L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

L-offerta tal-ħajja hi kawża ġdida għall-proċess ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni

 

 

 

ITTRA APPOSTOLIKA F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”

TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

“MAIOREM HAC DILECTIONEM”

DWAR L-OFFERTA TAL-ĦAJJA

 

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13).

 

Jixirqilhom qima u ġieħ speċjali dawk l-Insara li mxew iżjed mill-qrib fuq il-passi u t-tagħlim ta’ Sidna Ġesù u offrew minn jeddhom u b’mod ħieles il-ħajja tagħhom għall-oħrajn, waqt li ppreseveraw sa mewthom f’din il-fehma qaddisa.

 

Hi ħaġa żgura li l-offerta erojka tal-ħajja, imqanqla u mwieżna mill-imħabba, tesprimi xebh veru, sħiħ u eżemplari ma’ Kristu u, għalhekk, jixirqilha dik l-ammirazzjoni li l-komunità tal-fidili soltu żżomm għal dawk li minn jeddhom laqgħu l-martirju tad-demm jew ħaddmu l-virtujiet Insara fi grad erojku.

 

Imfarraġ mill-parir favorevoli tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, li fis-Sessjoni Plenarja tas-27 ta’ Settembru 2016 għarblet bir-reqqa jekk dawn l-Insara jixirqilhomx il-beatifikazzjoni, qed nistabbilixxi li jiġu osservati dawn in-normi li ġejjin:

 

Art. 1

 

L-offerta tal-ħajja hi kawża ġdida għall-proċess ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni, magħżula mill-kawżi tal-martirju u tal-erojċità tal-virtujiet.

 

Art. 2

 

L-offerta tal-ħajja, biex tkun valida u tiswa għall-beatifikazzjoni ta’ Qaddej ta’ Alla, għandha tissodisfa dawn il-kriterji:

a) l-offerta ħielsa u volontarja tal-ħajja u l-aċċettazzjoni erojka propter caritatem ta’ mewt ċerta u qasir il-għomor;

b) ir-rabta bejn l-offerta tal-ħajja u l-mewt prematura;

ċ) it-tħaddim, tal-inqas fi grad ordinarju, tal-virtujiet Insara qabel l-offerta tal-ħajja u, imbagħad, sal-punt tal-mewt;

d) l-eżistenza tal-fama ta’ qdusija u ta’ sinjali, tal-inqas wara l-mewt;

e) il-ħtieġa ta’ miraklu għall-beatifikazzjoni, li jkun seħħ wara l-mewt tal-Qaddej ta’ Alla u bl-interċessjoni tiegħu.

 

Art. 3

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Inkjesta djoċesana jew eparkjali u mbagħad tal-Positio huma rregolati mill-Kostituzzjoni appostolika Divinus perfectionis Magister tal-25 ta’ Jannar 1983, fl-Acta Apostolicæ Sedis Vol. LXXV (1983, 349-355), u min-Normæ servandæ in inquisitionibus ab Episcopis facendis in Causis Sanctorum tas-7 ta’ Frar tal-istess sena, fl-Acta Apostolicæ Sedis Vol. LXXV (1983, 396-403), barra dan li ġej.

 

Art. 4

 

Il-Positio fuq l-offerta tal-ħajja għandha twieġeb għad-dubium: An constet de heroica oblatione vitæ usque ad mortem propter caritatem necnon de virtutibus christianis, saltem in gradu ordinario, in casu et ad effectum de quo agitur.

 

Art. 5

 

L-artikli li ġejjin tal-imsemmija Kostituzzjoni Appostolika huma mmodifikati hekk:

 

Art. 1:

“L-Isqfijiet djoċesani, l-Eparki u dawk kollha li d-Dritt iqishom indaqs magħhom, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni tagħhom, kemm mill-uffiċċju tagħhom, kemm fuq talba tal-fidili singoli jew ta’ assoċjazzjonijiet leġittimi u tar-rappreżentanti tagħhom, għandhom il-jedd li jistħarrġu dwar il-ħajja, il-virtujiet, l-offerta tal-ħajja jew il-martirju u l-fama ta’ qdusija, tal-offerta tal-ħajja jew tal-martirju, dwar il-preżunti mirakli, u eventwalment, dwar il-kult antik tal-Qaddej ta’ Alla, li tiegħu tkun qed tintalab il-kanonizzazzjoni”.

 

Art. 2,5:

“L-Inkjesta fuq il-preżunti mirakli għandha ssir separatament minn dik fuq il-virtujiet, fuq l-offerta tal-ħajja jew fuq il-martirju”.

 

Art. 7,1:

“li jiflu l-kawżi fdati f’idejhom flimkien mal-kollaboraturi esterni u jħejju l-Positiones fuq il-virtujiet, fuq l-offerta tal-ħajja jew fuq il-martirju”.

 

Art. 13,2:

“Jekk il-Kungress jaqtagħha li l-kawża saret skont in-normi tal-liġi, dan jistabbilixxi li jafdaha f’idejn wieħed mir-Relaturi; ir-Relatur, min-naħa tiegħu, megħjun minn kollaboratur estern, jagħmel il-Positio fuq il-virtujiet, fuq l-offerta tal-ħajja jew fuq il-martirju, skont ir-regoli tal-kritika aġjografika”.

 

Art. 6

 

L-artikli li ġejjin mill-imsemmija Normæ servandæ in inquisitionibus ab Episcopis facendis in Causis Sanctorum huma mmodifikati hekk:

 

Art. 7:

“Il-kawża tista’ tkun riċenti jew antika; tissejjaħ riċenti jekk il-martirju, il-virtujiet jew l-offerta tal-ħajja tal-Qaddej ta’ Alla jistgħu jiġu ppruvati mid-depożizzjonijiet orali ta’ xhieda okulari; tissejjaħ antika meta l-provi dwar il-martirju jew il-virtujiet jistgħu jingħataw biss minn għejun miktuba”.

 

Art. 10,1:

“fil-kawżi kemm riċenti u kemm antiki, bijografija ta’ ċertu valur storiku dwar il-Qaddej ta’ Alla, jekk teżisti, jew, fin-nuqqas tagħha, relazzjoni kronoloġika mirquma fuq il-ħajja u l-ħidmiet tal-Qaddej ta’ Alla, fuq il-virtujiet jew fuq l-offerta tal-ħajja jew fuq il-martirju, fuq il-fama ta’ qdusija u ta’ mirakli, bla ma jitħalla barra dak li jidher kuntrarju jew inqas favorevoli għall-istess kawża”.

 

Art. 10,3:

“fil-kawżi riċenti biss, lista tal-persuni li jistgħu jikkontribwixxu biex jesploraw il-verità fuq il-virtujiet jew fuq l-offerta tal-ħajja jew fuq il-martirju tal-Qaddej ta’ Alla, kif ukoll fuq il-fama ta’ qdusija u ta’ mirakli, inkella ta’ dawk kuntrarji”.

 

Art. 15,a:

“Meta jkun irċieva r-Relazzjoni, l-Isqof jgħaddi lill-Promutur tal-Ġustizzja jew lil xi espert ieħor kulma jkun inġabar sa dak il-mument, biex jista’ jħejji l-mistoqsijiet meħtieġa biex jistħarreġ u jixħet dawl fuq il-verità dwar il-ħajja, il-virtujiet, l-offerta tal-ħajja jew il-martirju, il-fama ta’ qdusija, tal-offerta tal-ħajja u tal-martirju tal-Qaddej ta’ Alla”.

 

Art. 15,b:

“Fil-kawżi antiki l-mistoqsijiet ikunu biss dwar il-fama ta’ qdusija, tal-offerta tal-ħajja jew tal-martirju li tkun għadha ħajja sa dakinhar u, jekk ikun il-każ, il-kult tal-Qaddej ta’ Alla fi żminijiet iktar riċenti”.

 

Art. 19:

“Biex jippruvaw il-martirju, it-tħaddim tal-virtujiet jew l-offerta tal-ħajja u l-fama tal-mirakli ta’ Qaddej ta’ Alla li kien jagħmel parti minn xi istitut ta’ ħajja kkonsagrata, ix-xhieda ppreżentati għandhom ikunu, fil-parti l-kbira, minn barra; sakemm dan ma jkunx impossibbli, minħabba fil-ħajja partikulari tal-Qaddej ta’ Alla”.

 

Art. 32:

“L-inkjesta fuq il-mirakli għandha ssir separatament mill-inkjesta fuq il-virtujiet jew fuq l-offerta tal-ħajja jew fuq il-martirju, u skont in-normi li ġejjin”.

 

Art. 36:

“Huma pprojbiti fil-knejjes iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ kull xorta jew il-paniġierki fuq il-Qaddejja ta’ Alla, li l-qdusija ta’ ħajjithom tkun għadha suġġetta għal eżaminazzjoni leġittima. Imma anki barra mill-knisja wieħed għandu jżomm lura minn dawk l-atti li jistgħu jiżgwidaw lill-fidili biex jaħsbu li l-inkjesta, magħmula mill-Isqof fuq il-ħajja u fuq il-virtujiet, fuq il-martirju jew fuq l-offerta tal-ħajja tal-Qaddej ta’ Alla, se twassal żgur għall-futura kanonizzazzjoni tal-istess Qaddej ta’ Alla”.

 

Dak kollu li approvajt b’din l-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu proprju, nordna li jiġi osservat fil-partijiet kollha tiegħu, minkejja kull ħaġa kuntrarja, anki jekk denja li tissemma b’mod partikulari, u nistabbilixxi li jiġi ppromulgat bil-pubblikazzjoni fuq il-ġurnal ta’ kuljum L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ dakinhar stess tal-promulgazzjoni tiegħu u li, suċċessivament, jiddaħħal fl-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Mogħti Ruma, f’San Pietru, nhar il-11 ta’ Lulju, fil-ħames sena tal-Pontifikat tagħna.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard