IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu V
L-Erbgħa 7 ta’ Awwissu 2019


Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 5

“Fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!” (Atti 3:6). L-invokazzjoni tal-Isem li jeħles hi preżenza ħajja u attiva


Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fl-Atti tal-Appostli l-predikazzjoni tal-Vanġelu ma ssirx biss bil-kliem, imma wkoll b’għemejjel konkreti li jagħtu xhieda tal-verità tat-tħabbira. Huma “mirakli u sinjali” (Atti 2:43) li jwettqu l-Appostli, jikkonfermaw il-kelma tagħhom u juru li huma qed jaġixxu f’isem Kristu. Jiġri għalhekk li l-Appostli jinterċedu u Kristu jaħdem, jaġixxi “flimkien magħhom” u jikkonferma l-Kelma bis-sinjali li jsiru magħha (Mk 16:20). Tant sinjali, tant mirakli li għamlu l-Appostli kienu sewwasew manifestazzjoni tad-divinità ta’ Ġesù.

Illum għandna quddiemna l-ewwel rakkont ta’ fejqan, miraklu, li hu l-ewwel rakkont ta’ fejqan li nsibu fil-Ktieb tal-Atti. Hu għandu finalità missjunarja ċara, li trid tqanqal fina l-fidi. Pietru u Ġwanni jmorru jitolbu fit-Tempju, ċentru tal-esperjenza ta’ fidi ta’ Iżrael, li miegħu l-ewwel Insara għadhom marbutin qatigħ. L-ewwel Insara kienu jmorru jitolbu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Luqa jagħtina s-siegħa: kien fid-disa’ siegħa, jiġifieri t-tlieta ta’ waranofsinhar, li s-sagrifiċċju kien offrut bħala sinjal tax-xirka tal-poplu ma’ Alla tiegħu; kienet ukoll is-siegħa li fiha Kristu miet u offra lilu nnifsu “darba għal dejjem” (Lhud 9:12; 10:10). U ħdejn il-bieb tat-Tempju msejjaħ “is-Sabiħ” – il-bieb is-Sabiħ – jilmħu tallab, raġel magħtub sa minn twelidu. Għaliex ħdejn il-bieb, dak ir-raġel? Għax il-Liġi ta’ Mosè (ara Lev 21:18) ma kinitx tħalli lil min ikollu xi difett fiżiku joffri sagrifiċċji, għax dawn kienu jarawhom bħala konsegwenzi ta’ xi ħtija. Niftakru kif quddiem agħma minn twelidu, il-poplu kien staqsa lil Ġesù: “Dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” (Ġw 9:2). Skont dik il-mentalità, dejjem hemm ħtija fil-bidu ta’ xi difett fiżiku. U għalhekk imbagħad kienu mċaħħda anki milli jidħlu fit-Tempju. Il-magħtub, xempju ta’ tant oħrajn imwarrbin u mormija mis-soċjetà, jinsab hemm biex bħal kull ġurnata oħra jittallab il-karità. Ma setax jidħol, imma kien ħdejn il-bieb. Ħabta u sabta tiġri xi ħaġa mhix tas-soltu: jaslu Pietru u Ġwanni u tibda logħba bil-ħars. Il-magħtub iħares lejn dawn it-tnejn biex jitlobhom xi ħaġa tal-flus, imma l-Appostli jitfgħu għajnejhom fuqu, u jistednuh iħares lejhom b’mod differenti, biex jirċievi don ieħor. Il-magħtub iħares lejhom u Pietru jgħidlu: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!” (Atti 3:6). L-Appostli fetħu relazzjoni, għax dan huwa l-mod kif Alla jħobb juri ruħu, fir-relazzjoni, dejjem fid-djalogu, dejjem fid-dehriet, dejjem bit-tnebbiħ tal-qalb: huma relazzjonijiet ta’ Alla magħna; permezz ta’ laqgħa vera bejn il-persuni li tista’ sseħħ biss fl-imħabba.

It-Tempju, barra li kien iċ-ċentru reliġjuż, kien ukoll post ta’ skambji ekonomiċi u finanzjarji: iżjed minn darba l-profeti u anki Ġesù nnifsu (ara Lq 19:45-46) kienu ħaduha qatta’ bla ħabel kontra dan it-tfaqqir. Imma kemm drabi jiġini dan f’moħħi meta niftakar f’xi parroċċa fejn jaħsbu li aktar huma importanti l-flus milli s-sagramenti! Nitlobkom! Knisja fqira: dan nitolbuh lill-Mulej. Dak it-tallab, meta ltaqa’ mal-Appostli, ma qalax flus imma sab l-Isem li jsalva lill-bniedem: Ġesù Kristu ta’ Nazaret. Pietru jsejjaħ l-isem ta’ Ġesù, jordna lill-magħtub biex iqum fuq riġlejh, fil-qagħda ta’ min hu ħaj: bilwieqfa, u jmiss lil dan il-marid, jiġifieri jaqbdu minn idu u jqajmu, ġest li fih San Ġwann Kriżostmu jara “xbieha tal-qawmien” (Omeliji fuq l-Atti tal-Appostli, 8). U hawn jidher ir-ritratt tal-Knisja, li meta tilmaħ lil min jinsab f’xi diffikultà, ma tagħlaqx għajnejha, imma taf tħares lejn l-umanità f’wiċċha biex toħloq relazzjonijiet bis-sens, pontijiet ta’ ħbiberija u ta’ solidarjetà flok fruntieri. Jidher il-wiċċ ta’ “Knisja bla fruntieri li tħossha omm ta’ kulħadd” (Evangelii gaudium, 210), li taf taqbad f’idejn ħaddieħor u ssieħbu biex terfgħu – mhux biex tikkundannah. Ġesù dejjem inewlilna idu, dejjem ifittex kif iqajjimna, biex jagħmel mod li n-nies tfiq, tkun hienja, tiltaqa’ ma’ Alla. Din hi l-“arti tal-akkumpanjament” li tingħaraf mid-delikatezza li biha nersqu lejn “l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra”, u tagħti lill-mixja r-“ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija” (ibid., 169). U dan hu li jagħmlu dawn iż-żewġ Appostli ma’ dak il-magħtub: iħarsu lejh, jgħidulu “ħares lejna”, jaqbdulu f’idu, iqajmuh u jfejquh. Hekk jagħmel Ġesù magħna lkoll. Ejja naħsbu f’dan meta nsibu ruħna f’mumenti koroh, f’mumenti ta’ dnub, f’mumenti ta’ diqa. Hemm Ġesù li qed jgħidilna: “Ħares lejja: jiena ninsab hawn!”. Naqbdu f’idejn Ġesù u nħalluh iqajjimna.

Pietru u Ġwanni jgħallmuna nafdaw mhux fil-mezzi tagħna, li wkoll huma utli, imma fl-għana veru li hu r-relazzjoni mal-Irxoxt. Fil-fatt – kif jgħid San Pawl – aħna “bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna” (2 Kor 6:10). Il-Vanġelu hu l-kollox tagħna, li juri l-qawwa tal-isem ta’ Ġesù li jwettaq l-għeġubijiet.

U aħna – kull wieħed u waħda minna –, x’għandna? Liema hu l-ġid tagħna, it-teżor tagħna? Biex nistgħu nagħnu lill-oħrajn? Nitolbu lill-Missier id-don ta’ memorja grata li biha jkollna l-ħila niftakru fil-ġid ta’ mħabbtu f’ħajjitna, biex nagħtu lil kulħadd ix-xhieda tat-tifħir u tar-radd il-ħajr. Ma ninsewx: l-id imnewla dejjem biex tgħin lill-ieħor iqum; hija l-id ta’ Ġesù li permezz ta’ jdejna tgħin lill-oħrajn iqumu.


miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard