L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Ċelebrazzjoni tal-Ħajja ta' Fra Grazzja Gauci OSA

 

Imwieled l-Għarb, Għawdex, fid-9 ta’ Frar 1911, minn familja ta’ bdiewa, Nazzarenu Gauci ssieħeb fl-Ordni Agostinjan ta’ tmintax-il sena fil-kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat ta’ Għawdex. Fis-16 ta’ Marzu 1930, fis-sagristija tal-knisja ta’ San Mark fir-Rabat ta’ Malta, irċieva l-abitu Agostinjan u l-isem reliġjuż ta’ Fra Grazzja.

Ftit xhur fuq il-professjoni sempliċi fl-24 ta’ Jannar 1934, ingħata l-ubbidjenza biex iservi l-komunità tal-Bażilika ta’ Santu Wistin ta’ Bona (illum Annaba), fl-Alġerija, fejn għal tnejn u erbgħin sena, qeda d-doveri ta’ sagristan, kok, purtinar u ħidmiet oħra fil-kwalità tiegħu ta’ kunvers. Kien propju f’din il-bażilika li għamel il-professjoni solenni tiegħu fil-15 ta’ Awwissu 1937.

Dejjem bit-tbissima lesta fuq fommu, Fra Grazzja għaddha ħajtu fil-qadi u s-servizz lejn l-oħrajn, fil-ħabi u s-silenzju. Lura fil-kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat ta’ Għawdex fl-1977, iddaħħal fid-Dar tal-Kleru fi Fleur-de-Lys fl-1995, fejn miet għaxar snin wara, fit-8 ta’ Frar 2005, lejliet li kellu jagħlaq l-94 sena tiegħu.

“Qaddej fidil” tal-Vanġelu, dan ir-reliġjuż għażiż qiegħed jiġi ppreżentat bħala eżempju mhux biss għar-reliġjużi, iżda għal dawk kollha li jirrikorru lejh, sabiex barra milli jseħħlu jkun dejjem aktar magħruf u maħbub, nimitawh sabiex inwettqu kliem l-Iskrittura Mqaddsa: “Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f'dan ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f’kulma tmidd idek għalih”  [Dt:15:10].

 

 

 

Serata f'ġieħ Fra Grazzja Gauci OSA

bi tħejjija għall-ftuħ tal-proċess għall-beatifikazzjoni tiegħu

Diskors minn Eman Bonnici

8 ta' Frar 2017

 

Eċċellenza Reverendissima,

Ministru Provinċjal u membri tal-Provinċja Agostinjana Maltija,

Reverendi Arċiprieti, Kappillani u membri tal-kleru,

Membri tal-Ġudikatura,

Qraba ta’ Fra Grazzja, ħbieb u intom ilkoll għeżież hawn miġbura llum

 

F’artiklu li ġejt mittub nikteb għar-rivista interna tal-Provinċja Agostinjana Maltija, “Ħolqa Bejnietna”, għadd ta’ patrijiet ikkumentawli li għoġobhom dak li ktibt fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Ministru Provinċjal li tkun ippreżentata mhux biss għall-membri tal-Provinċja imma għalina lkoll, figura ta’ sempliċi ajk minn fost it-tant membri li matul is-snin seħħilhom iħaddnu l-Ordni Agostinjan fi ħdan il-Provinċja Maltija ta’ San Mark u jedifikawh. F’dan ir-rigward infatti jiena niżżilt: “għaliex...propju dan id-daqsxejn ta’ ajk qiegħed jiġi ppreżentat bħala mudell għall-Agostinjani sħabu u għalina lkoll b’mod ġenerali? Insew forsi l-Patrijiet, kemm għorrief, skulari, kittieba, poeti, akkademiċi, professuri benemeriti, oraturi, kappillani, mexxejja għaqlin u artisti tgħodd il-Provinċja fost il-membri tagħha? Le, bla ebda dubju li hija ma nsiethomx. Imma ġaladarba ‘ħenjin huma l-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet’ [Mt:5:3], allura quddiem il-grammatika Latina u Taljana, il-proża u l-versi, il-paniġierki u l-proġetti ta’ restawr u bini, id-dommatika u l-morali, il-gradwazzjonijiet u t-titli akkademiċi, l-umiltà, is-sempliċità, it-tjubija, is-silenzju, il-ġabra u fuq kollox it-talb, huma virtujiet li jirbħu fuq kollox u għandhom jiġu fil-ħajja tar-reliġjuż, l-ewwel u qabel kollox.”

 

Il-Beatu Eġidju minn Assisi, it-tielet sieħeb ta’ San Franġisk, ħalla bosta kitbiet, li fosthom salvaw dawk li llum insejjħu bħala “Il-Qwiel”: ġabra ta’ kitbiet spiritwali mimlija għerf qaddis. F’silta minnhom naqraw: “Ħafna nies jidħlu fil-ħajja reliġjuża, imma mbagħad ma jgħixux skont il-virtujiet tagħha...Għix fir-reliġjon kif għandek tgħix u ibqa’ għix fiha sal-aħħar bid-devozzjoni - din hi tabilħaqq ħaġa kbira. Hu wisq aħjar li ngħix fid-dinja jien u nitniehed b’xenqa qaddisa għad-dħul fil-ħajja reliġjuża, milli nidħol fiha u nibqa’ b’moħħi mxerred u ngħix imdejjaq”.

 

Din ix-xenqa għall-qdusija li dwarha tkellem il-Beatu Eġidju, tirrifletti kliem l-Appostlu San Pawl, li fl-Ittra tiegħu lill-Efesin kiteb: “Hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” [Efes:1:4] u f’dik lir-Rumani: “Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta' Ibnu” [Rum:8:29]. Santu Wistin fl-“Istqarrijiet” tiegħu, dwar it-twaħħid ta’ ħajjet il-bniedem m’Alla iżid: “ħajti tkun tassew ħajja [jekk] mimlija bik”.

 

U propju ħajjet raġel - sempliċi fl-aspett u fl-għemil - iżda mimlija b’din il-ħeġġa ħajja ta’ mħabba lejn Alla u l-ħajja reliġjuża li fittex li jħaddan, qegħdin miġburin hawnhekk biex infakkru llejla. Ħajja ta’ bniedem li ma spikkatx bil-kliem, għax damma fis-silenzju; ħajjet raġel li ma telax kattedri, għax bilkemm kien jaf jikteb; ħajjet sempliċi ajk, li dejjem u f’kollox, fittex il-paċi tal-qalb fil-ħeġġa tax-xogħol tal-id, minn jum għal jum, bi tbissima dejjem lesta għal kull kmand u għemil ippreżentat lilu.

 

Ismu ma nsibuhx imniżżel fost l-għorrief, lanqas fost dawk tal-mexxejja kbar li seħħlu jkollha l-Provinċja matul is-snin; lanqas ma huwa magħruf minn kulħadd fost il-poplu, bħal San Ġorġ Preca jew Dun Alfred Gatt; għall-istess patrijiet ħafna drabi ma kienx ħlief “sempliċi ajk”, imma din is-sempliċità kienet biżżejjed biex wieħed fost sħabu, P. Martinjan Cutajar, jistqarr pubblikament iżjed minn darba, li: “Fra Grazzja hu eżempju ħaj u kontinwu għall-istess komunità tagħna”.

 

X’kellu allura daqstant sorprendenti, dan il-bniedem, bin il-bdiewa, li għaddha ħajtu magħluq bejn l-erba’ ħitan tal-kunventi li fihom seħħlu jgħammar, jekk skola ma kienx jaf, kitbiet ma ħalliex, proġetti ma wettaqx u f’ħajtu m’għamel l-ebda ħoss? Kellu, kif xehdet Swor Rose Zammit tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, “l-għerf t’Alla” u dan jixduh flimkien magħha dawk kollha li darba jew oħra seħħilhom jersqu viċin il-Fra tat-tbissima u jkellmuh.

 

Imwieled fir-raħal tal-Għarb f’din id-daqsxejn ta’ gżira, raħal li minnu ħarġu tant figuri prominenti fil-kunċett reliġjuż, bħal Karmni Grima u Franġisku Portelli, Franġisk Saverju Mercieca, magħruf appuntu bħala ‘Frenċ tal-Għarb’ u Mons. Nikol Cauchi, Nazzareno Gauci, kien l-iżgħar wild fost fost tmint itfal, li minnhom l-età adulta laħquha biss erba’. Salvu, il-missier, mill-familja “Ta’ Picioru” twieled f’żona li llum tagħmel mal-parroċċa ta’ San Lawrenz, waqt li l-omm, Pawla, mill-familja “Tar-Ramri”, kienet mill-Għarb. Kellu zijuh, ħu missieru, saċerdot, Dun Lawrenz Gauci, li ordnat għall-parroċċa ta’ San Lawrenz mill-Isqof Agostinjan Giovanni Maria Camilleri, serva dejjem f’dan ir-raħal taħt il-kappillani Dun Salv Portelli, Dun Ċelestin Galea, Dun Ġorġ Debrincat u Dun Girgor Vella. Kien saċerdot ta’ minn dawk li dari konna nsejħu “kampanjol”, forma ta’ saċerdoti tal-kampanja li llum għebu u spiċċaw u li fis-sempliċità tal-formazzjoni tagħhom, is-Sinjur Alla biss jaf kemm ġid wettqu matul is-snin, f’tant inħawi mbegħda u mwarrba ilu issa s-snin.

 

Il-personaġġ tagħna, kien l-uniku fost dawn it-tmien ulied, li twieled l-Għarb, propju fi Triq il-Knisja. Il-ġenituri tiegħu iżżewġu f’San Lawrenz, li sa dak it-tant kien twaqqaf f’parroċċa għalih, u hemm twieldu l-ewwel sebat itfal tal-koppja. Żaren twieled fid-9 ta’ Frar 1911 u tgħammed dakinhar stess bl-ismijiet ta’ Nazzarenu, Pawlu u Franġisk, fil-Matriċi tal-Għarb mill-Kanonku Dun Ġużepp Grech, imlaqqam “In-Neputi”. Trabba fil-faqar u hu stess kien jirrakkonta li ta’ tifel kien imur il-knisja tar-raħal kmieni filgħodu bil-qorq fuq spalltu u jxiddu f’riġlejh qabel ma jidħol għall-quddiesa sabiex ma jkagħbrux. Għal ħames snin, iffrekwenta l-iskola primarja tar-raħal u ta’ tmintax-il sena ingħaqad fi ħdan l-Ordni ta’ Santu Wistin. Wettaq in-novizzjat tiegħu fil-kunvent ta’ San Mark fir-Rabat ta’ Malta, fejn irċieva l-abitu u l-isem reliġjuż ta’ Fra Grazzja għall-Beatu Fra Grazzja minn Cattaro, Agostinjan, u propju f’din il-knisja fejn ninsabu miġburin, għamel il-professjoni sempliċi tiegħu f’idejn il-Pirjol P. Ġwann Battista Zerafa fl-24 ta’ Jannar 1934.

 

Sadanittant, wara snin twal ta’ attentati, l-Agostinjani fetħu l-ewwel kunvent tagħhom fl-Afrika, preċiżament fl-Alġerija, pajjiż Santu Wistin, u bl-affiljazzjoni afdata f’idejn l-Provinċja Maltija, l-ewwel membru tagħha mibgħut fil-post kien P. Mikiel Mizzi mix-Xagħra, wara li bħala pirjol tqiegħed il-Belġjan, P. Nicolas Merlin. Magħhom ingħaqdu żewġ ajkijiet: Fra Filippu Fenech mir-Rabat, Għawdex, u Fra Nazzarenu Vella minn Ħaż-Żebbuġ. Iżda peress li l-ewwel wieħed ma damx ma rritorna lura minħabba li l-klima tal-post ma qablet miegħu xejn u t-tieni eventwalment miet fil-post, mibgħut biex jgħin lil dan tal-aħħar fl-aħħar żmien tiegħu, insibu lil Fra Grazzja Gauci, dik il-ħabta żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena. Hemm, f’dak il-pajjiż sħun fl-art Afrikana li nissel lil Santu Wistin, fil-belt ta’ Bona, propju fejn il-qaddis wettaq il-ħidmiet episkopali tiegħu, fil-bażilika ddedikata kif xieraq lil Missier l-Ordni, Fra Grazzja kellu jqatta’ tnejn u erbgħin sena minn ħajtu: perjodu li matulu ħa ħsieb b’tant dedikazzjoni mhux biss tal-bażilika u ż-żewġ sagristiji tagħha, imma wkoll tal-kunvent. F’din il-bażilika, f’idejn P. Merlin, ħa l-voti solenni tiegħu nhar l-Assunta tal-1937.

 

F’dan it-tul ta’ snin, Fra Grazzja serva taħt seba’ retturi differenti: l-imsemmija P. Merlin u P. Mizzi, P. Awrelju Ciantar, P. Bonaventura Chetcuti, P. Ġwann Xerri, P. Ugolin Gatt u P. Luċjan Borg. Il-qadi tiegħu, kien fil-parti l-kbira, xogħol tal-id, ħidma li dwarha hu stess stqarr darba ma’ P. Bonaventura, li miegħu għaddha snin twal fl-Alġerija, li: “dak li huma l-prietki u l-kotba għalik, għalija huma l-ixkupa, il-barmil, il-borom u l-imgħażqa”.

 

Imma dak li qed iwassalna biex nippreżentaw din il-ħajja tiegħu, ma kinux biss il-bramel, il-borom u l-imgħażaq. Huma fuq kollox, il-ħeġġa, id-dedikazzjoni, is-silenzju, l-imħabba għall-kunvent u l-ħajja reliġjuża, li dan il-Fra bit-tbissima, għaraf jgħix il-vokazzjoni tiegħu. Fejn membri oħra tal-Provinċja kienu mehdijin bl-istudji, bil-kanonikati, bir-rużetti u bit-tberfil, li xi drabi xejjinhom milli jgħixu l-veru ħajja reliġjuża tagħhom, il-Fra għaraf jgħix din tal-aħħar b’mod hekk edifikanti, li l-figura silenzjuża tiegħu għamlet fil-veru sens tal-kelma ħafna aktar ħoss minn fost tant figuri oħra, li wkoll jekk meqjusa benemeriti u kif, il-ħoss li dewa tiegħu, kien dak tal-qdusija.

 

Fit-Tieni Ittra lill-Korintin, l-Appostlu tal-Ġnus, niżżel: “Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu” [2Kor:3:18]. Propju dan kien jirrifletti fis-sempliċità tiegħu minn ħidma għal oħra, Fra Grazzja: wiċċ mikxuf u rifless f’mera tal-glorja tas-Sinjur Alla. “L-akbar personaġġi tal-istorja”, kiteb il-filosofu Franċiż, Henri Bergson, “mhumiex il-konkwistaturi, imma l-qaddisin”.

 

Qaddisin? Iva, qaddisin. U hawnhekk nistaqsu, imma x’jagħmel qaddis minn dan kollu lil Fra Grazzja? Dan kollu għax għaddha ħajtu jiknes u jsajjar? Hawn tant nies li għaddew ħajjithom fl-istess mod, jaħslu, jsajjru, jikinsu u jarmaw il-knisja. B’daqshekk, x’għamel straordinarju aktar minn ħaddieħor dan l-ajk?

 

Ir-risposta għal dan tiġina permezz tal-Iskrittura Mqaddsa. Ma kienx forsi Ġesù Kristu stess li qal: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” [Mk:9:35]? U mhux propju dan kien Fra Grazzja, qaddej umli ta’ kulħadd? Ma qalx San Pawl: “Tagħmlu xejn b'pika ta' partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu” [Fil:2:3]. U mhux dan għamel il-Fra? U fil-ktieb tal-Proverbji, ma nsibux imniżżel: “Il-biża' tal-Mulej hu tagħlim l-għerf; u biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken” [Prov:15:33]. Ma ċċekkinx biżżejjed il-Fra tagħna, meta kien saħansitra umiljat mill-istess sħabu li kien iservi b’tant dedikazzjoni kuljum, li għajjruh “injorant” u litteralment “tawh bis-sieq”?

 

Intom u taqraw ħajjet il-Fra, sejrin tiskopru figura wisq aktar profonda milli bħalissa qegħdin timmaġinaw. Jiena stess għandi lanqas naf u lanqas ma jirnexxieli nispjega l-fatt, kif wasalt biex wettaqt din il-kompożizzjoni tal-ħajja tiegħu: bdejt mingħajr ma niddejjaq naħbi fil-veru tas-sens tal-kelma mix-xejn: ma kellix ħlief daqsxejn ta’ nekroloġju miktub b’tifkira tiegħu xi ġranet fuq mewtu minn P. Bonaventura Chetcuti. Illum wasalna, kif tistgħu taraw, għal tant aktar paġni u għadni s’issa ma nafx kif irnexxielna. Kienet il-provvidenza li għenitna? Kien il-Fra li mexxiena fid-direzzjoni t-tajba, minkejja li f’ħajtu dejjem fittex li jaħrab il-glorji tad-dinja u mqar l-iċken fost l-unuri? Iva, u dan nasal nemmnu, għax kull pass f’dan ir-rigward kien misteru u sorpriża kontinwa. U hawn nara kemm kienet għaqlija l-idea tal-Provinċjal, li minn fost il-membri kollha tal-Provinċja, jintgħażel daqsxejn ta’ ajk mhux magħruf u minsi, biex ikun ta’ eżempju għalina lkoll.

 

Biex naslu napprezzawh aktar, wieħed irid jiftakar fl-imħabba Marjana li l-Fra dejjem ġarr f’qalbu, b’mod speċjali għall-Madonna taħt it-titlu “Ta’ Pinu”, li taħt id-dell tas-santwarju tagħha huwa trabba u li lura f’Għawdex fl-aħħar snin, kien iżurha kull nhar t’Erbgħa; fis-salib u fit-tiġrib tal-mard, li kiddu ħafna imma li għaraf jilqgħu b’rassenjazzjoni tassew kbira fis-snin twal li fihom bata’; fid-dedikazzjoni u r-reverenza tiegħu lejn il-figura saċerdotali sal-aħħar ġranet, li għalih kienet hekk għażiża u matul is-snin assista patrijiet, prelati u saċerdoti mhux biss permezz tad-doveri mistennija minnu bħala ajk, imma wkoll f’tant ħwejjeġ oħra fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, inkluż fl-aħħar deċennju li għaddha fid-Dar tal-Kleru, fejn minkejja li fiha daħal għall-mistrieħ, din l-aħħar kelma donnu ma kienx jaf xi tfisser u sal-aħħar issokta għaddej bis-servizz tiegħu lejn l-oħrajn.

 

Xtaqt kieku nitkellem aktar fil-fond dwar dawn l-aspetti, imma l-ħin ma jippermettilniex, iżda dawn huma ppreżentati bl-aħjar mod possibbli fil-ħajja tiegħu li sejrin inqassmulkom dalwaqt.

 

Fra Grazzja ħa l-aħħar nifs tiegħu lejliet li kellu jagħlaq l-erbgħa u disgħin sena tiegħu bħal-lum tnax-il sena: ‘il bogħod mill-arja sħuna tal-pajjiż li fih tant ħadem u mill-kunventi li fihom għammar, imdawwar iżda b’imħabba mis-Sorijiet tad-Dar tal-Kleru. Minkejja t-tiġrib tal-mard, seħħlu jgħix ħajja twila, li permezz tagħha, wassal fis-silenzju tiegħu, il-Vanġelu lill-oħrajn. Kif denjament isejjaħlu l-Ministru Provinċjal, P. Raymond Francalanza, Fra Grazzja Gauci huwa fil-veru sens tal-kelma “Qaddej Fidil tal-Vanġelu”, iben dehen ta’ Santu Wistin u eżempju ħaj ta’ ħajja umli, sempliċi u missjunarja. Bniedem li fis-sempliċità tiegħu seħħlu jibdel il-qadi ta’ kuljum permezz tal-ixkupa, il-barmil, il-borom u l-imgħażqa, fil-ferħ tal-Vanġelu, u li permezz tagħhom, flimkien mas-skiet u l-eżempju, juri lill-oħrajn, it-triq għal għand is-Sinjur, triq li huwa stess dejjem fittex li jagħżel l-ewwel u qabel kollox.

