Qabel xejn nixtieq niskuża ruħi għax wasalt tard, imma l-verità hi li ma ndunajtx x’ħin sar. Kelli konverżazzjoni tant interessanti li aljenajt rasi mill-ħin. Skużawni! Dan m’għandux isir għax il-puntwalità hi ħaġa li għandha titħares.
Nirringrazzjakom għal din iż-żjara, din iż-żjara lill-Madonna li hi tant importanti fil-ħajja tagħna. Hi takkumpanjana anki fl-għażla definittiva tagħna, l-għażla tal-vokazzjoni, għax hi akkumpanjat lil Binha fil-mixja ferm iebsa, tant mimlija tbatija, lejn il-vokazzjoni tiegħu. Hi takkumpanjana dejjem.
Meta xi nisrani jgħidli li ma jħobbx lill-Madonna, li ma jħossx li għandu jfittex u jitlob lill-Madonna, inħoss qalbi tingħasar. Niftakar darba, kważi 40 sena ilu, kont il-Belġju waqt konvenju, u kien hemm koppja ta’ ketekisti, it-tnejn professuri tal-università, ġenituri, familja sabiħa, li kienu jitkellmu dwar Ġesù Kristu tant tajjeb. F’ċertu punt jien għedt: “U d-devozzjoni lejn il-Madonna?” “Aħna, issuperajna dak il-punt. Aħna nafu lil Ġesù Kristu tant tajjeb li m’għandniex bżonn lill-Madonna.” Dak li għadda minn-moħħi u li ħassejt f’qalbi kien: “Povri orfni!” Hekk hu, mhux hekk? Għax nisrani mingħajr il-Madonna huwa orfni. Anki n-nisrani mingħajr il-Knisja huwa orfni. In-nisrani għandu bżonn lil dawn iż-żewġ nisa, żewġ nisa ommijiet, żewġ nisa verġni: il-Knisja u l-Madonna. U biex wieħed jagħmel “test” tajjeb tal-vokazzjoni nisranija hemm bżonn jistaqsi lilu nnifsu: “Kif inhi r-relazzjoni tiegħi ma’ dawn iż-żewġ ommijiet?”, ma’ ommi l-Knisja, u ma’ ommi Marija?” Dan mhux ħsieb ta’ “pjetà”, le. Din hi teoloġija pura. Din hi teoloġija. Kif inhi r-relazzjoni tiegħi ma’ ommi l-Knisja, mal-Knisja Mqaddsa ġerarkika? U kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-Madonna, li hi l-Mamà tiegħi, ommi?
Dan jagħmel tajjeb: ma nitilquha qatt u ma nimxux għal rasna. Nawguralkom mixja tajba ta’ dixxerniment. Għal kull wieħed minna l-Mulej għandu vokazzjoni, il-post fejn Hu jrid li aħna ngħixu ħajjitna. Imma jeħtieġ infittxuh, insibuh; u wara nkomplu mixjin ‘il quddiem.
Nixtieq inżid ħaġ’oħra – minbarra dik tal-Knisja u tal-Madonna – is-sens ta’ dak li hu definittiv. Għalina dan importanti ħafna, għax qed ngħixu f’kultura tal-proviżorju: dan iva, imma għal ċertu żmien, imbagħad għal żmien ieħor……. Se tiżżewweġ? Iva, iva, imma sakemm iddum l-imħabba,….. imbagħad kull wieħed mill-ġdid lejn daru.
Wieħed żgħażugħ, kien irrakkuntali isqof, żgħażugħ professjonista, kien qallu: “Irrid insir qassis imma għal għaxar snin biss.” Hekk hu, dan hu il-proviżorju. Nibżgħu minn dak li hu definittiv. U biex nagħżlu vokazzjoni, tkun liema tkun, anki l-vokazzjonijiet bħaż-żwieġ, il-ħajja konsagrata, is-saċerdozju, jeħtiġilna nagħżlu fil-prospettiva ta’ dak li hu definittiv. Dan hu l-oppost tal-kultura tal-proviżorju. Hija parti mill-kultura li fiha rridu ngħixu f’dawn iż-żminijiet, imma magħha rridu ngħixu u rridu negħelbuha.
Tajjeb ħafna. Anki dwar dan l-aspett tad-definittiv nemmen li wieħed li għandu triqtu definittivament żgura huwa l-Papa! Għax il-Papa….. fejn se jispiċċa l-Papa? Hemm, f’dak il-qabar, mhux hekk?
Nirringrazzjakom ħafna għal din iż-żjara u nistedinkom titolbu lill-Madonna, jew, fejn naf jien, biex tkantaw…. Is-“Salve Regina”……. Tafu tkantawha? Inkantaw is-“Salve Regina” flimkien, lill-Madonna? Bdejna!
Kulħadd inagħqad fil-kant tas-“Salve Regina”.
Issa lilkom, lill-familji tagħkom, ilkoll intikom il-barka u nitlobkom biex, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.
Il-Papa ta l-barka.
Grazzi! Grazzi ħafna! Nawguralkom il-mixja t-tajba!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber