Aħna, il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew I, nesprimu l-gratitudni profonda tagħna lejn Alla għad-don ta’ din il-laqgħa ġdida li, fil-preżenza tal-membri tas-Sinodu Mqaddes, tal-kleru u tal-fidili tal-Patrijarkat Ekumeniku, tatna li niċċelebraw flimkien il-festa ta’ Sant’Andrija, l-ewwel imsejjaħ u ħu l-Appostlu Pietru.  It-tifkira li nagħmlu ta’ l-Appostli, li ħabbru l-Bxara t-tajba tal-Vanġelu lid-dinja, permezz tal-predikazzjoni u x-xhieda tal-martirju tagħhom, issaħħaħ fina x-xewqa li nissoktaw nimxu flimkien sakemm, bi mħabba u fiduċja, negħlbu l-ostakli li jifirduna.

 

Fl-okkażjoni tal-laqgħa li kellna f’Ġerusalemm f’Mejju li għadda, meta fakkarna t-tgħanniqa storika bejn il-predeċessuri venerabbli tagħna l-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Ekumeniku Atenagora, iffirmajna dikjarazzjoni konġunta.  Il-lum, fl-okkażjoni hienja ta’ laqgħa fraterna oħra, nixtiequ flimkien inġeddu l-fehmiet u tħassib komuni tagħna.

 

Nesprimu l-fehma sinċiera u soda tagħna, f’ubbidejenza għar-rieda ta’ Sidna Ġesù Kristu, li nintensifikaw l-isforzi tagħna għat-tisħiħ ta’ l-għaqda sħiħa bejn l-Insara kollha u fuq kollox bejn Kattoliċi u Ortodossi.  Barra dan, nixtiequ nwieżnu d-djalogu teoloġiku li qed tippromovi l-Kummissjoni Internazzjonali Mħallta, li, imwaqqfa eżattament ħamsa u tletin sena ilu mill-Patrijarka Ekumeniku Dimitrios u mill-Papa Ġwanni Pawlu II hawn fil-Fanar, bħalissa qed tittratta l-kwistjonijiet l-aktar diffiċli li mmarkaw l-istorja tax-xiżma ta’ bejnietna u li jitolbu studju attend u profond.  Għalhekk, niżgurawhom mit-talb ħerqan tagħna bħala Rgħajja tal-Knisja, u nitolbu lill-fidili jingħaqdu magħna fl-invokazzjoni komuni li “ikunu lkoll ħaġa waħda… biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21).

 

Nesprimu t-tħassib komuni tagħna għall-qagħda fl-Iraq, fis-Sirja u fl-Lvant Nofsani kollu.  Aħna magħqudin fix-xewqa għall-paċi u l-istabbiltà u fir-rieda tagħna li nippromovu l-ftehim mill-kunflitti permezz tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.  Waqt li nagħrfu l-isforzi li ġa saru biex joffru assistenza lir-reġjun, fl-istess waqt insejħu lil dawk kollha li għandhom ir-responsabbiltà tad-destin tal-poplu biex iħabirku iżjed b’riżq il-komunitajiet li qed ibatu u jippermettulhom, anki lil dawk Insara, li jibqgħu f’art twelidhom.  Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna għal Lvant Nofsani bla Nsara, hemm fejn stqarrew isem Ġesù għal elfejn sena sħaħ.  Ħafna minn ħutna qed jiġu ppersegwitati u ġew imġiegħla bil-vjolenza jħallu darhom.  Donnu saħansitra ntilef il-valur tal-ħajja umana u li l-persuna umana m’għadhiex iżjed importanti u tista’ tiġi ssagrifikata għal interessi oħra.  U dan kollu, traġikament, f’wiċċ l-indifferenza ta’ ħafna.  Kif ifakkarna San Pawl: “Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu” (1 Kor 12:26).  Din hi l-liġi tal-ħajja Nisranija u f’dan is-sens aħna nistgħu ngħidu li hemm anki ekumeniżmu tat-tbatija.  Kif id-demm tal-martri kien żerriegħa ta’ qawwa u ta’ frott ġdid għall-Knisja, hekk ukoll il-qsim fit-tbatija ta’ kuljum jista’ jkun għodda effikaċi ta’ għaqda.  Il-qagħda mwiegħra ta’ l-Insara u ta’ dawk kollha li qed ibatu fil-Lvant Nofsani titlob mhux biss it-talb kostanti tagħna, imma anki tweġiba xierqa min-naħa tal-komunità internazzjonali.

 

L-isfidi kbar li d-dinja għandha quddiemha f’din is-sitwazzjoni jitolbu s-solidarjetà tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.  Għalhekk, nagħrfu l-importanza wkoll tal-promozzjoni ta’ djalogu kostruttiv ma’ l-Islam, imsejjes fuq ir-rispett u l-ħbiberija reċiproka.  Imnebbħa minn valuri komuni u mqawwija minn sentiment fratern ġenwin, Musulmani u Nsara huma msejħa jaħdmu flimkien għall-imħabba tal-ġustizzja, tal-paċi u tar-rispett tad-dinjità u tad-drittijiet ta’ kull persuna, speċjalment fir-reġjuni fejn huma, darba, għexu għal sekli sħaħ f’koeżistenza paċifika u issa qed ibatu flimkien traġikament minħabba fl-orruri tal-gwerra.  Barra minn  hekk, bħala mexxejja Nsara, insejħu lill-mexxejja reliġjużi kollha biex ikomplu mexjin u jsaħħu t-triq tad-djalogu interreliġjuż u jagħmlu kull sforz biex jibnu kultura ta’ paċi u ta’ solidarjetà bejn il-persuni u bejn il-popli.

 

Niftakru wkoll fil-popli kollha li qed ibatu minħabba fil-gwerra.  B’mod partikulari, nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, pajjiż bi tradizzjoni Nisranija antika, u nsejħu lill-partijiet involuti fil-kunflitt biex ifittxu mill-ġdid it-triq tad-djalogu u tar-rispett tal-liġi internazzjonali biex iġibu fi tmiemu l-kunflitt u jħallu lill-Ukrajni kollha jgħixu fl-armonija.

 

Ħsibijietna huma ma’ dawk tal-fidili kollha tal-Knejjes tagħna fid-dinja, li minn hawn insellmulhom, u nafdawhom f’idejn Kristu l-Feddej tagħna, biex jistgħu jsiru xhieda bla heda ta’ l-imħabba ta’ Alla.  Ngħollu t-talba ħerqana tagħna quddiem Alla biex jagħti d-don tal-paċi, ta’ l-imħabba u ta’ l-għaqda lill-familja kollha tal-bnedmin.

 

“Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f’kollox.  Il-Mulej magħkom ilkoll” (2 Tess 3:16).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard