L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Fra Baskal Kapuċċin

FRA BASKAL

Dwar Fra Baskal ara wkoll ...

 

Sensiela ta' tliet programm audio dwar il-Qaddej ta' Alla, Fra Baskal Farrugia. Ħajr lir-Radju Katidral, Victoria, Għawdex. Preżentazzjoni minn Thomas D'Anastasi.  Tekniku Ġużeppi Bezzina.  Mistieden Fr Joe Buttigieg OFM Cap


Omelija fil-125 anniversarju minn meta
l-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia daħal mal-Patrijiet Kapuċċini
Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 7 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

 

Baskal Fra Ferħan

Fil-Bibbja naqraw illi “qalb ferħana tagħti s-saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem” (Prov 17:22).  Ma naħsibx li din hija xi verità rivelata minn Alla, imma l-bniedem jitgħallimha mill-esperjenza.  Fil-fatt, id-dwejjaq, in-niket u d-diżgwid itaqqlulna l-ħajja; imma meta nkunu kuntenti, il-ferħ mhux biss jimliena bil-ħajja u l-enerġija, imma jistimulana biex naqsmu din il-kuntentizza mal-oħrajn.  Għalhekk nifhem ukoll għaliex il-bniedem, partikularment il-bniedem tal-lum, ħafna drabi jinfixel għax ma jafx x’jaqbad jagħmel biex jikseb ferħ li jtul u mhux itirlu f’ħakka t’għajn.

Għalhekk għandu jinżlilna balzmu l-kliem ta’ Ġesù li jgħidilna: “Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).  Din hija tassew bxara tajba.  L-Iben ta’ Alla sar bniedem biex jgħinna nkunu ferħanin.  Is-sigriet ta’ dan il-ferħ li joffri Ġesù jinsab f’dak li qalilna – fi kliem ieħor fil-Vanġelu.  Il-Vanġelu ta’ Ġesù huwa għajn ta’ ferħ.  Ftit ilu l-Papa Franġisku tana kitba importanti ħafna bl-isem Il-Ferħ tal-Vanġelu.  Dan id-dokument tant hu sabiħ li ma nehdiex nirrakkomanda lil kulħadd biex jaqrah.  Fi kliem il-Papa, il-Vanġelu huwa “xmara ta’ ferħ” (5).  Dan il-Vanġelu, li għalina l-Insara huwa l-ktieb tal-ħajja tant li miegħu nikkonfrontaw l-għemil tagħna, huwa r-riċetta tal-ferħ veru.

Dan il-ferħ huwa garantit, għax min jifli l-Vanġelu jasal biex jagħraf lil Alla u jiltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Għax kif jgħid Santu Wistin, il-qalb tal-bnedmin ma ssibx mistrieħ jekk mhux meta ssib lil Alla.  Għalkemm aħna l-bnedmin nitħabtu, nieħdu inizjattivi u nagħmlu proġetti, xejn ma hu sejjer jagħtina sodisfazzjon li jibqa’ jekk Alla ma jkunx parti mill-programmi ta’ ħajjitna.  Fil-fatt, jekk tistaqsuni x’inhu l-aktar li jinkwetani bħala ragħaj spiritwali, ngħidilkom li nibża’ li llum ma għadniex inqajmu d-domanda dwar Alla: Fejn hu Alla u min hu Alla?  Ninkwieta meta nara li l-ġenerazzjoni li tielgħa qed titlef il-gost u l-interess f’Alla u għalhekk qed tittraskura li tagħmel mistoqsijiet dwar Alla.  Għal dawk li ma jistaqsux dwar Alla u ma għandhomx interess f’Ġesù, il-Vanġelu jsir sett ta’ obbligi li jxekklu flok jeħilsu, jew kitba fost l-oħrajn (u allura naqgħu fir-relattiviżmu) jew ittra mejta.

Aħna nġarrbu l-ferħ tal-Vanġelu meta nagħmlu l-esperjenza tal-imħabba; ma nistgħux inkunu ferħanin jekk ma nkunux maħbubin u jekk ma nafux inħobbu.  Fil-fatt, il-Vanġelu jurina li aħna maħbubin minn Alla u fl-istess waqt jindikalna b’liema mħabba għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna.  Ġesù nnifsu jgħidilna li jekk inħarsu l-kmandamenti tiegħu, nibqgħu fi mħabbtu u nkunu ferħanin (ara Ġw 15:10).  Dawn “il-kmandamenti” la huma l-liġi ta’ Mosè u lanqas il-mijiet ta’ preċetti li ħolqu l-awtoritajiet reliġjużi, imma huma tnejn: li wieħed iħobb lil Alla b’qalbu kollha, b’ruħu kollha u b’saħħtu kollha, u li jħobb lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu.

Illum qegħdin infakkru l-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta Fra Baskal Farrugia daħal fl-Ordni tal-Patrijiet Kapuċċini.  Fuq il-bieb taċ-ċella tiegħu f’dan il-kunvent, Fra Baskal kellu miktub is-sentenza mill-ktieb tal-Proverbji li semmejt aktar ’il fuq, jiġifieri li “qalb ferħana tagħti s-saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem”.  Meta nqis li Fra Baskal għadda l-biċċa l-kbira mis-sebgħa u erbgħin sena ta’ ħajja reliġjuża b’din is-sentenza ma’ wiċċu, ma nkunx nesaġera jekk ngħid li kull darba li jilmaħha kien iġedded l-impenn tiegħu biex irawwam fiħ il-ferħ tal-Vanġelu.  L-istess sejħa reliġjuża tiegħu kienet sejħa għall-ferħ. 

Fil-fatt, kif naqraw f’Ittra Appostolika li kiteb dan l-aħħar lill-persuni kkonsagrati, il-Papa Franġisku jgħid li dawk ikkonsagrati huma msejħa biex jagħmlu esperjenza u biex juru li Alla kapaċi jimla lil qalbna u jagħmilna ferħanin mingħajr ma jkollna l-ħtieġa li nfittxu l-ferħ bnadi oħra (2.1).

Bħal f’kull storja ta’ persuna reliġjuża, il-ħajja ta’ Fra Baskal kienet mixja wara Ġesù u ma’ Ġesù.  Baskal mar wara Ġesù għax ħassu msaħħar mill-ġmiel tiegħU.  Is-sejħa reliġjuża offrietlu l-possibbiltà li permezz tal-kunsilli evanġeliċi huwa sar jixbah lil Kristu fqir, safi u ubbidjenti.  Din il-mixja huwa mxieha bil-ferħ u wasslitu għall-ferħ għax sab lil Alla.  Fil-fatt, dawk li kienu midħla ta’ Fra Baskal, kienu jaraw fih il-bniedem ta’ Alla.  Min jafu jgħid li “is-serenità kienet tiddi fuq wiċċu”.  Il-qofol tal-ħajja reliġjuża ma huwiex l-appostolat imma n-namur ma’ Ġesù Kristu.  Mhux ta’ b’xejn li Fra Baskal kien jgħaddi ħin twil fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija.  Kif jinnota l-Papa Franġisku, ma jistax ikun hemm “dixxiplu mdejjaq”, għax inkella dan ikun ifisser li d-dixxipulat ta’ Ġesù huwa xi ħaġa tad-dwejjaq; meta l-verità hija l-kontra – min jitwaħħad ma’ Ġesù Kristu, jaqsam mill-ferħ divin tiegħU.

Il-Papa Franġisku jgħid li l-ferħ tal-Vanġelu jinbidel fil-ferħ tal-missjoni.  Min għandu l-ferħ veru (lil Alla), ma jafx iżommu għalih imma jikkomunikah mal-oħrajn.  Dan narawh ukoll fil-ħajja ta’ Fra Baskal.  Huwa kellu diversi ħidmiet fl-Ordni – kien kok, infermier, purtinar, sagristan u ċirkatur.  Iċ-ċirka kienet ħafna għal qalbu, u sajf u xitwa kien joħroġ fit-toroq iħabbat il-bibien biex jittallab il-karità.  Huwa kien japprofitta minn dawn il-kuntatti kemm biex jitkellem man-nies dwar Alla u kemm biex jagħmel karità mal-foqra.  Il-fantasija karitattiva tiegħu kienet kbira, tant li wieħed minn sħabu, Patri Ġjaċintu, jgħid li “mal-morda Fra Baskal kien veru omm”.

Bħal Missieru San Franġisk, Fra Baskal kien jaf li l-ferħ perfett (perfecta lætitia) kien iġarrbu meta xi ħadd kien jumiljah imma hu jibqa’ seren u kalm.  Darba l-Gwardjan tiegħu sabu qed jaħsel ħwejġu f’post fejn ma kienx suppost ikun u tah ħasla mhux ħażin; imma Fra Baskal baqa’ sieket u obda.

Filwaqt li nitolbu lil Alla biex jagħtina dan id-don tal-ferħ, nitolbuh ukoll biex il-Knisja tagħna tibqa’ tgawdi l-preżenza tar-reliġjużi li huma ikona ħajja ta’ dan is-sigriet: li l-ferħ veru jiġi mill-Vanġelu u l-għaqda tagħna ma’ Alla.


Ħdejn is-siġra ta’ Fra Baskal

Minn Fr Mario Attard OFM Cap

 

 

Kif tħossok meta tkun bil-għatx u xi ħadd ikollu l-qalb jagħtik tazza ilma friska? Ejjew ma mmorrux ‘il bogħod ħbieb u nilgħabuha tal-puliti! Għidli ftit kif tħossok meta ma tkunx tiflaħ iżżomm iktar u ssib toilet ħa tistrieħ? X’serħan iġġarrab hux! Hux veru li jxoqq l-għaraq għalik daqskemm tistrieħ! Ħeħe! Mhux ta’ b’xejn mela li l-Amerikani dak l-imbierek post li fih jilqa’ mill-aqwa Sultan sal-iktar persuna minsija f’din id-dinja (imma mhux mill-Mulej!) jgħidulu ir-restroom! Għalfejn se tiskrupla? Ma tħossokx tistrieħ int ukoll fih?

 

Daqstant ieħor veru li int u jien ninsabu għajjiena f’ħajjitna. U għajjiena tort tagħna tafux! Għax min qalilna inwaħħluha f’rasna li llum ma tista’ tafda lil ħadd? Li ma nafx ħaddieħor x’għandu lest għalija? Li ħadd ma jgħidli ‘aħsel wiċċek’ biex ikun aħjar minnu? Li għax xi ħadd għamilli fl-imgħoddi il-bżieq fuq imnieħri jfisser li jien fallut/a? Li għax xi drabi inġarrejt mal-kurrenti tas-soċjetà ‘moderna’ jfisser li minix kapaċi nżomm commitments fil-futur? Min qalli li għax uliedi iċċapsu mal-ħażin ifisser li se jibqgħu hekk? Li m’hu se jinqalgħu qatt minnu? Għalfejn se nħalli dawn il-preokupazzjonijiet jgħajjuni u jkissruni bil-bosta? Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies jgħiduli bid-dmugħ f’għajnejhom: “Patri għejjejt! Ma niflaħx iktar! Waħda wara l-oħra!”

 

Il-Patri għandu qalb bħal tiegħek. U jifhem il-weġgħat tiegħek għaliex f’ħajtu għandu xi jtaqqlu wkoll. Mela, kif kont qiegħed bilqiegħda fuq wieħed mis-siġġijiet sbieħ li għandna fil-kjostru tal-kunvent tagħna tal-Madonna tal-Grazzja f’Għawdex, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija, waqt li x-xemx kienet bdiet sewwa l-mixja tagħha biex tmur u iddawwal popli oħra, fil-ħemda ta’ filgħaxija, fettilli indawwar rasi lejn in-naħa tax-xellug tiegħi u aqta’ x’nilmaħ? Is-siġra ta’ Fra Baskal! Mela! Dik il-famuża siġra li tant tagħti larinġ mill-itjeb għax imbierek!

Kemm nies dari kienu jiġu l-kuvent tagħna l-Kapuċċini f’Għawdex biex jieħdu dik il-larinġa mis-siġra li għadha imħawla sallum taħt it-tieqa ta’ kamret Fra Baskal! Ma niskantax li anki grazzji kbar inqalgħu meta l-persuna kielet b’fidi dik il-larinġa! U mela lil Alla se nikkontrollawh aħna, daqxejn ta’ ħniex, kif se jaħdem!

 

Kif kont mixħut ixxamplat fuq dan l-imbierek ta’ siġġu fil-kjostru ħelu tal-kunvent ġie x’jgħidli biex nibda’ nitlob b’qalbi kollha lill-Mulej bit-talb tal-umli Fra Baskal għall-ħtiġijiet tan-nies li l-Mulej beda’ jġibli quddiemi f’dak il-waqt. Tassew li lill-Mulej ma toħodlux kopja. Kos hux! Anki meta nkunu ixxamplati jinqeda bina! Basta dik il-qalb li għandna midfuna fil-qafas ta’ sidirna tkun ixxamplata fih! Miftuħa ktieb quddiemu! X’Alla hu hux! Kif tridek ma tħobbux!

 

Hekk kif temmejt talbi l-Ispirtu ta’ Alla wrieni biex nikteb dan il- messaġġ u nibgħatu lil diversi nies. “Qiegħed ħdejn is-sigra tal-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal. Qiegħed nitlob għalik u għall-familja tiegħek bit-talb tiegħu. Ibierkek Alla li jista’ kollox fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Amen”. U bgħattu!

 

Ir-ruxxmata messaġġi li rċevejt lura ħallitni b’ħalqi miftuħ! Il-mowbajl tiegħi ma waqafx jirċievi messaġġi ta’ gratitudni minn nies li irringrazzjawni talli tellajt it-talba tagħhom quddiem il-Mulej bit-talb ta’ Fra Baskal! Ma’ kull messaġġ li bdejt nirċievi beda’ jqabbiżli d-dmugħ minn għajnejja! Gzuz kienu dawk li qalhuli biex nitlob għalihom! Minn dawk il-messaġġi kollha stajt nara iqattar id-dmugħ ta’ min lill-Mulej riedu f’ħajtu! X’jimporta f’liema sitwazzjoni kien? U tgħid Fra Baskal se joqgħod jagħmel xi differenza għal min jitlob? Mhux għalina ilkoll talab?

Li naf żgur hu li biswit is-siġra l-Fra umli u qaddis kien ferħan se jtir li sewa ta’ ġid kbir għal għajru! Għax hu wkoll ġarrab minn ħutu miskin! Imma t-tweġiba tiegħu kienet dejjem l-istess: “Għall-imħabba ta’ Alla kollox inġarrab!” Din hija t-tweġiba għalik u għalija minn ħdejn is-siġra ta’ Fra Baskal!

 

Patri Mario Attard OFM Cap

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta