IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 6 ta’ Frar 2019

 

Vjaġġ Appostoliku fl-Emirati Għarab Magħquda

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-aħħar jiem għamilt Vjaġġ Appostoliku qasir fl-Emirati Għarab Magħquda. Vjaġġ qasir imma importanti ħafna li, fi tkomplija mal-laqgħa tal-2017 ma’ Al-Azhar, fl-Eġittu, kiteb paġna ġdida fl-istorja tad-djalogu bejn Kristjaneżmu u Iżlam u fl-impenn biex naħdmu għall-paċi fid-dinja msejsa fuq il-fratellanza umana.

 

Għall-ewwel darba Papa żar il-peniżula Għarbija. U l-Providenza riedet li dan kien Papa bl-isem ta’ Franġisku, tmien mitt sena wara ż-żjara ta’ San Franġisk ta’ Assisi lis-Sultan al-Malik al-Kamil. Matul dan il-Vjaġġ ħsiebi spiss tar lejn San Franġisk: għenni nżomm ġo qalbi l-Vanġelu, l-imħabba ta’ Ġesù Kristu, jiena u ngħix id-diversi mumenti taż-żjara; fil-qalb tiegħi kien hemm il-Vanġelu ta’ Kristu, it-talba lill-Missier għal uliedu kollha, speċjalment għal dawk l-iżjed foqra, għall-vittmi tal-inġustizzji, tal-gwerer, tal-miżerja…; it-talba biex id-djalogu bejn il-Kristjaneżmu u l-Iżlam ikun fattur deċiżiv għall-paċi fid-dinja tal-lum.

 

Nirringrazzja minn qalbi lill-Prinċep Ereditarju, il-President, il-Viċi President u l-Awtoritajiet kollha tal-Emirati Għarab Magħquda, li laqgħuni b’rispett kbir. Dak il-pajjiż kiber ħafna fl-aħħar għaxriet ta’ snin: sar salib it-toroq bejn il-Lvant u l-Punent, “oasi” multietnika u multireliġjuża, u allura post tajjeb biex jippromovi l-kultura tal-laqgħa. Nesprimi r-rikonoxximent ħaj tiegħi lejn l-Isqof Paul Hinder, Vigarju Appostoliku tal-Għarabja Sawdita, li ħejja u organizza l-avveniment għall-komunità Kattolika, u l-“grazzi” tiegħi nestendih bi mħabba għas-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi li janimaw il-preżenza Nisranija f’dik l-art.

 

Kelli l-opportunità nsellem lill-ewwel saċerdot – ta’ disgħin sena – li kien mar hemm biex iwaqqaf tant komunitajiet. Jinsab fuq siġġu tar-roti, għami, imma t-tbissima ma titlaq qatt lil ħaddejh, it-tbissima li qeda lill-Mulej u għamel tant ġdid. Sellimt ukoll saċerdot ieħor ta’ disgħin – imma dan jimxi u għadu jaħdem. Bravu! – u ħafna saċerdoti li qegħdin hemm għas-servizz tal-komunitajiet Insara ta’ Rit Latin, ta’ Rit Siro-Malabariż, Siro-Malankariż, ta’ Rit Maronita li ġejjin mil-Libanu, mill-Indja, mill-Filippini u minn pajjiżi oħra.

 

Barra d-diskorsi, f’Abu Dhabi sar pass iktar minn hekk: l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar u jien iffirmajna d-Dokument fuq il-Fratellanza Umana, li fih flimkien naffermaw il-vokazzjoni komuni tal-bnedmin kollha li jkunu aħwa ladarba huma wlied Alla, nikkundannaw kull xorta ta’ vjolenza, speċjalment dik imlibbsa b’motivazzjonijiet reliġjużi, u nħabirku biex inxerrdu fid-dinja l-valuri awtentiċi u l-paċi. Dan id-dokument sa jiġi studjat fl-iskejjel u fl-universitajiet ta’ bosta pajjiżi. Imma jien ukoll nixtieqkom taqrawh, tkunu tafuh, għax jagħtina kemm-il spinta biex nimxu ’l quddiem fid-djalogu dwar il-fratellanza umana.

 

Fi żmien bħal dan tagħna, fejn hi qawwija t-tentazzjoni li naraw iseħħ skontru bejn iċ-ċiviltà Nisranija u dik Iżlamika, u anki li nqisu r-reliġjonijiet bħala għejun ta’ kunflitt, ridna nagħtu sinjal ieħor, ċar u deċiż, li fil-verità hu possibbli li niltaqgħu, hu possibbli li nirrispettaw lil xulxin u niddjalogaw, u li, imqar qalb il-kulturi u t-tradizzjonijiet differenti, id-dinja Nisranija u dik Iżlamika japprezzaw u jħarsu l-valuri komuni: il-ħajja, il-familja, is-sens reliġjuż, il-ġieħ lill-anzjani, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u anki aspetti oħrajn.

 

Fl-Emirati Għarab Magħquda hemm jgħixu ftit iżjed minn miljun Nisrani u Nisranija: ħaddiema li ġejjin mid-diversi pajjiżi tal-Asja. Ilbieraħ filgħodu ltqajt ma’ rappreżentanza tal-komunità Kattolika fil-Katidral ta’ San Ġużepp ta’ Abu Dhabi – tempju sempliċi ħafna – u mbagħad, wara din il-laqgħa, iċċelebrajt għal kulħadd. Kienu ħafna! Ingħad li, bejn dawk li kienu fil-grawnd, li jesa’ erbgħin elf, u dawk li kienu quddiem l-iskrins kbar barra l-grawnd, iċ-ċifra kienet tasal għal mija u ħamsin elf ruħ! Iċċelebrajt l-Ewkaristija fil-grawnd tal-belt, u xandart il-Vanġelu tal-Beatitudnijiet. Fil-quddiesa, ikkonċelebrata flimkien mal-Patrijarki, l-Arċisqfijiet Maġġuri u l-Isqfijiet preżenti, tlabna b’mod partikulari għall-paċi u għall-ġustizzja, b’intenzjoni speċjali għal-Lvant Nofsani u għall-Yemen.

 

Għeżież ħuti, dan il-Vjaġġ kien parti mis-“sorpriżi” ta’ Alla. Mela ejjew infaħħru lilu u l-providenza tiegħu, u nitolbu biex iż-żerriegħa mxerrda ġġib frott skont ir-rieda mqaddsa tiegħu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard