IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Frar 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 8. Jitqaddes ismek

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Donnu x-xitwa qed tbatti u allura rġajna lura fil-Pjazza. Merħba fil-pjazza! Fil-mixja tagħna biex niskopru mill-ġdid it-talba tal-“Missierna”, illum se nidħlu iktar fil-fond tal-ewwel mis-seba’ invokazzjonijiet tagħha, jiġifieri “jitqaddes ismek”.

 

It-talbiet tal-“Missierna” huma sebgħa, u faċilment naqsmuhom f’żewġ gruppi. L-ewwel tlieta għandhom fiċ-ċentru tagħhom l-“Int” ta’ Alla l-Missier; l-erbgħa l-oħra għandhom fiċ-ċentru l-“aħna” u l-ħtiġijiet tagħna ta’ bnedmin. Fl-ewwel parti Ġesù jdaħħalna fix-xewqat tiegħu, kollha mressqa lill-Missier: “jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int”; fit-tieni, huwa hu li jidħol fina u jsir interpretu tal-ħtiġijiet tagħna: il-ħobża ta’ kuljum, il-maħfra tad-dnubiet, l-għajnuna fit-tentazzjoni, u l-ħelsien mid-deni.

 

Minn hawn titlaq kull talba Nisranija – anzi, ngħid, kull talba umana –, li dejjem hi magħmula, minn naħa, mill-kontemplazzjoni ta’ Alla, tal-misteru tiegħu, tal-ġmiel u t-tjieba tiegħu, u, min-naħa l-oħra, minn talba sinċiera u qalbiena għal dak li neħtieġu biex ngħixu, u ngħixu tajjeb. Hekk, fis-sempliċità u l-essenzjalità tagħha, il-“Missierna” teduka lil min jitlob biha biex ma joqgħodx iżid kliem fil-vojt, għax – kif jgħid Ġesù stess – “Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom” (Mt 6:8).

 

Meta nitkellmu ma’ Alla, dan ma nagħmluhx biex intarrfulu dak li għandna f’qalbna: dan hu jafu ħafna iżjed minna! Jekk Alla hu misteru għalina, aħna m’aħniex moħbija f’għajnejh (ara Salm 139:1-4). Alla hu bħal dawk l-ommijiet li għalihom biżżejjed ħarsa waħda biex jifhmu kollox dwar uliedhom: jekk humiex kuntenti jew imdejqa, jekk humiex sinċiera jew qed jaħbu xi ħaġa…

 

Għalhekk, l-ewwel pass tat-talba Nisranija hu li nagħtu ruħna lil Alla, nintelqu f’idejn il-providenza tiegħu. Qisna qed ngħidulu: “Mulej, int taf kollox, lanqas hemm bżonn li nirrakkontalek l-uġigħ tiegħi, nitolbok biss li int tkun hawn miegħi: int it-tama tiegħi”. Interessanti ninnutaw li Ġesù, fid-Diskors tal-muntanja, dlonk wara li tana l-kliem tal-“Missierna”, jistedinna biex ma nitħassbux u ma ninkwetawx iżżejjed għall-affarijiet. Din tidher bħal kontradizzjoni: l-ewwel jgħallimna nittallbu l-ħobża ta’ kuljum u mbagħad jgħidilna: “Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’” (Mt 6:31). Imma l-kontradizzjoni hi biss minn barra: it-talbiet tan-Nisrani jesprimu l-fiduċja li għandu fil-Missier; u hi proprju din il-fiduċja li twassalna biex nitolbu dak li għandna bżonn mingħajr tħassib u nkwiet żejjed.

 

Hu għalhekk li aħna nitolbu u ngħidu: “Jitqaddes ismek!”. F’din it-talba – l-ewwel waħda! “Jitqaddes ismek!” – naqraw l-ammirazzjoni kollha ta’ Ġesù għall-ġmiel u l-kobor tal-Missier, u x-xewqa li kulħadd jagħrfu u jħobbu għal dak li tassew hu. U fl-istess ħin hemm is-supplika biex ismu jitqaddes fina, fil-familja tagħna, fil-komunità tagħna, fid-dinja kollha. Hu Alla li jqaddes, li jibdilna bi mħabbtu, imma fl-istess waqt huwa aħna wkoll li, bix-xhieda tagħna, nuru l-qdusija ta’ Alla fid-dinja, billi nagħmlu ismu preżenti. Alla hu qaddis, imma jekk aħna, jekk il-ħajja tagħna mhijiex qaddisa, hemm inkoerenza kbira! Il-qdusija ta’ Alla għandha tilma bħal f’mera fl-għemejjel tagħna, fil-ħajja tagħna. “Jiena Nisrani, Alla hu qaddis, imma jien nagħmel tant ħażen”, le, dan mhux sew. Dan jagħmel anki l-ħsara; dan jiskandalizza u ma jgħinx.

 

Il-qdusija ta’ Alla hi qawwa dejjem tikber, u aħna nitolbu li din ma ddumx ma ġġarraf il-ħitan tad-dinja tagħna. Meta Ġesù beda jipprietka, l-ewwel li kellu jħallas il-konsegwenzi kien sewwasew il-ħażen li jifni lid-dinja. L-ispirti ħżiena jixhru: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: ‘Il-Qaddis ta’ Alla’” (Mk 1:24). Qatt ma kienet għadha dehret qabel qdusija bħal dik: li ma taħsibx fiha nfisha, imma miftuħa għall-oħrajn. Qdusija – dik ta’ Ġesù – li titwessa’ fi ċrieki konċentriċi, bħal meta tixħet ċagħka f’għadira ilma. Jiem il-ħażen issa huma magħduda – il-ħażen mhuwiex etern –, il-ħażen ma jistax jagħmlilna iktar ħsara: wasal il-bniedem qawwi li ġie biex jaħtaf daru (ara Mk 3:23-27). U dan il-bniedem qawwi hu Ġesù, li jagħti lilna wkoll il-qawwa biex naħtfu f’idejna d-dar interjuri tagħna.

 

It-talb itajjar kull biża’. Il-Missier iħobbna, l-Iben jerfa’ dirgħajh biex iweżnilna tagħna, l-Ispirtu qed jaħdem fis-satra għall-fidwa tad-dinja. U aħna? Aħna m’aħniex qed inperpru waħidna fl-inċertezza. Għax għandna ċertezza kbira: Alla jħobbni; Ġesù ta ħajtu għalija! L-Ispirtu qiegħed fija. Din hi l-akbar ċertezza. U l-ħażin? Imwerwer. U din ħaġa tassew sabiħa.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard