(Padre Lombardi)

Santità, grazzi li tinsab hawn magħna waqt din it-titjira bejn iż-żewġ pajjiżi: hekk għandna din il-konverżazzjoni miegħek biex nirriflettu ftit fuq din l-ewwel tappa tal-vjaġġ f’Kuba, li kienet sabiħa u impenjattiva ħafna.

 

Għandna lista ta’ xi kollegi li ħejjew xi mistoqsijiet.  Il-mistoqsijiet sa jsiru bl-Ispanjol jew bit-Taljan, u qed jitolbuni ngħidlek twieġeb bl-Ispanjol lill-ħabiba tagħna Kubana, li sa tkun l-ewwel waħda li tintervieni; u mbagħad oħrajn staqsewni jekk kienx possibbli tuża wkoll it-Taljan, għax ġeneralment jifhmuh iżjed. […] Il-guara din id-darba nħalluh…

 

L-ewwel mistoqsija se tagħmilha seħbitna Rosa Miriam Elizalde, minn Cubadebate:

 

(Rosa Miriam Elizalde)

Grazzi.  Santità, kien tassew unur u pjaċir għalija nakkumpanjak f’dan il-vjaġġ u ta’ ferħ kbir ukoll.  Naħseb li l-mistoqsija tiegħi hi waħda xi ftit prevedibbli: nixtieq naf il-fehmiet tiegħek fuq l-embargo ta’ l-Istati Uniti fuq Kuba u jekk fil-Kungress ta’ l-Istati Uniti intix ħa titkellem fuq dan.

 

(Il-Papa Franġisku)

Il-kwistjoni tal-“bloqueo” (embargo) tagħmel parti min-negozjat.  Dan hu pubbliku: iż-żewġ Presidenti rriferew għalih.  Mela hu ħaġa pubblika, li hi fid-direzzjoni tar-relazzjonijiet tajbin li qed ifittxu.  Xewqti hi li jaslu għal riżultat tajjeb fuq dan, jaslu għal ftehim li jissodisfa ż-żewġ naħat.  Ftehim, ċertament.  Dwar il-pożizzjoni tas-Santa Sede fuq los bloqueos (l-embargi), il-Papiet preċedenti tkellmu fuq dan, mhux biss f’dan il-każ, imma anki f’każi oħra ta’ “bloqueo” (embargo).  Hemm duttrina soċjali tal-Knisja dwar dan u jien għaliha qed nirriferi, għax hi preċiża u ġusta.  Dwar il-Kungress ta’ l-Istati Uniti – id-diskors ktibtu, imma ma nistax ngħidu! – qed naħseb f’dak li nixtieq ngħid dwar hekk: imma mhux b’mod speċifiku fuq din it-tema, imma b’mod ġenerali fuq it-tema tal-ftehim bilaterali u multilaterali, bħala sinjal tal-progress fil-konvivenza.  Imma t-tema konkreta – qed ngħid dan bl-amment, ma rridx ngħid xi stupidaġni – m’hix imsemmija, nista’ ngħidlek kważi b’ċertezza li le.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Rosa oħra: bdejna b’żewġ nisa li jisimhom Rosa: dan awgurju tajjeb.  Rosa Flores mis-CNN: lilha l-kelma.  Tista’ tistaqsi bit-Taljan, possibbilment?  Jew bl-Ispanjol… il-Papa jwieġeb bit-Taljan:

 

(Rosa Flores)

Santità, il-lejla t-tajba.  Jiena Rosa Flores mis-CNN.  Smajna li ġew arrestati fuq ħamsin dissident fuq barra tan-Nunzjatura għax riedu jiltaqgħu miegħek.  L-ewwel mistoqsija hi: Tixtieq tiltaqa’ ma’ dawn id-dissidenti?  U li kellha sseħħ laqgħa bħal din, x’kont tgħidilhom?

 

(Il-Papa Franġisku)

Qabel xejn ma kontx naf li seħħ dan: ma waslitli l-ebda aħbar.  Xi ħadd jista’ jgħid: Iva, le, ma nafx…  Direttament ma nafx.  Iż-żewġ mistoqsijiet tiegħek huma fil-kundizzjonal…  Nixtieq li jkun hekk.  Jien nieħu gost niltaqa’ man-nies.  L-ewwel nett għax nemmen li l-persuni huma kollha wlied Alla, bi dritt.  It-tieni nett, laqgħa ma’ persuna oħra dejjem hi ħaġa li tagħnik.  Iva, nieħu gost niltaqa’ magħhom.  Jekk int tixtieq li nkellmek iżjed dwar id-dissidenti, nista’ ngħidlek xi ħaġa konkreta ħafna.  Qabel xejn kienet ħaġa ċara li jien ma kont ħa nagħti l-ebda udjenza, għax talbu udjenza mhux biss id-dissidenti, imma anki persuni minn oqsma oħra, fosthom anki diversi kapijiet ta’ stat.  Le, jien ġejt inżur il-pajjiż u daqshekk biss.  Ma kienet prevista l-ebda udjenza: la mad-dissidenti, lanqas ma’ oħrajn.  It-tieni: min-Nunzjatura saru telefonati lil xi persuni, li jagħmlu parti minn dan il-grupp ta’ dissidenti…  Xogħol in-Nunzju kien dak li jikkomunikalhom li bi pjaċir, mal-wasla tiegħi fil-Katidral, għal-laqgħa ma’ l-ikkonsagrati, kont sa nsellem lil dawk li nsib hemm.  Tislima.  Dan iva, veru…  Imma rajt li ħadd ma deher għal din it-tislima, ma nafx kinux hemm jew le.  Jien sellimt lil kull min kien hemm.  Fuq kollox sellimt lill-morda, lil dawk li kienu fuq siġġu tar-roti…  Imma ħadd ma ppreżenta ruħu bħala dissident.  Min-Nunzjatura saru xi telefonati biex jistednuhom għal tislima jiena u għaddej…

 

(Rosa Flores)

Imma kieku x’kont tgħidilhom

 

(Il-Papa Franġisku)

Ma nafx x’kont ngħidilhom…  Ngħid ħwejjeġ sbieħ lid-dinja kollha, imma dak li wieħed jgħid, jiġih dak il-ħin.

 

(Padre Lombardi)

Issa għandna lil Silvia Poggioli, min-National Public Radio ta’ l-Istati Uniti, li hu radju kbir ta’ l-Istati Uniti.

 

(Silvia Poggioli)

Skużani, nixtieq nistaqsik: Fl-għaxriet ta’ snin meta kien fil-poter Fidel Castro, il-Knisja Kattolika Kubana batiet ħafna.  Int, fil-laqgħa tiegħek ma’ Fidel, stajt ħadt l-impressjoni li hu forsi kien nidem xi ftit?

 

(Il-Papa Franġisku)

L-indiema hi ħaġa intima ħafna, ħaġa ta’ kuxjenza.  Fil-laqgħa tiegħi ma’ Fidel tkellimt dwar stejjer ta’ Ġiżwiti magħrufin, għax ħadtlu b’rigal anki ktieb ta’ Padre Llorente, ħabib kbir tiegħu, Ġiżwita, u anki CD bil-konferenzi ta’ Padre Llorente; u tajtu wkoll żewġ kotba ta’ Padre Pronzato li żgur sa japprezza.  Tkellimna fuq hekk.  Tkellimna ħafna fuq l-enċiklika Laudato Si’, għax hu interessat ħafna f’dan is-suġġett ta’ l-ekoloġija.  Kienet laqgħa mhux tant formali, daqskemm spontanja; kienet preżenti wkoll il-familja, anki dawk li kienu miegħi, is-sewwieq tiegħi; imma aħna konna xi ftit maqtugħin għalina, ma’ martu u hu, u l-oħrajn ma setgħux jisimgħu, imma kienu fl-istess ambjent.  Tkellimna fuq dawn il-ħwejjeġ.  Ħafna fuq l-enċiklika, għax hu mħasseb ħafna fuq dan.  Fuq l-imgħoddi ma tkellimniex.  Iva, fuq l-imgħoddi: fuq il-kulleġġ tal-Ġiżwiti, fuq kif kienu l-Ġiżwiti, fuq kemm kienu jħaddmuh, fuq dan kollu iva.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Gian Guido Vecchi, li naħseb li inti tafu, mill-Corriere della Sera, Taljan:

 

(Gian Guido Vecchi)

Santità, ir-riflessjonijiet tiegħek, anki l-kundanni tiegħek, fuq l-inġustizzja tas-sistema ekonomika dinjija, ir-riskju li l-pjaneta teqred lilha nfisha, it-traffikar ta’ l-armi, huma wkoll kundanni skomdi, fis-sens li jmissu interessi b’saħħithom ħafna.  Lejlet dan il-vjaġġ ħarġu xi osservazzjonijiet pjuttost strambi – anki mezzi tax-xandir importanti fid-dinja rrappurtawhom – fuq oqsma tas-soċjetà Amerikana, anki, li waslu biex staqsew jekk il-Papa kienx Kattoliku…  Diġà kien hemm diskussjonijiet minn dawk li kienu jitkellmu dwar “Papa Komunista”; issa saħansitra qed jistaqsu: “Il-Papa hu Kattoliku?”.  Quddiem dawn ir-riflessjonijiet, int x’taħseb?

 

(Il-Papa Franġisku)

Kardinal ħabib tiegħi rrakkuntali kif waħda mara marret għandu, imħassba ħafna: Kattolika ħafna, xi ftit riġida, din il-mara, imma twajba, twajba, Kattolika, u staqsietu kienx minnu li fil-Bibbja kien hemm miktub dwar l-Antikrist.  U hu fissrilha.  Qiegħda wkoll fl-Apokalissi, le?  U mbagħad, jekk hux veru li kien hemm diskors dwar l-antipapa…  “Imma għaliex qed tistaqsini?”, talabha tgħidlu l-Kardinal.  “Għax jiena żgura li l-Papa Franġisku hu l-antipapa”.  “U għaliex?”, staqsieha dak.  “Għaliex qed taħseb hekk?”.  “Eħħ, għax ma jilbisx iż-żarbun aħmar!”.  Hekk hu, storika…  Il-motivi biex wieħed jaħseb jekk dan hux Komunista jew le…  Jiena ċert li m’għidtx ħaġa iżjed minn dak li hemm fid-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  Fl-aħħar titjira [lura mill-vjaġġ fl-Amerika Latina], kollega tiegħek – ma nafx jinsabx hawn, ikkoreġini – qalli, meta ħriġt nitkellem dwar il-Movimenti popolari, qalli: “Int newwilt idejk lil dan il-Moviment popolari – hekk kienet xi ftit jew wisq il-biċċa –, imma l-Knisja ħa timxi warajk f’dan?”.  U jien weġibtu: “Huwa jien li nimxi wara l-Knisja”, u f’dan ma jidhirlix li qed niżbalja, ma jidhirlix li għidt xi ħaġa li m’hix fid-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  L-affarijiet tista’ tispjegahom.  Forsi spjegazzjoni li tajt setgħet tat l-impressjoni li jien xi ftit iżjed “xellugi”, imma din tkun spjegazzjoni żbaljata.  Le.  Id-duttrina tiegħi, fuq dan kollu, fuq il-Laudato si’, fuq l-imperjaliżmu ekonomiku u dan kollu, hi dik tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  U jekk hemm bżonn, lest ngħid il-“Kredu”, lest nagħmel dan!

 

(Padre Lombardi)

Ngħaddu l-kelma lil Jean-Louis de la Vaissiere, mill-aġenzija France Presse:

 

(Jean-Louis de la Vaissiere)

Il-lejla t-tajba, Santità.  Grazzi ta’ dan il-vjaġġ: dejjem interessanti.  Fl-aħħar vjaġġ tiegħek fl-Amerika Latina int ikkritikajt bis-saħħa s-sistema Kapitalista liberali.  F’Kuba donnha l-kritika tiegħek tas-sistema Komunista ma kinitx daqshekk qawwija: kienet iżjed “soft”.  Għaliex dawn id-differenzi?

 

(Il-Papa Franġisku)

Fid-diskorsi li għamilt f’Kuba, dejjem għamilt referenza għad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  Dak li wieħed għandu jikkoreġi għidtu ċar, imma bil-ħlewwa, “soft”.  Imma anki dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħek: iktar minn dak li ktibt b’mod iebes fuq il-Kapitaliżmu selvaġġ jew liberali, li ktibt fl-Enċiklika u anki fl-Evangelii gaudium, jiena ma għidtx: kollox hu miktub hemm.  Ma jidhirlix li għidt xi ħaġa iżjed minn hekk.  Ma nafx, jekk int tiftakar, fakkarni…  Għidt dak li ktibt, li hu biżżejjed!  Hu biżżejjed, hu biżżejjed.  U mbagħad, dan kważi l-istess kliem li għidt lill-kollega tiegħek: dan kollu jinsab fid-Duttrina.  Imma hawn f’Kuba – dan forsi jista’ jiċċara xi ftit il-mistoqsija tiegħek – il-vjaġġ kien vjaġġ pastorali ħafna mal-komunità Kattolika, ma’ l-Insara, anki ma’ dawk il-persuni ta’ rieda tajba, u għalhekk l-interventi tiegħi kienu omeliji…  Anki maż-żgħażagħ – li kienu żgħażagħ li jemmnu u ma jemmnux u, fost dawk li jemmnu, kien hemm minn diversi reliġjonijiet – kien diskors ta’ tama, anki ta’ inkuraġġiment għad-djalogu bejniethom, biex ikunu flimkien, ifittxu dawk il-ħwejjeġ li huma komuni bejnietna u mhux dawk li jifirduna, nibnu l-pontijiet…  Kien lingwaġġ iżjed pastorali.  Imma fl-Enċiklika kelli nitkellem fuq ħwejjeġ iżjed tekniċi, u anki dan li semmejt int.  Imma jekk tiftakar f’xi ħaġa li kont għidt fl-aħħar vjaġġ, qawwija, għidhieli, għax veru, ma niftakarx.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil ħabib antik tiegħek, li hu Nelson Castro, mir-Radio Continental, li ġej mill-Arġentina…

 

(Il-Papa Franġisku)

li hu tabib bravu

 

(Nelson Castro)

Il-lejla t-tajba, Santità.  Il-mistoqsija tiegħi tirritorna għat-tema tad-dissidenza, f’żewġ aspetti: Għaliex ġie deċiż li ma tirċevix lid-dissidenti?  U t-tieni, kien hemm wieħed li resaq lejk u li ġie mbiegħed u arrestat…  Il-mistoqsija hi: Sa jkun hemm rwol tal-Knisja Kattolika fit-tiftix ta’ ftuħ lejn il-libertajiet politiċi, fid-dawl anki tar-rwol li kellha biex jinfetħu mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Istati Uniti?  Dan is-suġġett tal-libertajiet, li hu problema għal dawk li jaħsbuha differenti f’Kuba.  Se jkun rwol li s-Santa Sede għandha f’moħħha għall-Knisja Kattolika fil-futur ta’ Kuba?

 

(Il-Papa Franġisku)

Qabel xejn: “huma”, “ma rċivejtx lilhom”.  Ma rċivejt lil ħadd f’udjenza privata.  U dan jgħodd għal kulħadd.  U kien hemm ukoll kap ta’ stat li talab udjenza…  Qed ngħidilkom: Le, ma kelli xejn x’naqsam mad-dissidenti.  L-imġiba tiegħi mad-dissidenti kienet dik li diġà fissirtilkom.  Il-Knisja ta’ hawn, il-Knisja ta’ Kuba ħadmet lista ta’ ħabsin biex tagħtihom l-amnestija…  L-amnestija ngħatat lil madwar 3,500…  Iċ-ċifra tahielhi l-President tal-Konferenza Episkopali: iva, iżjed minn tlitt elef.  U fadal każi oħra x’jiġu studjati.  U l-Knisja hawn f’Kuba qed taħdem biex jingħataw iżjed amnestiji.  Ngħidu aħna, xi ħadd qalli: “Kieku sewwa kieku kellha titwaqqaf is-sentenza ta’ għomor sħiħ il-ħabs”.  Ħa nitkellem ċar, sentenza ta’ għomor sħiħ il-ħabs hi piena moħbija tal-mewt.  Dan għidtu pubblikament f’diskors lill-ġuristi Ewropej.  Int qiegħed hemm, tmut kuljum bla ebda tama ta’ ħelsien.  Din ipoteżi.  Ipoteżi oħra hi li jingħataw amnestiji ġenerali kull sena jew tnejn…  Imma l-Knisja qed titħabat, ħadmet ħafna…  M’iniex ngħid li dawn it-tlitt elef u iktar ġew meħlusa għax kienu fuq il-lista tal-Knisja, le.  Il-Knisja għamlet lista – ma nafx ta’ kemm nies – u talbet uffiċjalment amnestiji u se tkompli tagħmel dan.

 

(Padre Lombardi)

L-aħħar wieħed fuq il-lista tagħna għal din il-konferenza hu Rogelio Mora, mit-Telemundo:

 

(Rogelio Mora)

Santità, it-tabib iżur lill-marid, mhux lil min hu f’saħħtu: f’inqas minn għoxrin sena, tliet Papiet żaru Kuba.  Kuba għandha xi marda?

 

(Il-Papa Franġisku)

M’iniex nifhem il-mistoqsija.

 

(Rogelio Mora)

Jekk iż-żjara ta’ tliet Papiet f’inqas minn għoxrin sena lill-Gżira ta’ Kuba nistgħux ninterpretawha bħallikieku kien hemm xi marda f’din il-Gżira, li l-Gżira qed tbati minn xi ħaġa…

 

(Il-Papa Franġisku)

Fhimtek issa Le, le.  L-ewwel ġie Ġwanni Pawlu II: l-ewwel żjara storika.  Imma normali: żar tant pajjiżi, fosthom pajjiżi aggressivi kontra l-Knisja.  It-tieni ġie l-Papa Benedittu: tajjeb, għamel ħaġa normali…  U tiegħi kienet xi ftit b’kumbinazzjoni, għax jien kont qed naħseb li nidħol l-Istati Uniti billi ngħaddi mill-Messiku; għall-bidu, l-ewwel idea kienet Ciudad Juarez, il-fruntiera mal-Messiku…  Imma biex tmur il-Messiku u ma żżurx il-“Guadalupana” [il-Madonna ta’ Guadalupe] kien ikun insult!  Imma issa din għaddiet…  Wara, b’dak li tħabbar fis-17 ta’ Diċembru li għadda, meta tħabbar dak li xi ftit jew wisq kien għadu riservat, proċess ta’ kważi sena…  U għalhekk jien għidt: Nixtieq immur fl-Istati Uniti u ngħaddi minn Kuba.  U għażiltha għal din ir-raġuni.  Imma mhux għax għandha xi marda partikulari li pajjiżi oħra m’għandhomx.  Jien kieku dawn it-tliet żjarat ma ninterpretahomx hekk.  Hemm bosta pajjiżi li ż-żewġ Papiet ta’ qabli żaru, u li jien ukoll żort xi wħud minnhom: ngħidu aħna l-Brażil, Ġwanni Pawlu II żaru tliet darbiet jew erbgħa u ma kellu l-ebda “marda speċjali”.  Kuntent li żort lill-poplu Kuban, il-komunità Nisranija ta’ Kuba.  Il-lum il-laqgħa mal-familji kienet sabiħa ħafna.  Kienet sabiħa ħafna.

 

Nirringrazzjakom tal-ħidma li hemm tistenniekom, li sa tkun impenjattiva, għax tlitt ibliet…  Kienu erbgħa u għoxrin diskors, u f’Kuba għamilt tmienja…  Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom.  U itolbu għalija!

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna lilek, Santità, tassew.  U awguri, għax jekk aħna rridu naħdmu, int għandek x’tagħmel iżjed minna.  Għalhekk nagħmlulek tassew l-awguri tagħna u sa nkomplu nikkollaboraw bħala komunikaturi ħalli dak li tgħid int jista’ verament iservi lill-bnedmin kollha u għall-paċi, kif għidtilna int fil-bidu.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard