjolenza tal-oħrajn, l-infedeltajiet u d-difetti tagħhom: “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rum 8:31). Dan hu għajn ta’ sliem li jesprimi ruħu fl-imġiba ta’ qaddis. Imsejsa fuq din il-qawwa interjuri, ix-xhieda tal-qdusija, fid-dinja mgħaġġla, instabbli u aggressiva tagħna, hi magħmula mis-sabar u l-perseveranza f’dak li hu tajjeb. Hi l-fedeltà fl-imħabba, għax min iserraħ fuq Alla (pistis) jista’ wkoll ikun fidil quddiem ħutu (pistós), ma jitlaqhom qatt waħidhom fil-mumenti ibsin, ma jħallix l-ansjetà tkaxkru magħha, u jibqa’ maġenb l-oħrajn anki meta dan ma jagħtih l-ebda sodisfazzjon immedjat.

 

113. San Pawl stieden lill-Insara ta’ Ruma ma jroddu “lil ħadd deni b’deni” (Rum 12:17), ma jivvendikawx ruħhom b’idejhom (ara v. 19) u ma jħallux il-ħażen jirbaħhom, imma jirbħu l-ħażen bit-tajjeb (ara v. 21). Din l-imġiba mhijiex sinjal ta’ dgħufija imma tal-qawwa vera, għax Alla nnifsu hu “tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-qawwa” (Naħ 1:3). Il-Kelma ta’ Alla twissina: “Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor” (Efes 4:31).

 

114. Jeħtieġ nitqabdu u nżommu għajnejna miftuħa beraħ għall-ġibdiet aggressivi u egoċentriċi tagħna biex ma nħallux l-għeruq jaqbdu: “Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom” (Efes 4:26). Meta jkun hemm ċirkustanzi li jgħakksuna, nistgħu dejjem induru fuq l-ankra tat-talb, li twassalna biex nintreħew mill-ġdid f’dirgħajn Alla u qrib l-għajn tas-sliem tagħna: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ” (Fil 4:6-7).

 

115. L-Insara wkoll jistgħu jsibu ruħhom f’nofs xbieki ta’ vjolenza verbali permezz tal-internet u d-diversi oqsma jew spazji ta’ skambji diġitali. Saħansitra l-midja Kattolika tista’ taqbeż il-limiti, tippermetti x-xnigħat foloz u l-kalunnja, fejn donnhom jidhru esklużi kull etika u kull rispett għall-fama tajba tal-oħrajn. Hekk naraw dan id-duwaliżmu perikuluż, għax f’dawn ix-xbieki jingħadu ħwejjeġ li ma kinux ikunu tollerabbli fil-ħajja pubblika, u hemm min ifittex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon li għandu f’ħajtu billi jbattal b’rabja x-xewqat ta’ vendetta fuq l-oħrajn. Interessanti kif xi drabi, aħna u nippretendu li qed niddefendu kmandamenti oħra, naqbżu għalkollox it-tmien wieħed: “La tixhidx fil-falz”, u neqirdu bla ħniena l-immaġni ta’ ħaddieħor. Hemm jidher bla kontroll ta’ xejn kif l-ilsien hu “dinja ta’ ħażen” u “jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern” (Ġak 3:6).

 

116. Il-qawwa interjuri, li hi opra tal-grazzja, iżżommna milli ninġarru mill-vjolenza li qed tinvadi l-ħajja soċjali tagħna, għax il-grazzja tmewwet il-vanità u tagħmel possibbli l-ħlewwa tal-qalb. Il-qaddis ma jaħlix saħħtu jgerger għall-iżbalji ta’ ħaddieħor, jaf jiskot quddiem id-difetti ta’ ħutu u jevita l-vjolenza verbali li teqred u tagħmel il-ħsara, għax ma jħossux denn li jimxi iebes mal-oħrajn, imma pjuttost iqishom “aħjar minnu” (Fil 2:3).

 

117. Mhux sew li nħarsu ’l isfel mill-għoli, nagħmluha ta’ mħallfin bla ħniena, inqisu lill-oħrajn mhumiex denji u nippretendu l-ħin kollu li nistgħu nagħtu l-lezzjonijiet. Din hi għamla sottili ta’ vjolenza.[95] San Ġwann tas-Salib jipproponi ħaġa oħra: “Ara li dejjem tħobb li tkun mgħallem mill-bnedmin kollha aktar milli tkun tixtieq tgħallem lil dak li huwa l-inqas fost kollha”.[96] U żied parir biex inżommu bogħod mix-xitan: “Ifraħ bil-ġid tal-oħrajn bħalma tifraħ b’tiegħek innifsek, u ixtieq li bnedmin oħra jkunu ppreferuti aktar minnek f’kollox, u agħmel dan b’qalbek kollha. U b’dan il-mod tirbaħ il-ħażin bit-tajjeb, u tkeċċi ’l barra ’l bogħod minnek lid-demonju, u jkollok hena f’qalbek; tħabat li titħarreġ f’dan l-aktar ma’ dawk li jinżlulek l-inqas. Kun af li, jekk ma titħarriġx b’dan il-mod, ma tiksibx l-imħabba vera, u lanqas qatt timxi ’l quddiem fl-imħabba”.[97]

 

118. L-umiltà tista’ tniżżel għeruqha fil-qalb biss permezz tal-umiljazzjonijiet. Mingħajr dawn, la hemm umiltà u lanqas qdusija. Jekk int m’intix kapaċi ġġarrab u toffri xi umiljazzjonijiet, m’intix umli u m’intix qiegħed fit-triq tal-qdusija. Il-qdusija li Alla jagħti lill-Knisja tiegħu tiġi permezz tal-umiljazzjonijiet ta’ Ibnu: din hija t-triq. L-umiljazzjoni twasslek biex issir tixbah lil Ġesù, hi parti mix-xebh ma’ Kristu li ma nistgħux naħarbu: “Għal dan intom kontu msejħa, għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu” (1 Piet 2:21). Hu min-naħa tiegħu jurina l-umiltà tal-Missier, li jiċċekken biex jimxi mal-poplu tiegħu, li jistabar bl-infedeltajiet u t-tgemgim tiegħu (ara Eż 34:6-9; Għerf 11:23-12,2; Lq 6:36). Għal din ir-raġun l-Appostli, wara l-umiljazzjoni, kienu “ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù” (Atti 5:41).

 

119. M’iniex nirriferi biss għas-sitwazzjonijiet vjolenti tal-martirju, imma għall-umiljazzjonijiet ta’ kuljum ta’ dawk li jistabru biex jistgħu jsalvaw lill-familja tagħhom, jew jevitaw li jitkellmu tajjeb fuqhom infushom u jippreferu jfaħħru lill-oħrajn flok jiftaħru b’rixhom, jagħżlu l-karigi inqas brillanti, u xi drabi jagħżlu saħansitra li jġarrbu xi ħaġa inġusta biex joffruha lill-Mulej: “Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla” (1 Piet 2:20). Dan ma jfissirx li timxi rasek baxxuta, titkellem ftit jew taħrab mis-soċjetà. Xi drabi, proprju għax hu ħieles mill-egoċentriżmu, xi ħadd jista’ jkollu l-kuraġġ jiddiskuti b’rispett, ifittex ġustizzja jew jiddefendi d-dgħajfin quddiem is-setgħanin, imqar jekk dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq kif jidher.

 

120. Lanqas qed ngħid li l-umiljazzjoni hi xi ħaġa li għandna nieħdu pjaċir biha, għax dan ikun masokiżmu, imma li din hi triq biex nixbhu lil Ġesù u nikbru fl-għaqda tagħna miegħu. Fuq livell naturali dan ma jagħmilx sens u d-dinja twaqqa’ għaċ-ċajt proposta bħal din. Hi grazzja li jeħtieġ nitolbu: “Mulej, meta jitfaċċaw l-umiljazzjonijiet, għinni nħossni li miexi warajk, fl-istess triq tiegħek”.

 

121. Din l-imġiba titlob qalb fis-sliem ma’ Kristu, ħielsa minn dik l-aggressività li tiġi minn ‘jien’ kbir wisq. Dan l-istess sliem, xogħol il-grazzja, jagħtina ċertezza ġo fina u jgħinna nirreżistu, nipperseveraw fit-tajjeb “imqar jekk nimxi f’wied mudlam” (Salm 23:4) jew anki “jekk eżerċtu jqum għalija” (Salm 27:3). Sħaħ fil-Mulej, il-Blata tagħna, nistgħu ngħannu: “Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni” (Salm 4:9). Bla dubju, Kristu “hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14) u ġie biex “imexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem” (Lq 1:79). Lil Santa Fawstina Kowalska qalilha li “l-bnedmin ma jkollhomx paċi sakemm ma jdurux bil-fiduċja lejn il-Ħniena tiegħi”.[98] Mela ejja ma naqgħux fit-tentazzjoni li nfittxu ċ-ċertezza ta’ ġo fina fis-suċċessi, fil-pjaċiri vojta, f’kemm għandna ġid, fil-ħakma fuq l-oħrajn jew f’kif nidhru quddiem is-soċjetà: “Nagħtikom is-sliem tiegħi”, imma “ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27).

 

Il-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu

122. Dan li għedna sa issa ma jfissirx li jkollna spirtu magħluq, imdejjaq, qares, malinkoniku, jew b’geddum sal-art u bla ħeġġa. Il-qaddis kapaċi jgħix bil-ferħ u b’sens ta’ umoriżmu. Mingħajr ma jitlef ir-realiżmu, idawwal lill-oħrajn bi spirtu pożittiv u mimli tama. Li nkunu Nsara hi “grazzja fl-Ispirtu s-Santu” (Rum 14:17), għax “wara l-imħabba tal-karità bilfors jiġi l-ferħ. Għax min iħobb dejjem se jgawdi mill-għaqda mal-maħbub […] Għalhekk li wara l-karità jiġi l-ferħ”.[99] Aħna rċivejna l-ġmiel ta’ Kelmtu u nilqgħuha “fost ħafna taħbit bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu” (1 Tess 1:6). Jekk inħallu lill-Mulej jaqlagħna minn ġol-qoxra tagħna u jibdlilna ħajjitna, allura nkunu nistgħu naslu għal dak li talab minna San Pawl: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil 4:4).

 

123. Il-profeti ħabbru ż-żmien ta’ Ġesù, li aħna qegħdin ngħixu, bħala rivelazzjoni tal-ferħ: “Aqbeż bil-ferħ, għanni!” (Iż 12:6); “Itla’ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm” (Iż 40:9); “Għannu, o smewwiet, aqbeż bil-ferħ, o art, infexxu fl-għana, o muntanji! Għax farraġ il-Mulej lill-poplu tiegħu; u ħenn għall-imsejknin tiegħu!” (Iż 49:13); “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ” (Żak 9:9). U ma ninsewx l-eżortazzjoni ta’ Neħemija: “La ssewdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom” (8:10).

 

124. Marija, li għarfet tiskopri l-ġdid li ġab Ġesù, għanniet: “Ruħi tfaħħar” (Lq 1:47), u Ġesù nnifsu “tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu” (Lq 10:21). Kull fejn għadda hu, “in-nies ilkoll ferħu” (Lq 13:17). Wara l-qawmien, kull fejn kienu jirfsu d-dixxipli kien ikun hemm “ferħ kbir” (Atti 8:8). Lilna Ġesù jagħtina ċertezza: “Intom għad tibku u tingħu, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena. […] Għad nerġa narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:20,22). “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).

 

125. Hemm mumenti ibsin, żminijiet tas-salib, imma xejn ma jista’ jeqred il-ferħ sopranaturali, li “jadatta ruħu u jinbidel, imma dejjem jibqa’ tal-inqas bħala xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies”.[100] Hi ċertezza ġewwinija, serenità mimlija bit-tama li toffri sodisfazzjon spiritwali li ma jistax jinftiehem bil-kriterji ta’ din id-dinja.

 

126. Normalment il-ferħ Nisrani hu msieħeb mis-sens tal-umoriżmu, hekk ċar, ngħidu aħna, f’San Tumas More, f’San Vinċenz de Paul jew f’San Filippu Neri. Il-burdata ħażina mhijiex sinjal ta’ qdusija: “Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib” (Koħ 11:10). Hu hekk kotran dak li nirċievu mingħand il-Mulej “biex ingawdu bih” (1 Tim 6:17), li xi drabi n-niket jista’ jkun marbut mal-ingratitudni, ma’ li wieħed jibqa’ hekk magħluq fih innifsu li ma jibqax kapaċi jagħraf id-doni ta’ Alla.[101]

 

127. L-imħabba tiegħu ta’ Missier tistedinna: “Ibni, ġib ruħek tajjeb […]. Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba” (Sir 14:11,14). Iridna pożittivi, grati u mhux ikkumplikati żżejjed: “F’jum ir-riżq fittex gawdi […]. Alla għamel il-bniedem dritt, iżda huma jfittxu tagħwiġ bla għadd” (Koħ 7:14,29). F’kull sitwazzjoni, għandna nżommu spirtu flessibbli, u nagħmlu bħal San Pawl: “Jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli” (Fil 4:11). Hekk kien jgħix San Franġisk ta’ Assisi, li kien kapaċi jħalli qalbu titqanqal bi gratitudni quddiem biċċa ħobż niexfa, jew ifaħħar hieni lil Alla mqar għaż-żiffa li kienet iżżegħillu ’l wiċċu.

 

128. M’iniex nitkellem fuq il-ferħ konsumista u individwalista li hu tant preżenti f’xi esperjenzi kulturali tal-lum. Fil-fatt il-konsumiżmu ma jagħmilx għajr itaqqal il-qalb; jista’ joffri pjaċiri okkażjonali u li jgħaddu, imma mhux ferħ. Pjuttost qed nirreferi għal dak il-ferħ li ngħixuh f’komunjoni, li naqsmuh u nieħdu sehem minnu, għax “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35) u “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7). L-imħabba tal-aħwa tkattrilna l-ħila li nifirħu, għax tagħmilna kapaċi nifirħu bil-ġid tal-oħrajn: “Ifirħu ma’ min jifraħ” (Rum 12:15). “Nifirħu kull meta aħna nkunu dgħajfa, u intom setgħana” (2 Kor 13:9). Mill-banda l-oħra, jekk “nikkonċentraw fuq kollox fuq x’għandna bżonn aħna, inkunu nikkundannaw lilna nfusna biex ngħixu bi ftit ferħ”.[102]

 

Kuraġġ u ħeġġa

129. Fl-istess waqt, il-qdusija hi parresia: hi kuraġġ, hi qabża fl-evanġelizzazzjoni li tħalli marka f’din id-dinja. Biex dan iseħħ, Ġesù nnifsu jiġi jiltaqa’ magħna u jtennilna b’serenità u leħen sod: “Tibżgħu xejn” (Mk 6:50); “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). B’dawn il-kelmiet nistgħu nimxu u naqdu b’dik l-imġiba mimlija kuraġġ li l-Ispirtu s-Santu qanqal fl-Appostli biex wassalhom ixandru lil Ġesù Kristu. Kuraġġ, ħeġġa, nitkellmu b’libertà, żelu appostoliku, dan kollu jinġabar fl-kelma parresia, li biha l-Bibbja tesprimi wkoll il-libertà ta’ ħajja li hi miftuħa, għax tinstab disponibbli għal Alla u għall-aħwa (ara Atti 4:29; 9:28; 28:31; 2 Kor 3:12; Efes 3:12; Lhud 3:6; 10:19).

 

130. Il-Beatu Pawlu VI fost ix-xkiel għall-evanġelizzazzjoni semma sewwasew in-nuqqas ta’ parresia: “in-nuqqas ta’ ħeġġa… hija biċċa aktar serja għaliex ġejja minn ġewwa”.[103] Kemm drabi nħossuna mħajrin nieqfu fuq ix-xatt komdu! Imma l-Mulej isejħilna biex insalpaw iktar ’il barra u nixħtu x-xbieki tagħna f’ilmijiet iktar fondi (ara Lq 5:4). Jistedinna nqattgħu ħajjitna fil-qadi tiegħu. Iggranfati miegħu, insibu l-kuraġġ li nqiegħdu l-kariżmi kollha tagħna għall-qadi tal-oħrajn. Mhux li kien inħossuna misjuqa minn imħabbtu (ara 2 Kor 5:14) ħalli ngħidu ma’ San Pawl: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!” (1 Kor 9:16).

 

131. Ejja nħarsu lejn Ġesù: il-ħniena qawwija tiegħu ma kinitx xi ħaġa li ġagħlitu jikkonċentra fuqu nnifsu, ma kinitx kompassjoni li żammitu wieqaf, waħda li qagħdet ittella’ u tniżżel jew kienet mimlija mistħija, kif ħafna drabi jiġri lilna, imma għalkollox bil-maqlub. Kienet ħniena li wasslitu biex joħroġ minnu nnifsu b’saħħtu kollha biex iħabbar, biex jibgħat f’missjoni, biex jibgħat lill-oħrajn ifejqu u jwasslu l-ħelsien. Nagħrfu d-dgħufija tagħna, imma nħallu lil Ġesù jeħodha f’idejh u jibgħatna f’missjoni. Aħna dgħajfin, imma qed inġorru fina teżor li jagħmilna kbar u li jista’ jagħmel tajbin u hienja lil dawk li jilqgħuh. Huma l-kuraġġ u l-ħeġġa appostolika li jagħmlu l-missjoni.

 

132. Il-parresia hi siġill tal-Ispirtu, xhieda tal-awtentiċità tat-tħabbira. Hi ċertezza hienja li twassalna biex insibu l-glorja tagħna fl-istess Evanġelju li nxandru, hi fiduċja li ma titħarrikx fil-fedeltà tax-Xhud fidil, li tagħtina ċ-ċertezza li xejn ma “jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla” (Rum 8:39).

 

133. Għandna bżonn tal-ispinta tal-Ispirtu biex ma neħlux minħabba l-biża’ u l-kalkolu, biex ma nidrawx nimxu biss fejn hu fiż-żgur. Niftakru li dak li jibqa’ magħluq, fl-aħħar mill-aħħar, riħa ta’ moffa jkollu u jmarradna. Meta l-Appostli ħassewhom ittentati li jibqgħu mwaħħlin minħabba fil-biża’ u l-perikli, qabdu jitolbu flimkien għall-parresia: “Issa mela, Mulej, ħares lejn it-theddid tagħhom, u agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu” (Atti 4:29). U t-tweġiba kienet li “kif spiċċaw jitolbu, il-post fejn kienu miġbura theżżeż, u lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu” (Atti 4:31).

 

134. Bħall-profeta Ġona, dejjem qed inġorru rieqda fina t-tentazzjoni li naħarbu lejn post fiż-żgur li jista’ jkollu ħafna ismijiet: individwaliżmu, spiritwaliżmu, għeluq f’dinjiet ċkejkna, dipendenza, sistemazzjoni, ripetizzjoni ta’ skemi mfassla minn qabel, dommatiżmi, nostalġija, pessimiżmu, kenn fin-normi. Xi drabi nsibuha bi tqila biex noħorġu minn territorju li konna nafuh sewwa u kien qrib tagħna. Madankollu, id-diffikultajiet jistgħu jkunu bħat-tempesta, il-balena, id-dudu li nixxef is-siġra tar-riġnu ta’ Ġona, jew ir-riħ u x-xemx li ħarqulu rasu; u kif ġralu hu, jista’ jkollhom il-funzjoni li jreġġgħuna lura għand dak Alla li hu mimli ħlewwa u li jrid imexxina lejn triq soda u ta’ tiġdid.

 

135. Alla hu dejjem ġdid, u jixprunana l-ħin kollu biex nibdew mill-ġdid u nibdlu l-post biex immorru lil hemm minn dak li nafu, lejn il-periferiji u l-fruntieri. Jeħodna hemm fejn tinsab l-umanità l-iżjed miġruħa u fejn il-bnedmin, taħt il-qoxra u l-konformiżmu li jidhru minn barra, jissoktaw ifittxu t-tweġiba għall-mistoqsija fuq is-sens ta’ ħajjithom. Alla ma jibżax! Ma jibżax! Dejjem imur lil hemm mill-iskemi tagħna u ma jibżax mill-periferiji. Hu stess sar periferija (ara Fil 2:6-8; Ġw 1:14). Għalhekk, jekk nissograw noħorġu fil-periferiji, hemm sa nsibuh: hu jkun diġà hemm. Ġesù jimxi qabilna fil-qalb ta’ dak ħuna, fil-ġisem midrub tiegħu, fil-ħajja misħuqa tiegħu, fir-ruħ mudlama tiegħu. Hu jinsab hemm diġà.

 

136. Hu minnu li rridu niftħu l-bieb tagħna għal Ġesù Kristu, għax hu jħabbat u jsejjaħ (ara Apok 3:20). Imma xi drabi nistaqsi lili nnifsi jekk, minħabba l-arja tal-awtoreferenzjalità tagħna li bilkemm tħallik tieħu n-nifs fiha, Ġesù huwiex qiegħed iħabbat minn ġewwa fina biex inħalluh joħroġ barra. Fl-Evanġelju naraw kif Ġesù kien “idur l-ibliet u r-rħula, jipprietka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla” (Lq 8:1). Anki wara l-qawmien, meta d-dixxipli telqu lejn kull naħa, “il-Mulej kien jaħdem magħhom” (Mk 16:20). Din hi d-dinamika li tnixxi mill-vera laqgħa.

 

137. Dak li drajna fih iħajjarna u jgħidilna li ma fihx sens li toqgħod tfittex li tbiddel l-affarijiet, li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem din is-sitwazzjoni, li minn dejjem hekk kien u li safrattant xorta bqajna mexjin. Għax issa drajna, ma għadniex naffrontaw il-ħażin u qed inħallu l-affarijiet “jibqgħu sejrin hekk”, jew kif xi wħud iddeċidew li għandhom ikunu. Imma allura ejja nħallu lill-Mulej jiġi u jqajjimna, iriegħed ftit it-telqa tagħna, u jeħlisna mill-għażż li weħilna fih! Nisfidaw dak li hu tas-soltu, niftħu tajjeb għajnejna u widnejna, u fuq kollox qalbna, biex inħallu jċaqlaqna dak li qed jiġri madwarna u l-karba tal-Kelma ħajja u effettiva tal-Irxoxt.

 

138. Iċaqlaqna minn postna l-eżempju ta’ tant saċerdoti, reliġjużi u lajċi li jiddedikaw ħajjithom biex ixandru u jaqdu b’fedeltà kbira, ħafna drabi b’riskju għal ħajjithom u żgur bi prezz għall-kumdità tagħhom. Ix-xhieda tagħhom tfakkarna li l-Knisja m’għandhiex bżonn ta’ tant burokrati u funzjonarji, imma ta’ missjunarji mqanqla, imkebbsa bil-ħeġġa li jwasslu l-ħajja vera. Il-qaddisin jgħaġġbuna, jaqbduna fuq sieq waħda, għax ħajjithom issejħilna biex noħorġu mill-medjokrità trankwilla u li lluppjatna.

 

139. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma noqogħdux nitlajjaw meta l-Ispirtu jitlob minna li mmiddu pass ’il quddiem; nitolbuh il-kuraġġ appostoliku li nwasslu l-Evanġelju lill-oħrajn u li ma nħallux li ħajjitna ssir mużew ta’ tifkiriet. F’kull qagħda, inħallu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna nikkontemplaw l-istorja mil-lenti ta’ Ġesù Rxoxt. Hekk il-Knisja, flok tegħja, tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem billi tilqa’ s-sorpriżi tal-Mulej.

 

Fil-komunità

140. Diffiċli ħafna neħduha kontra l-konkupixxenza tagħna u kontra l-periklu u t-tentazzjonijiet tax-xitan u tad-dinja egoista, jekk nibqgħu iżolati. Tant hu kbir il-bumbardament li qed jaħbat għalina li, jekk aħna wisq waħidna, faċli nitilfu s-sens tar-realtà, iċ-ċarezza interjuri, u nogħtru.

 

141. Il-qdusija hi mixja komunitarja, li nagħmlu tnejn tnejn. Hekk juruhielna xi komunitajiet qaddisa. F’diversi okkażjonijiet il-Knisja kkanonizzat komunitajiet sħaħ li għexu l-Evanġelju b’mod erojku u li offrew lil Alla l-ħajja tal-membri kollha tagħhom. Jiġuna f’moħħna, ngħidu aħna, is-seba’ fundaturi qaddisa tal-Ordni tas-Servi ta’ Marija, is-seba’ beati reliġjużi tal-ewwel monasteru tal-Viżitazzjoni ta’ Madrid, San Pawl Miki u sħabu martri tal-Ġappun, Sant’Andrija Taegon u sħabu martri fil-Korea, Santu Rokku Gonzáles u San Alfons Rodríguez u sħabhom martri fl-Amerika ta’ Isfel. Niftakru wkoll fix-xhieda riċenti tal-monaċi Trappisti ta’ Tibhirine (l-Alġerija), li flimkien ħejjew ruħhom għall-martirju. Bl-istess mod hemm bosta koppji miżżewġa qaddisin, fejn kull parti kienet għodda għat-tqaddis tal-oħra. Il-ħajja u l-ħidma mal-oħrajn hi bla dubju ta’ xejn triq biex wieħed jikber spiritwalment. San Ġwann tas-Salib kien qal hekk lil dixxiplu tiegħu: qed tgħix mal-oħrajn biex “kulħadd jimmudellak u jippruvak”.[104]

 

142. Il-komunità hi msejħa toħloq dak “l-ispazju teologali fejn nistgħu nduqu l-preżenza mistika tal-Mulej li qam”.[105] Meta naqsmu l-Kelma u niċċelebraw flimkien l-Ewkaristija, dan jagħmilna iktar aħwa u ftit ftit jibdilna f’komunità qaddisa u missjunarja. Dan jagħti lok ukoll għal esperjenzi mistiċi awtentiċi li jingħaxu fil-komunità, kif kien il-każ ta’ San Benedittu u Santa Skolastika, jew dik il-laqgħa spiritwali sublimi li għexu flimkien Santu Wistin u ommu Santa Monika: “Meta mbagħad waslilha l-jum biex tinfired minn din il-ħajja, jum li kont taf bih int u mhux aħna, ġara dan il-fatt li se nsemmi u li jiena nemmen li kont inti li ridtu jiġri, skont il-pjan moħbi tiegħek. Jien u ommi konna waħidna, b’minkbejna mistreħin fuq ħoġor it-tieqa li tagħti għall-ġnien tad-dar fejn konna […]. Ressaqna fomm qalbna għatxana lejn ix-xmara tas-sema ħierġa mill-għajn tiegħek, il-għajn tal-ħajja li tinsab għandek […]. Aħna u nitħaddtu fuq il-għerf u nixtiquh, b’qabża sħiħa ta’ qalbna wasalna ħdejh u għal waqt wieħed stajna mmissuh […] hekk li l-ħajja ta’ dejjem [tkun qisha] dak il-waqt li fih għarafna x’inhi u ġagħlitna nitniehdu”.[106]

 

143. Imma dawn l-esperjenzi mhumiex l-iżjed ħaġa frekwenti, lanqas l-iżjed importanti. Il-ħajja komunitarja, fil-familja, fil-parroċċa, fil-komunità reliġjuża jew f’kull komunità oħra, hi magħmula minn tant dettalji ċkejkna tal-ħajja ta’ kuljum. Hekk kien jiġri fil-komunità qaddisa li sawru Ġesù, Marija u Ġużeppi, fejn deher bħala xempju għalina l-ġmiel tal-komunjoni Trinitarja. U hekk ukoll ġara fil-ħajja komunitarja li Ġesù għex flimkien mad-dixxipli tiegħu u man-nies sempliċi tal-poplu.

 

144. Niftakru kif Ġesù kien jistieden lid-dixxipli tiegħu joqogħdu attenti għad-dettalji.

Id-dettall ċkejken li kien qed jispiċċa l-inbid ta’ festa.

Id-dettall ċkejken li naqset nagħġa.

Id-dettall ċkejken tal-armla li offriet iż-żewġ muniti tagħha.

Id-dettall ċkejken taż-żejt maħżun fil-kus għall-imsiebaħ jekk l-għarus jiddawwar ma jasal.

Id-dettall ċkejken li jitlob lid-dixxipli jaraw kemm kellhom ħobż.

Id-dettall ċkejken tal-faħam jaqbad u l-ħut fuqu huwa u jistenna d-dixxipli mas-sebħ.

 

145. Il-komunità li tħares id-dettalji ċkejkna tal-imħabba,[107] fejn il-membri jieħdu ħsieb ta’ xulxin u joħolqu spazju miftuħ u ta’ evanġelizzazzjoni, hi mkien tal-preżenza tal-Irxoxt li jqaddisha skont il-pjan tal-Missier. Xi drabi, b’don tal-imħabba tal-Mulej, qalb dawn id-dettalji ċkejkna niġu mogħnija b’esperjenza farraġa ta’ Alla: “Darba, filgħaxija matul ix-xitwa, kont qiegħda naqdi bħas-soltu dan id-dmir żgħir, […] u f’daqqa waħda, smajt ġej mill-bogħod il-ħoss armonjuż ta’ strument mużikali, u bdejt inġib quddiem għajnejja xi sala mimlija dwal u ħwejjeġ imdiehba bi tfajliet, lebsin b’mod eleganti, li kienu qegħdin jitħaddtu flimkien u jagħmlu kull xorta ta’ kumplimenti lil xulxin waqt li jġibu ruħhom skont ma titlob l-imġiba tajba tad-dinja. Imbagħad, ħarsti waqgħet fuq l-imsejkna marida li kont qiegħda nwieżen; minflok in-noti tal-mużika, minn ħin għall-ieħor bdejt nisma’ t-tnehid u l-krib tagħha […]. Ma nistax infisser bil-kliem dak li għadda f’ruħi dak il-ħin: dak li naf huwa li l-Mulej dawwalha hu bir-raġġi tal-verità, li kienu hekk jiżbqu t-tlellix mudlam tal-festi ta’ din l-art illi ma stajtx nemmen il-ferħ tiegħi”.[108]

 

146. Kontra t-tendenza tal-individwaliżmu konsumista li jispiċċa jaqtagħna għalina waħidna niġru wara l-ġid li ħadilna ħaddieħor, il-mixja tagħna lejn il-qdusija ma tistax tehda titwaħħad ma’ dik ix-xewqa ta’ Ġesù: li “kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġw 17:21).

 

Nitolbu l-ħin kollu

147. Fl-aħħar nett, għalkemm tidher ħaġa ovvja, infakkru li l-qdusija hi magħmula minn qalb li tidra tinfetaħ għat-traxxendenza, li tesprimi ruħha fit-talb u fl-adorazzjoni. Il-qaddis hu persuna bi spirtu ta’ talb, li tħoss il-bżonn li tikkomunika ma’ Alla. Ma jissaportix li jifga fl-immanenza magħluqa ta’ din id-dinja, u qalb l-isforzi u l-għotja tiegħu jixxennaq għal Alla, joħroġ minnu nnifsu fit-tifħir u jwessa’ l-konfini tiegħu fil-kontemplazzjoni tal-Mulej. Ma nemminx fi qdusija mingħajr talb, anki jekk m’aħniex nitkellmu bilfors dwar mumenti twal jew sentimenti qawwija ħafna.

 

148. San Ġwann tas-Salib kien tal-parir li “nagħmlu kemm nistgħu biex inżommu l-preżenza ta’ Alla sew meta nħossuha, sew meta biss nistħajluha, sakemm tħallina l-ħidma tagħna”.[109] Fil-verità hi x-xewqa għal Alla li ma tistax b’xi mod ma tidhirx fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: “Ħalli jitħabat biex ikun kostanti fit-talb, li qatt ma għandu jitlaq ukoll qalb it-taħriġ tal-ġisem. Sew jekk ikun qiegħed jiekol u sew jekk jixrob, jekk ikun qiegħed jitkellem jew jikkomunika ma’ bnedmin fid-dinja, u sew jekk ikun qiegħed jagħmel xi ħaġa oħra, ħalli jixtieq dejjem lil Alla, u jkollu qalbu miġbuda lejh”.[110]

 

149. Madankollu, biex dan ikun possibbli, huma meħtieġa xi mumenti ddedikati biss għal Alla, fil-kwiet miegħu. Għal Santa Tereża ta’ Avila t-talb “mhux ħaġ’oħra ħlief rapport ta’ ħbieb, taħdita ta’ sikwit u waħedna qalb ma’ qalb ma’ Dak li nafu żgur li jħobbna”.[111] Nixtieq nagħfas fuq il-fatt li dan mhuwiex biss għall-ftit ipprivileġġjati, imma għal kulħadd, għax “ilkoll neħtiġuh dan is-skiet mimli bi preżenza meqjuma”.[112] It-talb kollu fiduċja hu tweġiba tal-qalb li tinfetaħ għal Alla ras imb ras, fejn insikktu l-ilħna l-oħra kollha biex nistgħu nisimgħu l-leħen ħelu tal-Mulej li jidwi fis-skiet.

 

150. F’dan is-skiet nistgħu ngħarblu, fid-dawl tal-Ispirtu, it-toroq ta’ qdusija li l-Mulej qed jistedinna għalihom. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet tagħna kollha jistgħu jkunu biss “tiżjin” jekk, flok nagħtu l-ewwel post lill-Evanġelju f’ħajjitna, ngħattuh jew nifgawh. Għal kull dixxiplu hu indispensabbli li joqgħod mal-Imgħallem, jisimgħu, jitgħallem minnu, jitgħallem dejjem. Jekk ma nisimgħux, il-paroli kollu tagħna jibqa’ biss storbju li ma jiswa għal xejn.

 

151. Niftakru li “hi l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Ġesù li miet u rxoxta li terġa’ tibni mill-ġdid l-umanità tagħna, anki dik f’biċċiet minħabba fit-taħbit tal-ħajja, jew imċappsa bid-dnub. Ma rridux nimmansaw il-qawwa tal-wiċċ ta’ Kristu”.[113] Allura ħallini nistaqsik: hemm waqtiet li fihom toqgħod fis-skiet tal-preżenza tiegħu, tibqa’ miegħu mingħajr għaġla ta’ xejn, u tħallih iħares lejk? Tħalli n-nar tiegħu jkebbes il-qalb tiegħek? Jekk ma tħallihx ikebbes fik il-ġamar sħun tal-imħabba u tal-ħlewwa, ma jkollokx nar, u hekk kif ħa tkun tista’ tqabbad il-qalb tal-oħrajn bix-xhieda tiegħek u l-kliem tiegħek? U jekk quddiem il-wiċċ ta’ Kristu għadek ma tistax tħallih ifejqek u jibdlek, allura idħol fil-ġewwieni tal-Mulej, idħol fil-pjagi tiegħu, għax hemm tgħammar il-ħniena divina.[114]

 

152. Madankollu nitlobkom biex is-skiet tat-talb ma nifhmuhx bħala ħarba li tiċħad id-dinja ta’ madwarna. Il-“pellegrin Russu”, li kien jimxi f’talb kontinwu, jirrakkonta li dik it-talba ma kinitx taqtgħu mir-realtà ta’ barra: “U matul il-jum, jekk kont niltaqa’ ma’ xi ħadd, skoprejt li l-bnedmin kienu saru għalija għeżież daqslikieku kienu l-eqreb qraba tiegħi. […] Mhux biss kont inħoss dan [id-dawl] f’ruħi, imma d-dinja kollha ta’ barra wkoll kienet tidher mimlija għaxqa u hena”.[115]

 

153. Lanqas l-istorja ma tgħib. It-talb, proprju għax jitmantna bid-don ta’ Alla li jissawwab f’ħajjitna, għandu jkun dejjem għani fil-memorja. Il-memorja tal-għemejjel ta’ Alla hi l-qafas tal-esperjenza tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu. Jekk Alla ried jidħol fl-istorja, it-talb hu minsuġ b’tifkiriet. Mhux biss bit-tifkira tal-Kelma rivelata, imma anki tal-ħajja tagħna, tal-ħajja tal-oħrajn, ta’ dak li l-Mulej wettaq fil-Knisja tiegħu. Hi l-memorja grata li dwarha jitkellem ukoll Sant’Injazju ta’ Loyola fil-“Kontemplazzjoni biex naslu għall-imħabba”,[116] meta jitlobna nerġgħu nqiegħdu fil-memorja tagħna l-ġid kollu li rċivejna mingħand il-Mulej. Meta titlob, ħares lejn l-istorja tiegħek, u fiha ssib tant ħniena. Fl-istess waqt dan ikabbar l-għarfien tiegħek tal-fatt li l-Mulej qed iżommok fil-memorja tiegħu u ma jinsiek qatt. B’konsegwenza, jagħmel sens li titolbu jdawwal saħansitra l-iċken dettalji ta’ ħajtek, li lilu ma jaħarbulux.

 

154. It-talb hu espressjoni tal-qalb li tafda f’Alla, li taf li waħidha ma tistax tasal. Fil-ħajja tal-poplu fidil ta’ Alla nsibu ħafna talb mimli fidi ħelwa u fiduċja qawwija. Ma nneżżgħux mill-valur tagħha t-talba ta’ petizzjoni, li ħafna drabi sserrħilna qalbna u tgħinna nibqgħu mexjin ’il quddiem nitqabdu bit-tama. It-talb ta’ interċessjoni għandu valur partikulari, għax hu att ta’ fiduċja f’Alla kif ukoll espressjoni ta’ mħabba għall-proxxmu. Xi wħud, bi preġudizzji spiritwalisti, jaħsbu li t-talb għandu jkun kontemplazzjoni pura ta’ Alla, mingħajr distrazzjonijiet, bħallikieku l-ismijiet u l-uċuħ ta’ ħutna kienu tfixkil li għandna nevitaw. Bil-maqlub, fir-realtà t-talb jingħoġob aktar minn Alla u jista’ jqaddisna aktar jekk fih, bl-interċessjoni, infittxu li ngħixu l-kmandament doppju li ħallielna Ġesù. L-interċessjoni tesprimi l-impenn fratern mal-oħrajn meta fiha aħna nkunu kapaċi ndaħħlu l-ħajja tal-oħrajn, it-tbatijiet li l-aktar iħawdulhom qalbhom u l-isbaħ ħolmiet tagħhom. Dwar min jiddedika ruħu b’ġenerożità u jaqbeż għal ħutu jista’ jingħad bil-kliem tal-Bibbja: “Dan hu l-ħabib ta’ ħutu, il-bniedem li jitlob dejjem għall-poplu” (2 Mak 15:14).

 

155. Jekk nagħrfu tabilħaqq li Alla jeżisti, ma nistgħux għajr nadurawh, xi drabi fi skiet mimli għoġba, jew ngħannulu b’ġieħ ta’ festa. Hekk inkunu nesprimu dak li għex il-Beatu Charles de Foucauld meta qal: “Malli emmint li kien hemm Alla, fhimt li ma stajtx nagħmel mod ieħor ħlief ngħix biss għalih”.[117] Anki fil-ħajja tal-poplu pellegrin hemm ħafna ġesti sempliċi ta’ adorazzjoni pura, bħal ngħidu aħna meta “l-ħarsa tal-pellegrin tistrieħ fuq ix-xbieha li tissimbolizza l-ħlewwa u l-qrubija ta’ Alla. L-imħabba tieqaf, tikkontempla l-misteru, tiggustah fis-silenzju”.[118]

 

156. Il-qari tal-Kelma ta’ Alla fi spirtu ta’ talb, dik li hi oħla mill-għasel (ara Salm 119:103) u “xabla b’żewġt ixfar” (Lhud 4:12), jgħinna nibqgħu nisimgħu lill-Imgħallem biex ikun musbieħ għal riġlejna, dawl fil-mixi tagħna (ara Salm 119:105). Kif fakkruna tant tajjeb l-Isqfijiet tal-Indja, “il-qima għall-Kelma ta’ Alla mhijiex biss waħda mill-ħafna devozzjonijiet, ħaġa sabiħa imma li nistgħu ngħaddu mingħajrha. Hi ħaġa li qiegħda fil-qalba u fl-istess identità tal-ħajja Nisranija. Il-Kelma għandha fiha l-qawwa li tibdel il-ħajja”.[119]

 

157. Il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fl-Iskrittura Mqaddsa twassalna għall-Ewkaristija, fejn l-istess Kelma tilħaq l-ogħla qawwa tagħha, għax hi preżenza reali ta’ Dak li hu Kelma ħajja. Hemm, l-Assolut waħdieni jirċievi l-ikbar qima li tista’ tingħatalu f’din id-dinja, għax hu Kristu stess li jingħata. U meta nirċevuh fit-tqarbin, inġeddu l-patt tagħna miegħu u nħalluh iwettaq dejjem iżjed l-azzjoni tiegħu li kapaċi tibdilna.


 

IL-ĦAMES KAPITLU

TAQBIDA, SAHRA U DIXXERNIMENT

 

158. Il-ħajja Nisranija hi taqbida kontinwa. Trid il-qawwa u l-kuraġġ biex tista’ tieqaf lit-tentazzjonijiet tax-xitan u tħabbar l-Evanġelju. Din it-taqbida hi sabiħa ħafna, għax grazzi għaliha nistgħu nagħmlu festa kull darba li l-Mulej jirbaħ fil-ħajja tagħna.

 

It-taqbida u s-sahra

159. Din mhijiex biss taqbida kontra d-dinja u l-mentalità tagħha, li tqarraq bina, tistordina u tagħmilna nies ta’ nofs kedda, bla ħeġġa u bla ferħ. Lanqas mhi biss ġlieda kontra d-dgħufija tagħna u l-ġibdiet tagħna (kulħadd għandu tiegħu: l-għażż, iż-żina, il-mibegħda, l-għira, u l-bqija). Hi wkoll taqbida kontinwa kontra x-xitan, li hu l-prinċep tal-ħażen. Ġesù nnifsu jiffesteġġja r-rebħiet tagħna. Feraħ meta d-dixxipli tiegħu seħħilhom jimxu fix-xandir tal-Evanġelju, u għelbu x-xkiel tal-Ħażin, u thenna: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema” (Lq 10:18).

 

Xi ħaġa iżjed minn mit

160. Nibqgħu ma nammettux l-eżistenza tax-xitan jekk inwebbsu rasna li rridu nħarsu lejn il-ħajja biss bi kriterji empiriċi u mingħajr il-perspettiva sopranaturali. Proprju l-konvinzjoni li din is-setgħa tal-ħażin tinsab f’nofsna tippermettilna nifhmu għaliex xi drabi l-ħażin għandu qawwa hekk qerrieda. Hu minnu li l-awturi bibliċi kellhom għarfien kunċettwali limitat biex setgħu jesprimu ċerti realtajiet u li fi żmien Ġesù wieħed seta’ jifxel, ngħidu aħna, l-epilessija mal-possessjoni djabolika. Madankollu, b’dan m’għandniex nissimplifikaw iżżejjed ir-realtà u naffermaw li l-każijiet kollha li jirrakkontaw l-Evanġelji kienu mard psikiku u li żgur ix-xitan ma jeżistix u ma jaġixxix. Il-preżenza tiegħu nsibuha sa mill-ewwel paġni tal-Iskrittura, li tagħlaq bir-rebħa ta’ Alla fuq id-dimonju.[120] Fil-fatt, meta Ġesù ħallielna l-“Missierna”, hu riedna nagħlqu billi nitolbu lill-Missier jeħlisna mill-Ħażin. L-espressjoni li tintuża hemm mhix tirriferi għall-ħażen fl-astratt u t-traduzzjoni iktar preċiża tagħha hi “l-Ħażin”. Tindika essri personali li jitturmentana. Ġesù għallimna nitolbu ta’ kuljum għal dan il-ħelsien biex is-setgħa tiegħu ma taħkimniex.

 

161. Mela ejja ma naħsbux li hu xi mit, rappreżentazzjoni, simbolu, figura jew idea.[121] Dan il-qerq iwassalna biex noqogħdu inqas għassa, nittraskuraw jew nisfaw esposti iżjed. M’hemmx bżonn li hu jaħkimna. Javvelenana bis-semm tal-mibegħda, bid-dwejjaq, bl-għira, bil-vizzji. U hekk, waqt li aħna nkunu qed inwaqqgħu d-difiża tagħna, hu japprofitta biex jeqirdilna ħajjitna, il-familji tagħna u l-komunitajiet tagħna, għax “qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min se jibla’” (1 Piet 5:8).

 

Imqajma u kollna fiduċja

162. Il-Kelma ta’ Alla tistedinna b’mod ċar biex “nieqfu għat-tnassis tax-Xitan” (Efes 6:11) u nitfu “l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin” (Efes 6:16). Dan mhux kliem poetiku, għax anki l-mixja tagħna lejn il-qdusija hi taqbida kontinwa. Min dan ma jridx jagħrfu qed jesponi ruħu għall-falliment u l-medjokrità. Għat-taqbid għandna bżonn tal-armi b’saħħithom li jxiddilna l-Mulej: il-fidi li tesprimi ruħha fit-talb, il-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, l-adorazzjoni Ewkaristika, ir-Rikonċiljazzjoni sagramentali, l-opri ta’ karità, il-ħajja komunitarja, l-impenn missjunarju. Jekk nittraskuraw, faċli nitħajru għall-wegħdiet qarrieqa tal-ħażen, għax, kif kien jgħid is-saċerdot qaddis Brochero: “X’jiswa li Luċifru jwegħidkom li jeħliskom, anzi jixħitkom qalb il-ġid kollu tiegħu, jekk hu ġid qarrieqi, jekk hu ġid avvelenat!”.[122]

 

163. Tul din il-mixja, il-progress ta’ dak li hu tajjeb, il-maturazzjoni spiritwali u l-imħabba li tikber fina, huma l-aħjar lieva għall-ħażin. Ħadd ma jista’ jiqaflu jekk jagħżel li joqgħod jitlajja fejn hemm il-mewt, jekk jikkuntenta ruħu bil-ftit, jekk jieqaf joħlom li jista’ joffri lill-Mulej għotja isbaħ. Agħar minn hekk, jekk jibda jħossu mirbuħ, għax “min jitlaq bl-ewwel passi mingħajr ma jkollu fiduċja, diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu. […] It-trijonf Nisrani dejjem hu salib, imma salib li fl-istess ħin hu stendard ta’ rebħa, li nġorruh bi ħlewwa lesta biex tissielet kontra l-attakki tal-ħażen”.[123]

 

Il-korruzzjoni spiritwali

164. Il-mixja tal-qdusija hi għajn ta’ paċi u ta’ ferħ li l-Ispirtu jagħtina, imma fl-istess waqt titlob li nżommu l-“imsiebaħ mixgħula” (ara Lq 12:35) u nibqgħu attenti: “Warrbu kull xorta ta’ ħażen” (1 Tess 5:22); “ishru” (ara Mk 13:35; Mt 24:42); ma norqdux (ara 1 Tess 5:6). Għax dawk li ma jintebħux li qed jonqsu bil-kbir kontra l-Liġi ta’ Alla kapaċi jitkaxkru minn speċi ta’ sturdament jew jitmewtu. Billi ma jsibu xejn gravi fuqiex iċanfru lilhom infushom, ma jintebħux b’dik it-telqa li naqra naqra taħkem lill-ħajja spirtiwali tagħhom u jispiċċaw jegħjew u jikkorrompu ruħhom.

 

165. Il-korruzzjoni spiritwali hi agħar mill-waqgħa ta’ midneb, għax dan hu għama komdu u awtosuffiċjenti fejn fl-aħħar kollox donnu jidher leċitu: il-qerq, il-kalunnja, l-egoiżmu u tant xejriet sottili ta’ awtoreferenzjalità, għax “Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl” (2 Kor 11:14). Hekk temm jiemu Salamun, waqt li l-midneb kbir David għaraf jegħleb il-miżerja tiegħu. Hemm silta li fiha Ġesù wissiena dwar din it-tentazzjoni perikuluża li biha niżolqu lejn il-korruzzjoni: jitkellem fuq persuna meħlusa mid-demonju li, meta ħasbet li ħajjitha issa kienet indafet, spiċċat maħkuma minn seba’ spirti mniġġsa oħra (ara Lq 11:24-26). Test bibliku ieħor jinqeda bi xbieha qawwija: “Il-kelb idur għall-vomtu tiegħu” (2 Piet 2:22; ara Prov 26:11).

 

Id-dixxerniment

166. Kif inkunu nafu jekk ħaġa hix ġejja mill-Ispirtu s-Santu jew hix ġejja mill-ispirtu tad-dinja jew mill-ispirtu tax-xitan? L-uniku mod hu d-dixxerniment, li mhux biss jitlob ħila tajba ta’ raġunar u s-sens komun, imma hu wkoll don li rridu nitolbuh. Jekk nitolbuh bil-fiduċja lill-Ispirtu s-Santu, u fl-istess waqt nagħmlu mezz nikkultivawh bit-talb, ir-riflessjoni, il-qari u l-pariri tajba, żgur li nkunu nistgħu nikbru f’din il-ħila spiritwali.

 

Ħtieġa urġenti

167. Illum il-ġurnata d-dixxerniment sar partikularment meħtieġ. Fil-fatt, il-ħajja tal-lum toffri possibbiltajiet enormi ta’ azzjoni u ta’ distrazzjoni u d-dinja tippreżentahom bħallikieku kienu validi u tajbin. Ilkoll, imma l-aktar iż-żgħażagħ, aħna esposti għal zapping kontinwu. Illum possibbli li wieħed jaqleb għal fuq żewġ jew tliet skrins fl-istess ħin, u hekk ukoll jinteraġixxi f’diversi xenarji virtwali. Mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi f’idejn it-tendenzi taż-żmien.

 

168. Dan jirriżulta partikularment importanti meta fil-ħajja tagħna sseħħ xi ħaġa ġdida, u allura rridu ngħarblu jekk hix l-inbid il-ġdid li ġej minn Alla jew xi aspett ġdid qarrieq tal-ispirtu tad-dinja jew tal-ispirtu tax-xitan. F’okkażjonijiet oħra jseħħ bil-maqlub, għax il-qawwiet tal-ħażin jipperswaduna biex ma nibdlu xejn, biex inħallu kollox kif inhu, biex nagħżlu l-immobiliżmu u r-riġidità, u allura ma nħallux lill-Ispirtu jaħdem bin-nifs tiegħu. Aħna ħielsa, bil-ħelsien ta’ Ġesù, imma hu jsejħilna ngħarblu dak li hemm ġo fina – xewqat, tħassib, biżgħat, tamiet – u dak li jiġri barra minna – is-“sinjali taż-żminijiet” – biex nagħrfu liema huma t-toroq tal-libertà sħiħa: “Ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh” (1 Tess 5:21).

 

Dejjem għad-dawl tal-Mulej

169. Id-dixxerniment hu meħtieġ mhux biss f’mumenti straordinarji, jew meta nkunu rridu nsolvu problemi serji, jew meta rridu nieħdu deċiżjoni kruċjali. Hu għodda għat-taqbid biex nistgħu nimxu aħjar wara l-Mulej. Dejjem neħtiġuh: biex inkunu kapaċi nagħrfu ż-żminijiet ta’ Alla u l-grazzja tiegħu, biex ma naħlux it-tnebbiħ tal-Mulej, biex ma nħallux taqa’ fuq widnejn torox l-istedina tiegħu biex nikbru. Ħafna drabi dan insibuh fil-ħwejjeġ iż-żgħar, f’dak li jidher irrelevanti, għax in-nobbiltà tal-qalb tidher fil-ħwejjeġ sempliċi u ta’ kuljum.[124] Ifisser li ma npoġġux limiti għall-kobor, għal dak li hu l-aħjar u l-isbaħ, imma fl-istess waqt nikkonċentraw fuq iż-żgħir, fuq dmirna llum. Għalhekk nitlob lill-Insara kollha ma jittraskurawx li ta’ kuljum, fi djalogu mal-Mulej li jħobbna, jagħmlu eżami sinċier tal-kuxjenza. Fl-istess waqt, id-dixxerniment iwassalna biex nagħrfu l-mezzi konkreti li l-Mulej jislifna fil-pjan misterjuż ta’ mħabbtu, biex ma niqfux biss fl-intenzjonijiet tajba tagħna.

 

Don sopranaturali

170. Hu minnu li d-dixxerniment spiritwali ma jeskludix l-għajnuniet tax-xjenzi umani, eżistenzjali, psikoloġiċi, soċjoloġiċi jew morali. Imma jgħaddihom ilkoll. U lanqas huma biżżejjed għalih in-normi għaqlin tal-Knisja. Niftakru dejjem li d-dixxerniment hu grazzja. Anki jekk jinkludi r-raġuni u l-prudenza, imur lil hemm minnhom, għax hu jgħarrex fil-misteru tal-pjan uniku u irrepetibbli li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna u li jitwettaq qalb l-iktar firxa wiesgħa ta’ kuntesti u limitazzjonijiet. Fin-nofs hawn m’għandniex biss xi ġid temporali, lanqas is-sodisfazzjon li nagħmlu xi ħaġa ta’ siwi, u lanqas ix-xewqa li jkollna l-kuxjenza f’postha. Hawn qed nitkellmu fuq is-sens ta’ ħajti quddiem il-Missier li jafni u jħobbni, dak veru, li għalih nista’ nagħti ħajti, u li ħadd iżjed minnu ma jafu daqshekk tajjeb. F’kelma waħda, id-dixxerniment iwassalna għall-istess għajn tal-ħajja li ma tmut qatt, jiġifieri “li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt” (Ġw 17:3). Ma jitlobx xi ħiliet speċjali u lanqas hu biss għall-iżjed intelliġenti u mgħallma, u l-Missier jitgħaxxaq juri ruħu lill-umli (ara Mt 11:25).

 

171. Anki jekk il-Mulej ikellimna b’modi differenti ħafna minn xulxin fuq ix-xogħol tagħna, permezz tal-oħrajn u f’kull mument, ma nistgħux ma nfittxux is-skiet tat-talb fit-tul biex fih nifhmu aħjar dan il-lingwaġġ, biex ninterpretaw it-tifsira vera tat-tnebbiħ li naħsbu li kellna, biex nikkalmaw l-ansjetajiet tagħna u nħarsu lejn il-ġabra sħiħa ta’ ħajjitna għad-dawl ta’ Alla. Hekk inħallu titnissel dik is-sintesi ġdida li tnixxi mill-ħajja mdawla tal-Ispirtu.

 

Tkellem, Mulej

172. Madankollu, jista’ jiġrilna li fit-talb stess nevitaw li nqiegħdu ruħna għall-konfront mal-libertà tal-Ispirtu, li jaħdem kif irid hu. Irridu niftakru li d-dixxerniment fit-talb jitlob minna l-ewwel u qabel kollox li nkunu lesti li nisimgħu: il-Mulej, l-oħrajn, l-istess realtà li dejjem tisfidana b’modi ġodda. Hu biss dak li lest jisma’ li jsib il-libertà li jiċċaħħad mill-perspettiva parzjali u insuffiċjenti tiegħu, mid-drawwiet tiegħu, mill-iskemi tiegħu. Hekk ikun tassew lest biex jilqa’ sejħa li tfarrak iċ-ċertezzi tiegħu imma li twasslu għal ħajja aħjar, għax mhux biżżejjed li kollox sejjer sewwa, li kollox trankwill. Jista’ jkun li Alla qed joffrilna xi ħaġa aktar, u fid-distrazzjoni għażżiena tagħna m’aħniex nagħrfuha.

 

173. Din l-imġiba ta’ smigħ naturalment titlob ubbidjenza għall-Evanġelju bħala l-ogħla kriterju, imma anki għall-Maġisteru li jħarsu, aħna u nfittxu li nsibu fit-teżor tal-Knisja dak li jista’ jkun aktar għammiel għas-salvazzjoni llum. Mhux napplikaw riċetti jew nirrepetu l-passat, għax l-istess soluzzjonijiet ma humiex validi għaċ-ċirkustanzi kollha u dak li kien jiswa f’kuntest jista’ jkun li ma jkunx hekk f’kuntest ieħor. Id-dixxerniment tal-ispirti jeħlisna mir-riġidità, li m’hemmx wisa’ għaliha quddiem l-illum dejjiemi tal-Irxoxt. L-Ispirtu waħdu jaf jinfed fix-xquq l-iżjed mudlama tar-realtà u jara l-isfumaturi kollha tagħha, biex joħroġ f’dawl ieħor il-ġdid tal-Evanġelju.

 

Il-loġika tad-don u tas-salib

174. Kundizzjoni essenzjali għall-progress tad-dixxerniment hi li nedukaw ruħna fis-sabar ta’ Alla u ż-żminijiet tiegħu, li qatt mhuma dawk tagħna. Hu ma “jniżżilx nar mis-sema fuq dawk li ma jemmnux” (ara Lq 9:54), lanqas iħalli lil dawk imħeġġa żżejjed “jiġbru s-sikrana” li tikber flimkien mal-qamħ (ara Mt 13:29). Fuq kollox, jitlob minna li nkunu ġenerużi, għax “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35). Id-dixxerniment ma nagħmluhx biex niskopru x’nistgħu niksbu iżjed minn din il-ħajja, imma biex nagħrfu kif nistgħu nwettqu aħjar il-missjoni li ġiet fdata f’idejna fil-Magħmudija, u dan ifisser li nkunu disposti għal ċaħdiet sal-punt li nagħtu kollox. Fil-fatt, il-ferħ hu paradossali u jirregalalna l-aħjar esperjenzi meta nilqgħu dik il-loġika misterjuża li mhijiex ta’ din id-dinja. Kif qal San Bonaventura dwar is-salib: “Din hi l-loġika tagħna”.[125] Jekk wieħed jagħmel tiegħu din id-dinamika, allura ma jħallix lil min imewwitlu l-kuxjenza, u jiftaħ qalbu kollha għad-dixxerniment.

 

175. Meta quddiem Alla ngħarblu t-toroq tal-ħajja, ma hemmx spazji li jitħallew barra. Fl-aspetti kollha tal-ħajja nistgħu nissoktaw nikbru u noffru lil Alla xi ħaġa iktar, imqar f’dawk li fihom inħossu l-ikbar diffikultajiet. Imma rridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jeħlisna u jkeċċi minna dak il-biża’ li minħabba fih ma nħalluhx jidħol f’xi rkejjen ta’ ħajjitna. Dak li jitlob minna kollox, jagħtina kollox hu, u ma jridx jidħol jgħammar fina biex iqaċċat jew idgħajjef, imma biex jagħmilna sħaħ. Dan jurina li d-dixxerniment mhuwiex xi analiżi prużuntuża tagħna nfusna, introspezzjoni egoista, imma ħruġ tassew minna nfusna lejn il-misteru ta’ Alla, li jgħinna ngħixu l-missjoni li għaliha sejħilna għall-ġid ta’ ħutna.

 

* * *

 

176. Nixtieq li tkun Marija li tinkuruna dawn ir-riflessjonijiet, għax hi, iktar minn ħaddieħor, għexet il-Beatitudnijiet ta’ Ġesù. Hija dik li qabżet bil-ferħ għall-preżenza ta’ Alla, dik li żammet kollox fil-qalb tagħha u ħalliet sejf jinfidha. Hi l-qaddisa fost il-qaddisin, l-iktar imbierka u hienja, dik li turina t-triq tal-qdusija u timxiha magħna. Hi ma taċċettax li meta naqgħu nibqgħu mal-art, u xi drabi ġġorrna f’dirgħajha mingħajr ma qatt tiġġudikana. Li nitkellmu magħha jfarraġna, jeħlisna u jqaddisna. L-Omm m’għandhiex bżonn ta’ ħafna diskors, m’hemmx bżonn li noqogħdu nisfurzaw ħafna biex nispjegawlha dak li qed inħossu. Biżżejjed illissnulha minn taħt l-ilsien għal darba, tnejn, iktar: “Sliem għalik, Marija”.

 

177. Nittama li dawn il-paġni jiswew lill-Knisja kollha biex tiddedika ruħha ħalli xxettel iktar fi ħdanha x-xewqa għall-qdusija. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jsawwab fina ħerqa qawwija li nkunu qaddisin għall-ikbar glorja ta’ Alla u nagħmlu l-qalb lil xulxin f’din il-fehma. Hekk naqsmu flimkien hena li d-dinja ma tkun tista’ qatt teħodhulna.

 

Mogħti Ruma, f’San Pietru, nhar id-19 ta’ Marzu, Solennità ta’ San Ġużepp, tas-sena 2018, is-sitt waħda tal-Pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


[1] Benedittu XVI, Omelija għall-bidu solenni tal-Ministeru Petrin (24 ta’ April 2005)AAS 97 (2005), 708.

[2] Hu x’inhu, wieħed jifhem li hemm il-fama tal-qdusija u t-tħaddim, tal-inqas fi grad ordinarju, tal-virtujiet Insara: ara Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu proprju Maiorem hac dilectionem (11 ta’ Lulju 2017), art. 2c: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Lulju 2017, p. 8.

[3] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 9.

[4] Ara Joseph Malègue, Pierres noires. Les classes moyennes du Salut, Paris 1958.

[5] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 12.

[6] Verborgenes Leben und EpiphanieGW XI, 145.

[7] San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 56: AAS 93 (2001), 307.

[8] Ittra appostolika Tertio millennio adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 37: AAS 87 (1995), 29.

[9] Omelija fil-Kommemorazzjoni ekumenika tax-xhieda tal-fidi tas-seklu XX (7 ta’ Mejju 2000), 5: AAS 92 (2000), 680-681.

[10] Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 11.

[11] Ara Hans U. Von Balthasar, “Teología y santidad”, Communio VI/87, 489.

[12] Kantiku spiritwali B, Prologu, 2: Opere, Roma 1979, 490.

[13] Ara ibid., 14, 2: p. 575.

[14] Ara Katekeżi fl-Udjenza ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2014: Insegnamenti II, 2 (2014), 555.

[15] San Franġisk ta’ SalesTrattat tal-imħabba ta’ Alla, VIII, 11: Opere complete di Francesco di Sales, IV, Roma 2011, 468.

[16] Cinque pani e due pesci. Dalla sofferenza del carcere una gioiosa testimonianza di fede, Milano 2014, 20.

[17] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi ta’ New ZealandHealing love, 1 ta’ Jannar 1988.

[18] Ara Eżerċizzi spiritwali, 102-312.

[19] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 515.

[20] Ibid., 516.

[21] Ibid., 517.

[22] Ibid., 518.

[23] Ibid., 521.

[24] Benedittu XVI, Katekeżi fl-Udjenza ġenerali tat-13 ta’ April 2011: Insegnamenti VII (2011), 451.

[25] Ibid.: 450.

[26] Ara Hans U. Von Balthasar, “Teología y santidad”, Communio VI/87, 486-493.

[27] Xavier Zubiri, Naturaleza, historia, Dios, Madrid 19993, 427.

[28] Carlo M. Martini, Le confessioni di Pietro, Cinisello Balsamo 2017, 69.

[29] Irridu niddistingwu dan id-divertiment superfiċjali minn kultura sana tal-mistrieħ, li tiftaħna għall-oħrajn u għar-realtà bi spirtu disponibbli u kontemplattiv.

[30] San Ġwanni Pawlu II, Omelija fil-quddiesa tal-kanonizzazzjoni (1 ta’ Ottubru 2000), 5: AAS 92 (2000), 852.

[31] Konferenza Episkopali Reġjonali tal-Afrika tal-PunentMessaġġ pastorali fi tmiem it-II Assemblea plenarja, 29 ta’ Frar 2016, 2.

[32] La donna povera, Reggio Emilia 1978, 375.

[33] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra Placuit Deo lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika dwar xi aspetti tas-salvazzjoni Nisranija (22 ta’ Frar 2018), 4: L’Osservatore Romano, 2 ta’ Marzu 2018, pp. 4-5: Kemm l-individwaliżmu Neopelaġjan u kemm id-disprezz Neonjostiku tal-ġisem jgħawġu l-istqarrija tal-fidi fi Kristu, Feddej waħdieni u universali”. F’dan id-dokument insibu l-qafas duttrinali biex nifhmu s-salvazzjoni Nisranija f’riferiment għall-friegħi Neonjostiċi u Neopelaġjani tal-lum.

[34] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 94: AAS 105 (2013), 1060.

[35] Ibid.: AAS 105 (2013), 1059.

[36] Omelija fil-quddiesa f’Dar Santa Marta, 11 ta’ Novembru 2016: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Novembru 2016, p. 8.

[37] Kif jgħallem San Bonaventura, “irridu nħallu l-ħidmiet kollha tal-intellett, biex il-quċċata tal-imħabba tiġi kollha meħuda u mibdula f’Alla. […] Billi biex jinkiseb dan, in-natura ma tista’ xejn u x-xjenza ftit li xejn, jeħtieġ li lill-istħarriġ ftit nagħtuh piż u ħafna lid-dilka spiritwali; ftit lill-ilsien u ħafna lill-ferħ ġewwieni; ftit lill-kliem u l-kotba, u kollox lid-don ta’ Alla, jiġifieri lill-Ispirtu s-Santu; ftit jew xejn lill-ħlejqa, u kollox lill-essenza ħallieqa, lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu” (Il-mixja tal-ħsieb f’Alla, VII, 4-5).

[38] Ittra lill-Gran Kanċillier tal-Università Pontifiċja Kattolika Arġentina għaċ-ċentinarju tal-Fakultà tat-Teoloġija (3 ta’ Marzu 2015): L’Osservatore Romano, 9-10 ta’ Marzu 2015, p. 6.

[39] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 40: AAS 105 (2013), 1037.

[40] Vidjomessaġġ għall-Kungress Internazzjonali tat-Teoloġija tal-Università Pontifiċja Kattolika Arġentina (1-3 ta’ Settembru 2015): AAS 107 (2015), 980.

[41] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 38: AAS 88 (1996), 412.

[42] Ittra lill-Gran Kanċillier tal-Università Pontifiċja Kattolika Arġentina għaċ-ċentinarju tal-Fakultà tat-Teoloġija (3 ta’ Marzu 2015): L’Osservatore Romano, 9-10 ta’ Marzu 2015, p. 6.

[43] Ittra lil Fra Antonju, 2: FF 251.

[44] Fuq is-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu, 9, 15.

[45] Id., Kummentarju għar-IV Ktieb tas-Sentenzi, 37, 1, 3, ad 6.

[46] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 94: AAS 105 (2013), 1059.

[47] Ara San Bonaventura, Is-sitt iġwienaħ tas-Serafini, 3, 8: Non omnes omnia possunt. Dan irridu nifhmuh fid-dawl tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1735.

[48] Ara San Tumas ta’ AquinoSumma Theologiæ, I-II, 109, 9, ad 1: “Madankollu, issa l-grazzja hi b’xi mod imperfetta għax – kif intqal – ma tfejjaqx lill-bniedem għalkollox”.

[49] In-natura u l-grazzja, 43, 50: PL 44, 271.

[50] L-Istqarrijiet, 10, 29, 40: PL 32, 796.

[51] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 44: AAS 105 (2013), 1038.

[52] Fl-għarfien tal-fidi Nisranija, il-grazzja tiġi qabel, flimkien u wara kull twettiq tagħna (ara Konċilju Ekumeniku ta’ Trento, Sess. VI, Decr. de iustificatione, kap. 5: DH, 1525).

[53] Omeliji fuq l-Ittra lir-Rumani, 9, 11: PG 60, 470.

[54] Omelija fuq l-umiltàPG 31, 530.

[55] Kanoni 4: DH 374.

[56] Sess. VI, Decretum de iustificatione, kap. 8: DH 1532.

[57] N. 1998.

[58] Ibid., 2007.

[59] San Tumas ta’ AquinoSumma Theologiæ, I-II, 114, 5.

[60] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, “Att ta’ Offerta lill-Imħabba kollha Ħniena ta’ Alla” (Talbiet, 6): Opere complete, Roma 1997, 943.

[61] Lucio Gera, “Sobre el misterio del pobre”, f’P. Grelot–L. Gera–A. Dumas, El Pobre, Buenos Aires 1962, 103.

[62] Din hi, bla dubju, id-duttrina Kattolika fuq il-“mertu” li jiġi wara l-ġustifikazzjoni: hu l-koperazzjoni tal-iġġustifikat biex tikber il-ħajja tal-grazzja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2010). Imma din il-koperazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li l-ġustifikazzjoni nfisha u l-imħabba ma’ Alla jsiru oġġett ta’ xi mertu uman.

[63] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 95: AAS 105 (2013), 1060.

[64] Ara Summa Theologiæ, I-II, q. 107, art. 4.

[65] Omelija fil-quddiesa fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-persuni soċjalment esklużi, 13 ta’ Novembru 2016: L’Osservatore Romano, 14-15 ta’ Novembru 2016, p. 8.

[66] Ara Omelija fil-quddiesa f’Dar Santa Marta, 9 ta’ Ġunju 2014: L’Osservatore Romano, 10 ta’ Ġunju 2014, p. 8.

[67] L-ordni bejn it-tieni u t-tielet beatitudni jvarja fid-diversi tradizzjonijiet testwali.

[68] Eżerċizzi spiritwali, 23d: Roma 19846, 58-59.

[69] Manuskritt Ċ, 12r: Opere complete, Roma 1997, 247.

[70] Sa miż-żminijiet Patristiċi l-Knisja tapprezza d-don tad-dmugħ, kif insibu wkoll fit-talba sabiħa “Ad petendam compunctionem cordis”: “O Alla li tista’ kollox u kollok tjieba, li ħriġt mill-blata għajn ta’ ilma ħaj għall-poplu għatxan, agħtina li mill-qalb iebsa tagħna jgelgel dmugħ ta’ ndiema, biex nistgħu nibku dnubietna u, għall-ħniena tiegħek, jistħoqqilna l-maħfra tagħhom” (Missal Ruman, ed. typ. 1962, p. [110]).

[71] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1789; ara 1970.

[72] Ibid., 1787.

[73] Il-qlajjiet u l-kalunnja huma bħal att terroristiku: jixħet bomba, jeqred, u mbagħad min jagħmel l-attentat jitlaq ’l hemm kuntent u trankwill. Dan hu differenti ħafna mill-kuraġġ ta’ min jersaq lejn dak li jkun u jkellmu wiċċ imb wiċċ, b’sinċerità serena, bil-ġid tal-ieħor fi ħsiebu.

[74] F’ċerti okkażjonijiet jista’ jkun hemm bżonn li wieħed jitkellem fuq id-diffikultajiet ta’ ħuh. F’dawn il-każi jista’ jiġri li jgħaddi interpretazzjoni flok fatt oġġettiv. Il-passjoni tgħawweġ ir-realtà konkreta tal-fatt, tibdlu f’interpretazzjoni u fl-aħħar tgħaddih mimli suġġettività. Hekk ir-realtà tisfa meqruda u ma tkunx qed tiġi rrispettata l-verità tal-persuna l-oħra.

[75] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 218: AAS 105 (2013), 1110.

[76] Ibid., 239: 1116.

[77] Ibid., 227: 1112.

[78] Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 41c: AAS 83 (1991), 844-845.

[79] Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 49: AAS 93 (2001), 302.

[80] Ibid.

[81] Bolla Misericordiæ Vultus (11 ta’ April 2015), 12: AAS 107 (2015), 407.

[82] Niftakruha r-reazzjoni tas-Samaritan it-tajjeb quddiem ir-raġel li l-ħallelin kienu ħallewh nofsu mejjet f’ġenb ta’ triq (ara Lq 10:30-37).

[83] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Kanadiżi – Kummissjoni għall-Affarijiet Soċjali, Ittra miftuħa lill-membri tal-Parlament, The Common Good or Exclusion: A Choice for Canadians (1 ta’ Frar 2001), 9.

[84] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-Karibew, skont il-maġisteru kostanti tal-Knisja, għallmet li l-essri uman “hu dejjem qaddis, sa mit-tnissil tiegħu, fil-fażijiet kollha tal-eżistenza tiegħu, sal-mewt naturali tiegħu u wara l-mewt”, u li l-ħajja tiegħu għandha tiġi mħarsa “mit-tnissil, fil-fażijiet kollha tagħha, sal-mewt naturali” (Dokument ta’ Aparecida, 29 ta’ Ġunju 2007, 388; 464).

[85] Regola, 53, 1: PL 66, 749.

[86] Ara ibid., 53, 7: PL 66, 750.

[87] Ibid., 53, 15: PL 66, 751.

[88] Bolla Misericordiæ Vultus (11 ta’ April 2015), 9: AAS 107 (2015), 405.

[89] Ibid., 10: AAS 107 (2015), 406.

[90] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016), 311: AAS 108 (2016), 439.

[91] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 197: AAS 105 (2013), 1103.

[92] Ara Summa Theologiæ, II-II, q. 30, a. 4.

[93] Ibid., ad 1.

[94] Cristo en los Pobres, Madrid 1981, 37-38.

[95] Hemm bosta xejriet ta’ bulliżmu li, minn barra jidhru eleganti u tar-rispett u saħansitra spiritwali ħafna, imma jqanqlu tant tbatijiet fl-istima li l-oħrajn għandhom tagħhom infushom.

[96] Twissijiet, 13: Opere, Roma 19794, 1070.

[97] Ibid.

[98] La Misericordia Divina nella mia anima. Diario della beata Suor Faustina Kowalska, Città del Vaticano 1996, 132.

[99] San Tumas ta’ AquinoSumma Theologiæ, I-II, q. 70, a. 3.

[100] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 6: AAS 105 (2013), 1221.

[101] Nirrikkmandalkom tgħidu t-talba attribwita lil San Tumas More: “Mulej, agħtini diġestjoni tajba u anki xi ħaġa x’niddiġerixxi. Agħtini ġisem b’saħħtu, u l-aptit it-tajjeb biex immantnih. Agħtini, Mulej, ruħ sempliċi li tagħraf tgħożż dak kollu li hu tajjeb u ma tibżax malajr quddiem id-dehra tal-ħażen, imma pjuttost issib dejjem mod kif terġa’ tpoġġi kollox lura f’postu. Agħtini ruħ li ma tafx tiddejjaq, tgorr, titniehed, tgerger, u tħallix li noqgħod ninkwieta żżejjed għal dik il-ħaġa wisq ingombranti li tissejjaħ ‘Jien’. Agħtini, Mulej, sens ta’ umoriżmu tajjeb. Agħtini l-grazzja li nilqa’ ċajta biex fil-ħajja niskopri ftit tal-ferħ, u nagħraf naqsmu wkoll mal-oħrajn. Hekk ikun”.

[102] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016), 110: AAS 108 (2016), 354.

[103] Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 80: AAS 68 (1976), 73. Interessanti nosservaw li f’dan it-test il-Beatu Pawlu VI jorbot mill-qrib il-ferħ mal-parresia. L-istess kif jilmenta fuq “in-nuqqas ta’ ferħ u tama”, ifaħħar dak “l-hena ħelu, li jagħti l-qawwa tal-evanġelizzatur” li hu għaqda ma’ “forza interjuri li ħadd u xejn ma jista’ joħnoq”, biex id-dinja ma tirċevix l-Evanġelju “mingħand evanġelizzaturi bla ħeġġa, qalbhom maqtugħa”. Tul is-Sena Mqaddsa tal-1975, l-istess Pawlu VI ddedika lill-ferħ l-Eżortazzjoni appostolika Gaudete in Domino (9 ta’ Mejju 1975): AAS 67 (1975), 289-322.

[104] Twissijiet, 15: Opere, Roma 19794, 1072.

[105] San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 42: AAS 88 (1996), 416.

[106] L-Istqarrijiet, IX, 10, 23-25: PL 32, 773-775.

[107] Niftakar b’mod speċjali fit-tliet kelmiet-muftieħ “jekk jogħġbok, grazzi, skużani”, għax “il-kliem f’postu, li jingħad fil-mument it-tajjeb, iħares u jirfed l-imħabba jum wara l-ieħor” (Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 19 ta’ Marzu 2016, 133: AAS 108 [2016], 363).

[108] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Manuskritt Ċ, 29 v-30r: Opere complete, Roma 1997, 269.

[109] Gradi ta’ perfezzjoni, 2: Opere, Roma 19794, 1079.

[110] Id., Pariri biex tilħaq il-perfezzjoni, 9: Opere, cit., 1078.

[111] Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù miktuba minnha stess, 8, 5: Opere, Roma 1981, 95.

[112] San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Orientale lumen (2 ta’ Mejju 1995), 16: AAS 87 (1995), 762.

[113] Diskors fil-V Konvenju Nazzjonali tal-Knisja Taljana, Firenze, 10 ta’ Novembru 2015: AAS 107 (2015), 1284.

[114] Ara San Bernard, Diskorsi fuq l-Għanja tal-Għanjiet 61, 3-5: PL 183, 1071-1073.

[115] Racconti di un pellegrino russo, Milano 19793, 41; 129.

[116] Ara Eżerċizzi spiritwali, 230-237.

[117] Ittra lil Enriku de Castries, 14 ta’ Awwissu 1901: Charles de Foucauld, Opere spirituali. Antologia, Roma 19835, 623.

[118] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-KaribewDokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 259.

[119] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Indja, Dikjarazzjoni finali tal-XXI Assemblea plenarja (18 ta’ Frar 2009), 3.2.

[120] Ara Omelija fil-quddiesa f’Dar Santa Marta, 11 ta’ Ottubru 2013: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Ottubru 2013, p. 12.

[121] Ara Beatu Pawlu VI, Katekeżi fl-Udjenza ġenerali tal-15 ta’ Novembru 1972: Insegnamenti X [1972], 1168-1170: “Wieħed mill-ikbar bżonnijiet hu d-difiża minn dak il-ħażen, li aħna nsejħulu d-Demonju. […] Il-ħażin m’għadux iżjed biss defiċjenza, imma effiċjenza, essri ħaj, spiritwali, marid u jmarrad. Realtà terribbli. Misterjuża u tal-biża’. Ikun joħroġ mill-kwadru tat-tagħlim bibliku u ekkleżjastiku min jirrifjuta li jagħraf l-eżistenza tiegħu; inkella min jagħmel minnu prinċipju għalih waħdu, li m’għandux huwa wkoll, bħal kull ħlejqa, il-bidu tiegħu f’Alla; jew jispjegah bħala psewdo-realtà, personifikazzjoni kunċettwali u tal-fantasija tal-kawżi mhux magħrufa tal-ħażen tagħna”.

[122] San José Gabriel del Rosario Brochero, Prietka tal-bnadar, f’Konferenza Episkopali ArġentinaEl Cura Brochero. Cartas y sermones, Buenos Aires 1999, 71.

[123] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 85: AAS 105 (2013), 1056.

[124] Fuq il-qabar ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola hemm dan l-epitaffju għaref: Non coerceri a maximo, contineri tamen a minimo divinum est (Li ma jkollok xejn ikbar li jillimitak, u madankollu kapaċi toqgħod ġo dak li hu l-iċken: dan hu divin).

[125] Fuq l-Hexæmeron, 1, 30.