 

Fil-ġranet li għaddew, wara li l-Provinċja Karmelitana Maltija nehdiet il-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ wieħed minn uliedha, P. Avertan Fenech, kien hemm diġà xi wħud li kkummentaw u staqsew “minn fejn qegħda taqla’ tali nies il-Knisja” u li “jekk il-Knisja qegħda tippreżenta kandidati għall-qdusija, issa tinsab tard wisq għax in-nies tilfet ormai il-fiduċja tagħha fiha”. Lil dawn ngħidulhom: nifhmu u nagħdru dak li intom għedtu, għax kulħadd għandu r-raġuni tiegħu, imma quddiem figuri bħal dawn, anki jekk nisimgħu bi skandlu f’ieħor, il-Knisja ma tistax tibqa’ siekta u ma tippromwoviex il-kult ta’ dawn uliedha. Tinsewx li fid-dinja, huwa l-ħażin biss li jagħmel ħoss...it-tajjeb ma jagħmel xejn. Jekk grupp żgħażagħ ikissru vetrina ta’ ħanut, l-għada jinġiebu fil-paġni ta’ quddiem fil-gazzetti, imma jekk imorru jwettqu ħidma volontarja xi mkien, ħadd ma jsemmiehom. Kif allura l-Knisja, jekk jissemmew membri tagħha li bi sfortuna nġarrew mal-kurrent, għax huma wkoll kienu tad-demm u l-laħam, ma ssemmiex u ma xxandarx lil dawk li edifikawha b’mod hekk sħiħ? It-teologu Żvizzeru, Hans Urs von Balthasar, kien jgħid li l-qaddisin jinqasmu f’żewġ kategoriji fundamentali: xi wħud huma rigal li Kristu nnifsu jagħti lill-Knisja: nies li matul is-sekli, il-kelma tagħhom kienet prolungament tal-Inkarnazzjoni, tweġiba għad-drammi tal-istorja li kelmithom kienet dik ta’ “Alla ħaj”, bħal San Benedittu ta’ Norċja, San Franġisk t’Assisi, San Bernard minn Chiaravalle, Sant’Injazju minn Loyola u Santa Tereża ta’ Lisieux, waqt li t-tieni, huma dawk li l-Knisja tagħti lil Kristu. Dan mhux għaliex hi għarfet tipproduċiehom, imma għaliex jesprimu minnhom infushom il-kura materna li biha l-Knisja - Miżżewġa u Omm - f’tali epoka u f’tali post, ikkustodiet u kabbret ulied imnissla mill-grazzja. U propju ma’ dawn, jaqa’ l-Fra tagħna.

 

San Ġwann minn Capestrano, fil-”Mera tal-Kleru” miktub minnu jgħid fir-rigward tar-reliġjużi: “‘Intom id-dawl tad-dinja’. Id-dawl ma jdawwalx lilu nnifsu, imma jferrex id-dija tiegħu u jdawwal kull ħaġa li taqa’ fid-dwar tiegħu. Hekk hi l-ħajja tal-membri tal-kleru li jgħixu ħajja tajba u qaddisa. Bis-sbuħija tiddi tal-ħajja qaddisa tagħhom, huma jagħtu d-dawl u s-serħan tal-qalb lil dawk li jħarsu lejhom”.

 

Jalla din il-mixja li bdejna hawnhekk illejla, ikollha quddiemha futur li minnu jinsilet ħafna ġid u xita ta’ grazzji. Nafdaw f’idejn is-Sinjur u intant nitolbu lil Fra Grazzja, jaqlgħalna dik il-grazzja li aħna nkunu mixtieqien minnha, hu li ta’ grazzja jġib propju l-isem. Fl-aħħarnett, nagħlaq bi kliem San Franġisk: “Qaddes lilek innifsek u dlonk tkun qiegħed tqaddes is-soċjetà”.