IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 20 ta’ Frar 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 7. Missierna li inti fis-smewwiet

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

L-udjenza tal-lum qed issir f’żewġ postijiet. L-ewwel iltqajt mal-fidili ta’ Benevento, li kienu San Pietru, u issa magħkom. U dan grazzi għad-delikatezza tal-Prefettura tad-Dar Pontifiċja li ma riditkomx tieħdu xi riħ: nirringrazzjawhom ta’ dan. Grazzi.

 

Inkomplu bil-katekeżi fuq il-“Missierna”. L-ewwel pass ta’ kull talba Nisranija hu li nidħlu fil-misteru, dak tal-paternità ta’ Alla. Ma nistgħux nitolbu bħal pappagalli. Jew tidħol fil-misteru, fl-għarfien li Alla hu Missierek, jew ma titlobx. Jekk jien irrid nitlob lil Alla Missier, irrid nidħol fil-misteru. Biex nifhmu kif Alla hu missier tagħna, aħna naħsbu fil-figuri tal-ġenituri tagħna, imma b’xi mod dejjem jeħtieġ “nirfinawhom”, insaffuhom. Dan jgħidu wkoll il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, jgħid hekk: “Il-purifikazzjoni jew it-tisfija tal-qalb fil-fehma li għandna ta’ xi jfisser missier u xi tfisser omm, imsawrin mill-istorja personali u kulturali tagħna, li jinfluwixxu fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla” (n. 2779).

 

Ħadd minna ma kellu ġenituri perfetti, ħadd; l-istess kif aħna, meta niġu għal dan, m’aħna sa nkunu qatt ġenituri, jew ragħajja, perfetti. Kollha għandna d-difetti tagħna, kollha. Ir-relazzjonijiet tagħna ta’ mħabba dejjem ngħixuhom bil-limiti tagħna u anki bl-egoiżmu tagħna, u għalhekk mhux darba u tnejn imniġġsa minn xewqat ta’ pussess jew ta’ manipulazzjoni tal-oħrajn. Għalhekk xi drabi d-dikjarazzjonijiet ta’ mħabba jinbidlu f’sentimenti ta’ rabja u ta’ ostilità. Imma ara naqra, dawn it-tnejn tant kienu jinħabbu l-ġimgħa l-oħra, u llum ma jistgħux jaraw wiċċ xulxin: dan narawh kuljum! Dan minħabba f’hekk, għax ilkoll għandna għeruq ta’ mrar ġewwa fina, li mhumiex tajbin u xi drabi joħorġu u jagħmlu l-ħsara.

 

Huwa għalhekk li, meta nitkellmu fuq Alla bħala “missier”, waqt li naħsbu fl-immaġni tal-ġenituri tagħna, speċjalment jekk kienu jħobbuna u jridulna l-ġid, fl-istess waqt jeħtieġ immorru lil hemm minn hekk. Għax l-imħabba ta’ Alla hi dik tal-Missier “li qiegħed fis-smewwiet”, skont l-espressjoni li jistedinna nużaw Ġesù: hi l-imħabba totali li f’din il-ħajja aħna ntiegħmu biss b’mod imperfett. Il-bnedmin huma għal dejjem tallaba tal-imħabba, – aħna tallaba tal-imħabba, għandna bżonn tal-imħabba – ifittxu post fejn sa fl-aħħar jistgħu jiġu maħbuba, imma ma jsibuhx. Kemm ħbiberiji u kemm imħabbiet delużi għandna fid-dinja tagħna; ħafna!

 

L-alla Grieg tal-imħabba, fil-mitoloġija, hu bla dubju ta’ xejn l-iktar wieħed traġiku: ma nifhmux jekk hux essri anġeliku jew demonju. Il-mitoloġija tgħidilna li hu bin Poros u Penía, jiġifieri tal-għaqal u tal-faqar, iddestinat biex iġorr fih xi ftit mill-fiżjonomija ta’ dawn il-ġenituri. Minn hawn nistgħu naħsbu fin-natura ambivalenti tal-imħabba umana: issa kapaċi twarrad u tarmi s-saħħa, u dritt wara tidbiel u tmut; dak li taħtaf, dejjem jaħarbilha minn bejn idejha (ara Platun, Simposju, 203). Hemm espressjoni tal-profeta Hosegħa li, kważi bla ħniena, tinkwadra d-dgħufija li titwieled magħna fejn tidħol l-imħabba tagħna: “It-tjieba tagħkom qisha s-sħab tal-għodwa, tixbah lin-nida li tinxtorob kmieni” (6:4). Hekk hi spiss imħabbitna: wegħda li nbatu biex inżommuha, tentattiv li malajr jinxef u jgħib fix-xejn, xi ftit bħal meta filgħodu toħroġ ix-xemx u tixrob in-nida ta’ billejl.

 

Kemm drabi aħna l-bnedmin ħabbejna b’dan il-mod hekk dgħajjef u inkonsistenti! Kollha ġarrabna din l-esperjenza: ħabbejna, imma mbagħad dik l-imħabba xxejnet jew iddgħajfet. Għamilna l-almu tagħna biex inħobbu, imma mbagħad ġejna wiċċ imb wiċċ ma’ xi jżommna, mal-faqar tal-forzi tagħna: sibna ruħna m’aħniex kapaċi nżommu wegħda li fil-jiem tal-grazzja kienet tidhrilna faċli li titwettaq. Fl-aħħar mill-aħħar, anki l-Appostlu Pietru beża’ u kellu jaħrab. L-Appostlu Pietru ma kienx fidil lejn l-imħabba ta’ Ġesù. Dejjem hemm din id-dgħufija li twaqqagħna. Aħna tallaba li fil-mixja jirriskjaw li qatt ma jsibu għalkollox dak it-teżor li ilhom ifittxu sa mill-ewwel jum ta’ ħajjithom: l-imħabba.

 

Imma teżisti mħabba oħra, dik tal-Missier “li qiegħed fis-smewwiet”. Ħadd m’għandu jiddubita li hu destinatarju ta’ din l-imħabba. Huwa jħobbna. “Iħobbni”, nistgħu ngħidu. Imqar jekk missierna jew ommna ma ħabbewniex – ipoteżi storika –, hemm Alla fis-smewwiet li jħobbna kif ħadd iżjed fuq din l-art ma seta’ jew jista’ qatt iħobbna. L-imħabba ta’ Alla hi kontinwa. Jgħid il-profeta Iżaija: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt! Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja” (49:15-16). Illum saru moda t-tatwaġġi: “Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja”. Għamilt tatwaġġ tiegħek fuq idejja. Jien qiegħed f’idejn Alla, hekk, u ma nistax inneħħih. L-imħabba ta’ Alla hi bħall-imħabba ta’ omm, li qatt ma tista’ tinsa. U jekk omm tinsa? “Jien ma ninsiek qatt”, jgħid il-Mulej. Din hi l-imħabba perfetta ta’ Alla, daqshekk iħobbna hu. Imqar jekk l-imħabbiet kollha tagħna fuq din l-art jiġu fix-xejn u f’idejna ma jibqgħalna xejn ħlief ponn trab, dejjem se nsibu mkebbsa għalina lkoll l-imħabba unika u fidila ta’ Alla.

 

Fil-ġuħ għall-imħabba li lkoll inħossu, ejjew ma nfittxux xi ħaġa li ma teżistix: għax l-imħabba hi l-istedina biex nagħrfu lil Alla li hu missier. Il-konverżjoni ta’ Santu Wistin, ngħidu aħna, qasmet din il-linja: l-oratur żagħżugħ u brillanti kien qiegħed sempliċiment ifittex qalb il-ħlejjaq xi ħaġa li ebda ħlejqa ma setgħet tagħtih, sakemm jum wieħed kellu l-kuraġġ li jerfa’ ħarstu ’l fuq. U dakinhar iltaqa’ ma’ Alla. Alla li jħobb.

 

L-espressjoni “fis-smewwiet” ma tridx tesprimi li hu fil-bogħod, imma dik id-diversità radikali ta’ mħabba, dimensjoni oħra ta’ mħabba, imħabba li ma tehdiex, imħabba li tibqa’ għal dejjem, anzi, li dejjem hi tefgħa ta’ ġebla biss bogħod minna. Biżżejjed illissnu “Missierna li inti fis-Smewwiet”, u dik l-imħabba tiġi għandna.

 

Għalhekk, la tibżgħux! Ħadd minna mhu waħdu. Imqar jekk b’xorti ħażina missierek ta’ din l-art insiek u int inkurlat għalih, qatt m’inti mċaħħad mill-esperjenza fundamentali tal-fidi Nisranija: dik li taf li int iben mill-aktar maħbub ta’ Alla, u li ma hemm xejn fil-ħajja li jista’ jitfi dik l-imħabba mqanqla tiegħu għalik.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard