IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 13 ta’ Frar 2019

 

Katekeżi fuq il-“Missierna”: 6. Missier ta’ kulħadd

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-mixja tagħna biex nitgħallmu dejjem aħjar nitolbu kif għallimna Ġesù. Jeħtieġ nitolbu kif għallimna nitolbu hu.

 

Hu qalilna: Meta titlob, idħol fil-kwiet tal-kamra tiegħek, warrab mill-għagħa tad-dinja u dur lejn Alla u sejjaħlu: “Missier!”. Ġesù jrid li d-dixxipli tiegħu ma jkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor li biex jitolbu joqogħdu weqfin fil-pjazez biex in-nies tammirahom (ara Mt 6:5). Ġesù ma jridx uċuħ b’oħra. It-talba vera hi dik li ssir fis-satra tal-kuxjenza, tal-qalb: ma jaraha ħadd ħlief Alla waħdu. Jien u Alla. Hi taħrab kull qerq: ma’ Alla impossibbli nilbsu maskri. Impossibbli, quddiem Alla m’hemm l-ebda rtokk li jaħdem, Alla jafna hekk kif aħna, għarwiena fil-kuxjenza, u miegħu ma tistax tagħmel tabirruħek. Fl-għerq tad-djalogu ma’ Alla hemm djalogu fis-skiet, bħalma jiġri meta għajnejn żewġ persuni li jinħabbu jaħbtu ma’ xulxin: ħarset Alla u dik tal-bniedem jiltaqgħu, u dan hu t-talb. Inħarsu lejn Alla u nħallu lil Alla jħares lejna: dan hu t-talb. “Imma, Dun, jien ma ngħidx kelma…”. Ħares lejn Alla u ħallih iħares lejk: din hi talba, talba sabiħa!

 

U madankollu, minkejja li t-talba tad-dixxipli hi daqshekk kunfidenzjali, ma taqa’ qatt fl-intimiżmu. Fis-satra tal-kuxjenza, in-Nisrani ma jaqfilx id-dinja barra mill-bieb ta’ kamartu, imma jġorr f’qalbu l-persuni u s-sitwazzjonijiet, il-problemi, tant ħwejjeġ, kollha jġorrhom fit-talb tiegħu.

 

Hemm assenza impressjonanti fit-test tal-“Missierna”. Li kelli nistaqsikom liema hi dik l-assenza impressjonanti fit-test tal-“Missierna”? Ma jkunx faċli tweġbuha. Hemm kelma nieqsa. Aħsbu ftit ilkoll kemm intom: x’hemm nieqes fil-“Missierna”? Aħbsu, x’ma hemmx? Kelma waħda. Kelma li fi żminijietna – imma forsi dejjem – kulħadd iżommha fuq wiċċ l-idejn. Liema kelma hemm nieqsa mill-“Missierna” li nitolbu ta’ kuljum? Biex nirbaħ il-ħin ħa ngħidha jien: m’hemmx il-kelma “jien”. Qatt ma jingħad “jien”. Ġesù jgħallimna nitolbu billi fuq xofftejna nżommu fuq kollox il-kelma “Int”, għax it-talb Nisrani hu djalogu: “jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int”. Mhux ismi, saltnati, li rrid jien. Jien le, ma tidħolx. U mbagħad jgħaddi għall-“aħna”. It-tieni parti kollha tal-“Missierna” qiegħda fl-ewwel persuna fil-plural: “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna, la ddaħħalniex fit-tiġrib, eħlisna mid-deni”. Imqar l-aktar talbiet elementari tal-bniedem – bħal dik li jkollu l-ikel biex jaqta’ l-ġuħ – huma kollha fil-plural. Fit-talb Nisrani, ħadd ma jitlob il-ħobż għalih innifsu: agħtini l-ħobż tal-lum, le, agħtina, jitolbu għal kulħadd, għall-foqra kollha tad-dinja. Dan ma rridux ninsewh, hemm nieqsa l-kelma “jien”. Nitolbu bl-int u bl-aħna. Din tagħlima sabiħa li jagħtina Ġesù, tinsewhiex.

 

Għaliex? Għax ma hemmx wisa’ għall-individwaliżmu fid-djalogu ma’ Alla. Din mhix xi wirja tal-problemi tagħna bħallikieku konna waħidna fid-dinja li qed inbatu. M’hemmx talba li titla’ quddiem Alla u mhijiex it-talba ta’ komunità ta’ aħwa, l-aħna: aħna komunità, aħna aħwa ta’ xulxin, aħna poplu li jitlob, “aħna”. Darba kappillan ta’ ħabs għamilli mistoqsija: “Għidli, Dun, liema kelma hi l-maqlub ta’ ‘jien’?”. U jien, b’mod sempliċi, għidtlu: “Int”. “Dan hu l-bidu tal-gwerra. Il-kelma opposta għal ‘jien’ hi ‘aħna’, fejn hemm il-paċi, kollha flimkien”. Tagħlima sabiħa li rċevejt mingħand dak il-qassis.

 

Fit-talb, in-Nisrani jressaq id-diffikultajiet kollha tal-persuni li jgħixu qrib tiegħu: meta jidlam, jirrakkonta lil Alla t-tbatija li ltaqa’ magħha dakinhar; iqegħedlu quddiemu tant uċuħ, ħbieb u anki għedewwa; ma jkeċċihomx minn quddiem għajnejh bħallikieku kienu distrazzjonijiet perikulużi. Jekk wieħed ma jintebaħx li madwaru hemm tant nies li qed ibatu, jekk ma tiġihx ħniena għad-dmugħ tal-foqra, jekk dara kollox, allura dan ifisser li qalbu… kif inhi? Bierda? Le, agħar: hi tal-ġebel. F’dan il-każ aħjar nitolbu lill-Mulej imissilna qalbna bl-Ispirtu tiegħu u jrattabhielna: “Rattab, Mulej, il-qalb tiegħi”. Hi talba sabiħa: “Mulej, rattabli qalbi, biex tista’ tifhem u titgħabba bil-problemi kollha, l-uġigħ kollu tal-oħrajn”. Kristu ma għaddiex minn qalb il-miżerji tad-dinja bla ma ħalliehom imissulu qalbu: kull darba li kien iħoss li hemm is-solitudni, xi tbatija tal-ġisem jew tal-ispirtu, kien iġarrab sens qawwi ta’ kompassjoni, bħalma tħoss ġo fiha omm għal uliedha. Din il-“kompassjoni” – ma ninsewhiex din il-kelma daqstant Nisranija: tħoss kompassjoni – hi wieħed mill-verbi li jiftħulna l-bieb biex nifhmu l-Vanġelu: dan hu li jwassal lis-Samaritan it-tajjeb biex joqrob lejn dak ir-raġel midrub fuq il-ġenb tat-triq, bil-kontra tal-oħrajn li għandhom qalbhom iebsa.

 

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Meta nitlob, jien niftaħ qalbi għall-karba ta’ tant persuni fil-qrib u fil-bogħod? Jew naħseb fit-talb bħala speċi ta’ anestesija, biex nista’ noqgħod bi kwieti? Qed nixħet il-mistoqsija, kull wieħed iwieġeb għalih innifsu. F’dan il-każ inkun sfajt vittma  ta’ ekwivoku terribbli. Bla dubju, din tiegħi ma tibqax iżjed talba Nisranija. Għax dak l-“aħna”, li Ġesù għallimna, ma jħallinix noqgħod waħdi fil-kwiet, u jġagħalni nħossni responsabbli ta’ ħuti.

 

Hemm bnedmin li minn barra ma jidhrux li qed ifittxu lil Alla, imma Ġesù jridna nitolbu għalihom ukoll, għax Alla jfittex lil dawn il-persuni iżjed minn kulħadd. Ġesù ma ġiex għal dawk li huma f’saħħithom, imma għall-morda, għall-midinbin (ara Lq 5:31) – jiġifieri għal kulħadd, għax min jaħseb li hu f’saħħtu, fir-realtà mhuwiex. Jekk inħabirku għall-ġustizzja, ma nħossuniex aħjar minn ħaddieħor: il-Missier itella’ x-xemx tiegħu kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena (ara Mt 5:45). Lil kulħadd iħobb il-Missier! Nitgħallmu minn Alla li hu dejjem twajjeb ma’ kulħadd, bil-maqlub tagħna li naslu biex inkunu tajbin biss ma’ xi ħadd, ma’ xi ħadd li jogħġobni.

 

Ħuti, qaddisin u midinbin, aħna lkoll aħwa maħbuba mill-istess Missier. U, fl-għabex tal-ħajja, sa jsir ħaqq minna fuq l-imħabba, fuq kif ħabbejna. Mhux imħabba sentimentali biss, imma waħda ħanina u konkreta, skont ir-regola tal-Vanġelu – tinsewhiex! –: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hekk jgħid il-Mulej. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard