Għeżież ħuti,

Ma stajtx niġi Turin u ma nżurx din id-dar: Id-Dar Ċkejkna tal-Providenza Divina, imwaqqfa kważi żewġ sekli ilu minn San Ġużepp Benedittu Cottolengo.  Imdawwal mill-imħabba mimlija ħniena ta’ Alla l-Missier, u b’fiduċja sħiħa fil-Providenza tiegħU, hu laqa’ n-nies foqra, abbandunati u morda li dak iż-żmien ma setgħux jingħataw kura fl-isptarijiet.

It-twarrib tal-foqra u d-dffikultajiet biex il-foqra jirċievu l-għajnuna meħtieġa, hi sitwazzjoni li, bi sfortuna, għadha magħna anki llum.  Sar progress kbir fil-mediċina u fl-għajnuna soċjali, imma nfirxet ukoll il-kultura tal-iskart, konsegwenza ta’ kriżi antropoloġika li lill-bniedem m’għadhiex tqiegħdu fiċ-ċentru u minfloku poġġiet il-konsum u l-interessi ekonomiċi (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 52-53)

Fost il-vittmi ta’ din il-kultura tal-iskart irrid infakkar partikolarment lill-anzjani, li bosta minnhom huma milqugħin f’din id-dar; l-anzjani li huma l-fakra u l-għaqal tal-popli.  Il-ħajja twila tagħhom mhux dejjem titqies bħala rigal minn Alla, imma bosta drabi bħala piż iebes biex jinġarr, l-aktar meta s-saħħa tonqos ħafna.  Din il-mentalità hi ta’ ħsara għas-soċjetà, u huwa dmir tagħna niżviluppaw “anti-korpi” kontra dan il-mod kif inħarsu lejn l-anzjani jew lejn il-persuni b’diżabiltà, kważi qiesu li dawn il-ħajjiet m’humiex aktar denji li jibqgħu jinżammu.  Dan hu dnub, hu dnub soċjali gravi.  Iżda b’liema tenerezza il-Cottolengo jħobb lil dawn il-persuni!  F’dal-post nistgħu nitgħallmu nħarsu mod ieħor lejn il-ħajja u lejn il-persuna umana!

San Ġużepp Cottolengo mmedita ħafna fuq il-paġna tal-Evanġelju tal-Ġudizzju Universali ta’ Ġesù li nsibu fil-kapitlu 25 ta’ Mattew.  U ma għalaqx widnejh għas-sejħa ta’ Ġesù li jitlob li ma jibqax bil-ġuħ, bil-għatx, bla ħwejjeġ, mingħajr ħadd ma jżuru.  Imħeġġeġ mill-karità ta’ Kristu beda opra ta’ karità li fiha l-Kelma t’Alla uriet kemm hi għammiela (cfr Eż. App. Il-ferħ tal-Vanġelu, 223).  Minnu nistgħu nitgħallmu l-konkretezza tal-imħabba evanġelika, għax ħafna foqra u morda jistgħu jsibu “dar”, jgħixu bħal fil-familja, jħossuhom parti mill-komunità u mhux imwarrbin u ttollerati.

Għeżież ħuti morda, intom membri prezzjużi tal-Knisja, intom il-laħam ta’ Kristu msallab li aħna għandna l-unur li mmissu u naqdu bl-imħabba.  Bil-grazzja ta’ Ġesù, intom tistgħu tkunu xhieda u appostli tal-Ħniena Divina li ssalva d-dinja.  Meta tħarsu lejn il-Kurċifiss, mimli mħabbba għalina, u anki bl-għajnuna ta’ dawk li jieħdu ħsiebkom, intom issibu l-qawwa u l-faraġ biex ta’ kuljum iġġorru s-salib tagħkom.

Ir-raġuni vera ta’ din id-dar mhux l-assistenzjaliżmu jew il-filantropija imma l-Evanġelju; l-Evanġelju tal-imħabba ta’ Kristu huwa l-qawwa li welditha u li qed tgħinha tibqa’ miexja: l-imħabba preferenzjali ta’ Ġesù lejn min hu fraġli u lejn min hu l-aktar dgħajjef.  Dan hu l-qofol.  Għalhekk, opra bħal din ma timxix ‘il quddiem mingħajr it-talb, li hu l-ewwel ħidma u l-aktar importanti tal-Piccola Casa, kif kien iħobb jgħid il-fundatur (cfr Detti e Pensieri, nu 24), u kif jixdu s-sitt monasteri tas-sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva li huma marbutin ma’ din l-istess opra.

Irrid irrodd ħajr lis-sorijiet, lill-aħwa konsagrati u lis-saċerdoti li hawn f’Turin u fid-djar tagħkom imferrxin madwar id-dinja.  Flimkien ma’ ħafna ħaddiema lajċi, mal-volontarji u “l-Ħbieb tal-Cottolengo”, intom imsejħin biex tkomplu, b’fedeltà kreattiva, il-missjoni ta’ dan il-kbir qaddis tal-karità.  Il-kariżma tiegħu hi għammiela, kif juru wkoll il-Beati don Francesco Paleari u Fra Luigi Bordino, kif ukoll il-Qaddeja t’Alla Swor Maria Carola Cecchin, missjunarja.

Jalla l-Ispirtu s-Santu jtikom dejjem il-qawwa u l-kuraġġ li timxu fuq l-eżempju tagħhom u li tagħtu xhieda ferrieħa tal-karità ta’ Kristu li timbotta lejn  il-qadi tal-aktar dgħajfin, u hekk tagħtu sehemkom biex tikber is-saltna t’Alla u biex id-dinja ssir aktar akkoljenti u fraterna.

Inberikkom ilkoll.  Il-Madonna tħariskom.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

Insellmilkom ilkoll, insellmilkom minn qiegħ qalbi!  Nirringrazzjakom ħafna, ħafna ta’ dak li tagħmlu mal-morda, mal-anzjani u ta’ dak li tagħmlu bit-tenerezza u b’tant imħabba.  Nirringrazzjakom ħafna u nitlobkom titolbu għalija, titolbu għall-Knisja, titolbu għat-tfal li qed jitgħallmu l-katekeiżmu, għat-tfal li qed jagħmlu l-Ewwel Tqarbina, itolbu għall-ġenituri, għall-familji, imma minn hawn itolbu għall-Knisja, itolbu biex il-Mulej jibgħat saċerdoti, jibgħat sorijiet biex jagħmlu dan ix-xogħol, tant xogħol!  U issa nitolbu flimkien lill-Madonna u wara nagħtikom il-barka tiegħi.  (Ave Marija).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber