Ir-rakkont tal-ħolqien joffrilna dehra panoramika tad-dinja. L-Iskrittura turina li “fil-bidu” Alla fassal l-umanità biex tikkollabora fil-ħarsien u fl-indukrar tal-ambjent naturali. Għall-bidu, kif naqraw fil-Ġenesi (2:5), “kien għad ma hemm ebda xitla tar-raba’ fuq l-art; […] ebda ħaxix tar-raba’ ma kien għadu nibet – għax il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex jaħdem l-art”. L-art ġiet fdata lilna bħala don l-aktar għoli u bħala wirt li kollha responsabbli għalih sakemm, “fl-aħħar”, il-ħwejjeġ kollha fis-sema u fl-art jinġabru mill-ġdid fi Kristu (ara Efes 1:10). Id-dinjità u l-prosperità tal-bniedem huma marbuta b’mod qawwi mal-għożża tal-ħolqien kollu.

 

Madankollu, “sa ma jseħħ dan”, l-istorja tad-dinja tippreżenta sitwazzjoni differenti ħafna. Turina xenarju moralment dekadenti, fejn l-atteġġjamenti u l-imġibiet tagħna mal-ħolqien idallmu s-sejħa tagħna biex inkunu kollaboraturi ta’ Alla. It-tendenza tagħna li nkissru l-ekosistemi delikati u ekwilibrati tad-dinja, il-kilba għall-manipulazzjoni u l-kontroll tar-riżorsi limitati tal-pjaneta, ir-rgħiba biex nixorbu mis-suq profitti bla limiti: dan kollu warrbilna ħarsitna mill-pjan oriġinali tal-ħolqien. M’għadniex nirrispettaw in-natura bħala don li rridu naqsmu ma’ oħrajn; imma qed inqisuha bħala pussess privat. M’għadniex nirrelataw man-natura b’mod sostenibbli; pjuttost, nagħmluha ta’ sidien fuqha biex minnha nieħdu dak li għandna bżonn għall-istrutturi tagħna.

 

Il-konsegwenzi ta’ din il-viżjoni alternattiva tad-dinja huma traġiċi u jieħdu fit-tul. L-ambjent uman u dak naturali t-tnejn sejrin lura, u dan id-deterjorament tal-pjaneta qed jagħfas fuq il-persuni l-iżjed vulnerabbli. L-impatt tal-bidliet fil-klima jinħass, qabelxejn, fuq dawk li qed jgħixu fil-faqar f’kull rokna tal-globu. Dmirna li nħaddmu b’mod responsabbli l-ġid tal-art jimplika r-rikonoxximent u r-rispett ta’ kull persuna u tal-ħlejjaq kollha ħajjin. Is-sejħa u l-isfida urġenti biex nieħdu ħsieb il-ħolqien huma stedina lill-bnedmin kollha biex iħabirku b’risq żvilupp sostenibbli u integrali.

 

Għalhekk, imxierka fl-istess tħassib għall-ħolqien ta’ Alla, u għax nagħrfu li l-art hi ġid komuni, minn qalbna nistiednu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex, fl-1 ta’ Settembru, jiddedikaw xi ħin ta’ talb għall-ambjent. F’din l-okkażjoni, nixtiequ noffru r-radd il-ħajr tagħna lill-Ħallieq twajjeb għad-don mill-isbaħ tal-ħolqien u nħabirku biex inħarsuh u nippreservawh għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri. Fl-aħħar nett, nafu li għalxejn nitħabtu jekk il-Mulej ma jkunx magħna (ara Salm 126/127), jekk it-talb ma jkunx fiċ-ċentru tar-riflessjonijiet u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet tat-talb tagħna hu li nibdlu l-mod kif inħarsu lejn id-dinja biex hek nibdlu l-mod kif nirrelataw magħha. Dak li nixtiequ nipproponu hu li jkollna l-kuraġġ li fl-istili ta’ ħajja tagħna nħaddnu sempliċità u solidarjetà akbar.

 

Induru fuq dawk li għandhom pożizzjoni għolja fil-qasam soċjali, ekonomiku, politiku u kulturali, u nagħmlulhom appell urġenti biex b’responsabbiltà jagħtu widen għall-karba tal-art u jaraw x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ min hu mwarrab, imma fuq kollox biex iwieġbu għat-talba ta’ ħafna u jappoġġjaw il-kunsens globali biex jiġi mfejjaq il-ħolqien miġruħ. Aħna konvinti li ma jistax ikun hemm soluzzjoni ġenwina u fit-tul għall-isfidi tal-kriżi ekoloġika u tal-bidliet klimatiċi mingħajr tweġiba miftehma u kollettiva, mingħajr responsabbiltà maqsuma u kontabbli, mingħajr ma nagħtu prijorità lis-solidarjetà u s-servizz.

 

Mill-Vatikan u mill-Fanar, 1 ta’ Settembru 2017

 

Il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard