Padre Lombardi: Santità, grazzi li qiegħed hawn magħna.  Tidher tajjeb wara dawn il-jiem ta’ vjaġġ u nirringrazzjawk li l-lum qed tagħtina x’nagħmlu mill-ġdid, għax bil-konverżazzjoni tiegħek se tagħtina x’nagħmlu għal tul il-vjaġġ kollu.

 

Il-Papa Franġisku: L-ewwel nett insellmilkom, l-għodwa t-tajba, grazzi tal-ħidma tagħkom.  Il-vjaġġ kien impenjattiv u kif ngħidu bl-Ispanjol, pasado por agua.  Kien sabiħ, u grazzi ħafna lilkom ukoll għal dak kollu li għamiltu.

 

L-ewwel mistoqsija, Kara David, mill-grupp tal-Filippini: L-għodwa t-tajba, Santità.  Skużani, imma ħa nitkellem bl-Ingliż.  Grazzi ħafna taż-żjara tiegħek f’pajjiżna u talli mlejt b’tant tama lill-Filippini.  Nixtequk terġa’ żżur lil pajjiżna.  Il-mistoqsija tiegħi hi din: Il-Filippini tgħallmu ħafna wara li semgħu l-messaġġ tiegħek.  Hemm xi ħaġa li l-Papa tgħallem mill-Filippini, mil-laqgħa tiegħek magħna?

 

Il-Papa Franġisku: Il-ġesti!  Il-ġesti qanqluni.  M’humiex ġesti ta’ protokoll, imma ġesti tajbin.  Kienu ġesti li jinħassu, ġejjin mill-qalb.  Xi wħud kważi jbikkuk.  Fihom hemm kollox: il-fidi, l-imħabba, il-familja, l-illużjonijiet, il-futur…  Dak il-ġest tal-missirijiet, meta kienu jerfgħu lil uliedhom ċkejknin biex il-Papa jberikhom.  Il-ġest ta’ missier.  Kien hemm ħafna minn dawn.  Kienu jgħollu ’l fuq lit-tfal tagħhom, hemm, jien u għaddej mit-triq.  Ġest li bnadi oħra ma tarahx.  Kienu qishom qed jgħidu: Dan hu t-teżor tiegħi, dan hu l-futur tiegħi, din hi l-imħabba tiegħi, għal dan ta’ min joħroġ jaħdem, għal dan ta’ min ibati.  Hu ġest oriġinali, ġej mill-qalb. 

 

It-tieni ġest li laqatni ħafna hu l-entużjażmu mhux artifiċjali, il-ferħ, l-allegrija, kapaċi tagħmlu festa anki taħt l-ilma.  Wieħed miċ-ċerimoniera qalli li ħassu edifikat għax l-abbatini f’Tacloban, f’dik ix-xita kollha, ma tilfux it-tbissima lanqas għal waqt wieħed.  Hu l-ferħ, il-ferħ veru u mhux falz.  Ma kinitx tbissima sfurzata, le, le: tbissima sinċiera.  U wara dik it-tbissima hemm il-ħajja normali, hemm l-uġigħ, hemm il-problemi.

 

Ġest ieħor kien dak ta’ l-ommijiet li ġabuli lil uliedhom morda; anki l-ommijiet b’mod ġenerali li ġabuhom hemm.  L-ommijiet ma tantx kienu jgħolluhom ’il fuq lil uliedhom… sa hawn… [il-Papa juri bil-ġesti kif il-missirijiet kienu jerfgħu lit-tfal u kif l-ommijiet kienu jżommuhom f’dirgħajhom].  Iva, veru, stajt tarahom, u kemm tfal b’diżabbiltà, b’diżabbiltajiet li jimpressjonawk xi ftit; ma kinux jaħbuh lil binhom jew binthom, ġabuh għand il-Papa biex ibierku.  Dan ibni, imma hu hekk, imma dan ibni.  L-ommijiet kollha jafuh dan u xorta jagħmluh, imma l-mod kif jagħmluh, dak li laqatni!

 

Il-ġest tal-paternità, tal-maternità, ta’ l-etużjażmu, tal-ferħ.  U hemm kelma li iebes għalina nifhmuha, għax saret wisq vulgari, intużat wisq ħażin jew inftiehmet ħażin.  Imma hi kelma li fiha sustanza: ir-rassenjazzjoni.  Poplu li jaf x’inhi t-tbatija, u li għandu l-ħila jqum u jibqa’ miexi.  Il-bieraħ, fil-kollokju li kelli ma’ missier Crystal, iż-żagħżugħa voluntiera li mietet Tacloban, ħassejtni edifikat [b’dak li qalli]: “Mietet hi u tagħti servizz”, u fittex kliem biex jirrassenja ruħu, biex jaċċetta dan.  Poplu li jaf ibati.  Dan hu li rajt, kif interpretajt il-ġesti.

 

It-tieni mistoqsija, Jean-Louis de la Vaissière tal-France Presse għall-grupp Franċiż: Santità, diġà mort darbtejn l-Asja.  Il-Kattoliċi fl-Afrika għad ma kellhomx ix-xorti li żżurhom.  Int taf li mir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, għan-Niġerja, għall-Uganda, ħafna fidili li qed ibatu l-faqar, il-gwerra, il-fundamentaliżmu Islamiku, qed jittamaw fi żjara tiegħek din is-sena.  Allura xtaqt nistaqsik meta u fejn taħseb li ħa tmur.

 

Il-Papa Franġisku: Inwieġbek ipotetikament.  Imma l-pjan hu li mmur [ir-Repubblika ta’] l-Afrika Ċentrali u l-Uganda.  Dawn it-tnejn.  Din is-sena.  Naħseb ikun lejn l-aħħar, minħabba t-temp.  Iridu jikkalkulaw it-temp, biex ma jkunx hemm ħafna xita, ma jkunx temp ikrah.  Ġej daqsxejn tard dan il-vjaġġ għax kien hemm il-problema ta’ l-Ebola.  Hi responsabbiltà kbira, tagħmel laqgħat kbar, minħabba l-biża’ li jittieħed xi ħadd.  Imma f’dawn il-pajjiżi m’hemmx problema.  L-ipoteżi hi dawn iż-żewġ pajjiżi, din is-sena.

 

It-tielet mistoqsija, Salvatore Izzo ta’ l-Agi, Agenzia Italiana di Informazione, f’isem il-grupp Taljan: Santità, f’Manila konna f’lukanda sabiħa ħafna, kulħadd kien ġentili ħafna magħna u kilna tajjeb.  Imma malli ħriġna minn din il-lukanda ħassejna li konna – biex ngħidu hekk – aggrediti moralment mill-faqar.  Rajna t-tfal mormija qalb iż-żibel, kieku int kont tgħid: ittrattati bħala żibel.  Ara, jien għandi tifel ta’ sitt snin u ħassejtni nistħi li dawn qegħdin fi stat tant ħażin.  Imma t-tifel tiegħi, li jismu Rocco, fehem tajjeb ħafna dak li tgħallimna int meta tgħidilna biex naqsmu li għandna mal-foqra.  U hekk, hu u sejjer l-iskola, jipprova jqassam dik ix-xi ħaġa ta’ l-ikel lit-tallâba taz-zona.  Imma għalija din ħaġa iebsa wisq.  Anki għal persuni oħra kbar hi diffiċli.  Kardinal wieħed biss, u erbgħin sena ilu, ħalla kollox biex imur qalb l-imġiddmin [Léger].  U din kienet il-mistoqsija li ridt nagħmel: Għaliex, għaliex hu daqshekk diffiċli nsegwu dak l-eżempju, anki għall-Kardinali?  Imbagħad il-ħaġa l-oħra li ridt nistaqsik kienet dwar is-Sir Lanka.  Rajniehom dawk il-favelas kollha aħna u sejrin l-ajruport.  Huma tined iserrħu fuq is-siġar, u prattikament jgħixu taħt is-siġar.  Il-parti l-kbira tagħhom huma Tamil u huma diskriminati.  Int, wara t-traġedja ta’ Pariġi, l-għada, forsi kif il-qiegħa kienet għadha sħuna, għidt: “Hemm terroriżmu iżolat u hemm terroriżmu ta’ l-Istat”.  Imma x’ridt tgħid b’dan it-“terroriżmu ta’ l-Istat”?  Lili ġewni f’moħħi t-tbatija u d-diskriminazzjoni ta’ dawn il-persuni.

 

Il-Papa Franġisku: Meta xi ħadd minnkom staqsieni x’kien il-messaġġ li kelli għall-Filippini, jien għidt: il-foqra.  Dan hu l-messaġġ li għandha l-Knisja l-lum.  Anki dak li qed tgħid int fuq is-Sri Lanka, it-Tamil, id-diskriminazzjoni.  Il-foqra, il-vittmi ta’ din il-kultura ta’ l-iskart.  Dan hu minnu.  Il-lum mhux il-karta jew dak li jibqa’ żejjed biss narmu.  Qed jiġu mormija l-persuni.  U d-diskriminazzjoni hi forma ta’ skart, le?  Jiġu mormija dawn il-persuni.  Tiġini xi ftit f’moħħi x-xbieha tal-kasti.  Dan m’għandux ikun.  U ħaġa oħra, donnu l-lum saret ħaġa normali li narmu.  U int tkellimt dwar il-lukanda lussuża u t-tined maġenbha.  Imma fid-djoċesi tiegħi ta’ Buenos Aires kien hemm iz-zona kollha kemm hi ġdida li jisimha Puerto Madero, sa l-istazzjoni tal-ferrovija, u mbagħad kienet tibda l-“Villa Miżerja”, il-foqra, wieħed wara l-ieħor.  Hawn issib sitta u tletin ristorant lussuż, li jekk int tmur tiekol fihom, jaqtgħulek rasek; minn hemm jibda ġuħ kbir.  Ħaġa tmiss ma’ l-oħra.  U aħna għandna t-tendenza li nidraw b’dan.  Iva, hawnhekk hawn aħna u hemm il-mormija.  Dan hu l-faqar, u nemmen li l-Knisja kull darba għandha tagħti eżempju ikbar f’din il-ħaġa, li tiċħad kull mondanità.  Għalina l-ikkonsagrati, isqfijiet, saċerdoti, sorijiet, lajċi li nemmnu tassew, l-agħar dnub, it-theddida l-iktar gravi hi l-mondanità.  Għax hi ħaġa veru kerha tara kkonsagrat, bniedem tal-Knisja, soru, li jimxu max-xejra tad-dinja.  Kerha.  Din m’hix it-triq ta’ Ġesù.  Hi t-triq ta’ NGO li tissejjaħ Knisja.  Imma din m’hix il-Knisja ta’ Ġesù, din hi NGO.  Għax il-Knisja m’hix NGO, hi ħaġa oħra.  Imma meta ssir mondana – parti mill-Knisja, dawn in-nies – issir NGO u ma tibqax Knisja.  Il-Knisja hi Kristu, mejjet u rxoxt għas-salvazzjoni tagħna, hi x-xhieda ta’ l-Insara li jimxu wara Kristu.  Dan l-iskandlu li semmejt int hu minnu.  Iva, ħafna drabi aħna nagħtu skandlu lill-Insara, niskandalizzaw: qassisin u lajċi – għax it-triq ta’ Ġesù hi diffiċli.  Veru, il-Knisja għandha titneżża’. 

 

Imma int ġagħaltni naħseb f’dak it-terroriżmu ta’ l-Istat.  Li dan l-iskart qisu terroriżmu.  Qatt ma kont ħsibtha, veru; int ġagħaltni naħseb.  Ma nafx x’naqbad ngħidlek, verament.  Imma m’humiex ġentilezzi dawk, bla dubju, għax lil dak li jkun qisek qed tgħidlu: Le, int le, int barra.

 

Jew dak li ġara hawn Ruma: tallâb minn dawn li jgħixu fit-triq kellu wġigħ fl-istonku, miskin.  U meta jkollok l-uġigħ fl-istonku u tmur l-isptar, fl-emerġenza jagħtuk aspirina jew xi ħaġa hekk, jew jagħtuk appuntament għal ħmistax wara: Ejja ħmistax oħra.  Mar għand qassis u l-qassis meta rah, ħass għalih u qallu: “Jien nieħdok l-isptar, imma int agħmilli pjaċir: meta jien nibda nfissrilhom x’għandek, int agħmel ta’ bir-ruħek ħassek ħażin”.  Hekk ġara: artista kien, ħadimha tajjeb.  Imma fil-verità kellu peritonite!  Dan ir-raġel kien mormi.  Kieku mar waħdu, kien jerġa’ jintrema u jmut.  Dak il-kappillan kien għaref biżżejjed u għenu kif messu.  Kien imbiegħed mill-mondanità.  Dan terroriżmu?  Iva… jista’ jkun…  Jista’ jkun hekk.  Issa naħsibha sew, grazzi!  Awguri wkoll għall-aġenzija.

 

Ir-raba’ mistoqsija, Jan-Christoph Kitzler mill-Ard, ir-radju Ġermaniż, f’isem il-grupp Ġermaniż: Grazzi, Santità.  Nixtieq nerġa’ ftit lura għal-laqgħa li kellek mal-familji.  Hemm int tkellimt dwar “kolonizzazzjoni ideoloġika”.  Tista’ tispjegalna l-kunċett ftit aħjar?  Imbagħad semmejt lil Pawlu VI, meta tkellimt dwar il-każi partikulari li huma importanti fil-pastorali tal-familji.  Tista’ tagħtina xi eżempji ta’ dawn il-każi partikulari u forsi tgħidilna wkoll jekk hemmx bżonn li niftħu t-toroq, li nwessgħu l-kuritur ta’ dawk il-każi partikulari?

 

Il-Papa Franġisku: Il-kolonizzazzjoni ideoloġika.  Sa nagħti eżempju wieħed li rajt jien.  Għoxrin sena ilu, fl-1995, Ministru ta’ l-Istruzzjoni Pubblika kienet talbet li tissellef ħafna flus biex tibni xi skejjel għall-foqra.  Silfuha, bil-kundizzjoni li fl-iskejjel ikun hemm ktieb għat-tfal ta’ ċertu livell.  Kien ktieb ta’ l-iskola, ktieb imħejji tajjeb didattikament, fejn kienet mgħallma t-teorija tal-gender.  Din il-mara kellha bżonn tissellef dawk il-flus, imma din kienet il-kundizzjoni.  Moħħha jilħqilha, qalet iva u għamlet ukoll ktieb ieħor, u qassmithom it-tnejn flimkien [il-kotba], u hekk waslet fejn riedet…  Din hi l-kolonizzazzjoni ideoloġika: jidħlu f’poplu b’idea li m’għandha xejn x’taqsam ma’ dak il-poplu; ma’ xi gruppi mill-poplu iva, imma mhux mal-poplu kollu, u jikkolonizzaw il-poplu b’idea li tibdel jew trid tibdel mentalità jew struttura.  Matul is-Sinodu l-Isqfijiet Afrikani gergru fuq hekk, li jiġri l-istess f’ċertu self li jsir: [jimponu] ċerti kundizzjonijiet.  Jien qed insemmi biss din li rajt b’għajnejja.  Għaliex insejħilha “kolonizzazzjoni ideoloġika”?  Għax jaqbdu, jaqbdu propju l-bżonn li jkollu poplu u jieħdu l-opportunità biex jidħlu u juru x’saħħa għandhom, permezz tat-tfal.  Imma din m’hix xi ħaġa ġdida.  L-istess ħaġa għamlu d-dittaturi tas-seklu l-ieħor.  Daħlu bid-duttrina tagħhom.  Aħsbu f’Balilla, aħsbu fiż-Żgħażagħ ta’ Hitler.  Ikkolonizzaw il-poplu, hekk riedu.  Imma kemm tbatija!  Il-popli m’għandhomx jitilfu l-libertà li għandhom.  Il-poplu għandu l-kultura tiegħu, l-istorja tiegħu; kull poplu għandu l-kultura tiegħu.  Imma meta jiġu imposti kundizzjonijiet mill-imperi kolonizzaturi, jippruvaw jeqirdu l-identità ta’ dawn il-popli u joħolqu ugwaljanza.  Din hi l-globalizzazzjoni ta’ l-isfera: it-truf kollha huma mbiegħda l-istess miċ-ċentru.  U l-vera gobalizzazzjoni – nieħu gost ngħidha din – m’hix l-isfera.  Importanti nigglobalizzaw, mhux bl-isfera, imma bil-priżma, jiġifieri fejn kull poplu, kull parti, iżżomm l-identità tagħha, dak li hi, mingħajr ma tisfa kkolonizzata ideoloġikament.  Dawn huma l-“kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi”.  Hemm ktieb – skużawni, imma ħa nagħmel ftit pubbliċità – hemm ktieb li forsi għall-bidu l-istil tiegħu hu ftit peżanti, għax hu miktub fl-1903 f’Londra.  Hu ktieb li… dak iż-żmien dan il-kittieb ra jseħħ quddiemu dan id-dramm tal-kolonizzazzjoni ideoloġika u fissru kollu f’dak il-ktieb.  Jismu The Lord of the Earth jew The Lord of the World, waħda minnhom.  L-awtur hu Benson, miktub fl-1903, u nissuġġerilkom taqrawh.  Meta taqrawh tifhmu tajjeb dak li rrid ngħid b’“kolonizzazzjoni ideoloġika”.  Dan għall-ewwel mistoqsija. 

 

It-tieni: X’ridt ngħid jien dwar Pawlu VI?  Hu minnu li l-ftuħ għall-ħajja hu kundizzjoni tas-Sagrament taż-Żwieġ.  Raġel ma jistax jagħti dan is-sagrament lil mara u lanqas mara lil raġel jekk ma jaqblux li jkunu miftuħin għall-ħajja.  Sal-punt li, jekk jista’ jiġi ppruvat li dan jew dik iżżewġu bil-fehma li ma jkunux miftuħa għall-ħajja, dak iż-żwieġ ikun null.  Hu kawża ta’ annullament taż-żwieġ, il-ftuħ għall-ħajja.  Pawlu VI, bl-għajnuna ta’ kummissjoni, analizza kif jista’ jagħmel biex jgħin f’tant każijiet, tant problemi, problemi importanti li jagħmlu l-imħabba ta’ familja.  Problemi ta’ kuljum.  Ħafna, ħafna…  Imma kien hemm xi ħaġa iżjed.  Ir-rifjut ta’ Pawlu VI ma kienx f’wiċċ il-problemi personali, li dwarhom imbagħad qal lill-konfessuri biex juru ħniena u jifhmu s-sitwazzjonijiet u jaħfru jew juru ħniena, jifhmu l-każ.  Imma hu kien qed iħares lejn in-neo-Malthusjaniżmu universali li kien qed jgħolli rasu.  U kif tagħrfu dan in-neo-Malthusjaniżmu?  Ifisser inqas minn 1% tar-rata tat-twelid fl-Italja, l-istess fi Spanja.  Dak in-neo-Malthusjaniżmu li kien qed ifittex kontroll min-naħa tal-potenzi fuq l-umanità.  Dan ma jfissirx li n-Nisrani jrid joqgħod jagħmel it-tfal wieħed wara l-ieħor.  Xi xhur ilu jien ċanfart mara f’parroċċa għax kienet ħarġet tqila bit-tmien wild wara seba’ ċesarji.  “Imma int trid tħalli warajk sebat itfal orfni?”.  Hekk tkun tittanta lil Alla.  Il-lum nitkellmu dwar paternità u maternità responsabbli.  Dik hi t-triq: il-paternità u maternità responsabbli.  Imma dak li jien ridt ngħid kien li Pawlu VI ma kienx antikwat, moħħu magħluq.  Le, kien profeta, għax b’dan qalilna: Ħarsu ruħkom sew min-neo-Malthusjaniżmu li ġej.  Dak li ridt ngħid.  Grazzi.

 

Padre Lombardi: Intant, nagħtikom aħbar.  Ninsabu mill-ġdid fuq iċ-Ċina.  Allura qed issir drawwa li nagħmlu dawn il-konferenzi mal-Papa aħna u ntiru fuq iċ-Ċina, kif diġà kien il-każ aħna u ġejjin lura mill-Korea.

 

Il-ħames mistoqsija, Valentina Alazraki għall-grupp Spanjol: Santità, fil-vjaġġ aħna u sejrin is-Sri Lanka [fir-realtà kien fit-titjira minn Colombo għal Manila], int kellek dik is-santa u anki dak il-ġest mal-povru Gasbarri, li f’każ li xi ħadd kellu jinsulta lil ommok kien ikun qed jistieden daqqa ta’ ponn.  Din il-frażi ħolqot xi ftit tal-konfużjoni u mhux kulħadd fid-dinja fehemha tajjeb, għax dehret bħallikieku kont qed tiġġustifika xi ftit reazzjoni vjolenti quddiem provokazzjoni.  Tista’ tispjegalna xi ftit aħjar dak li ridt tgħid?

 

Il-Papa Franġisku: Fit-teorija, nistgħu ngħidu li reazzjoni vjolenti quddiem offiża, provokazzjoni, fit-teorija iva, m’hix ħaġa tajba, m’għandhiex tkun.  Fit-teorija, nistgħu ngħidu dak li jgħid il-Vanġelu, li rridu ndawru n-naħa l-oħra ta’ wiċċna.  Fit-teorija, nistgħu ngħidu li għandna l-libertà li nesprimu ruħna u dan hu importanti.  Fit-teorija lkoll naqblu, imma ejja nkunu umani, u hawn tidħol il-prudenza, li hi virtù tal-konvivenza umana.  Jien ma nistax ninsulta, nipprovoka persuna kontinwament, għax inkun nirriskja li nirrabbjaha, nirriskja li nirċievi reazzjoni li ma tkunx tajba, ma tkunx ġusta.  Imma hi umana dik.  Għalhekk qed ngħid li l-libertà ta’ l-espressjoni trid tagħti kas tar-realtà umana u għalhekk ngħid li trid tkun prudenti.  Hu mod kif ngħidu li għandha tkun edukata wkoll, le?  Prudenti: il-prudenza hi l-virtù umana li tirregola r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.  Jien sa hawn nista’ nasal, ma nistax mmur lil hemm, lil hemm…  Dan li ridt ngħid: li fit-teorija aħna lkoll naqblu li hemm il-libertà ta’ l-espressjoni, u li reazzjoni vjolenti m’hix tajba, hi dejjem żbaljata.  Ilkoll naqblu.  Imma fil-prattika ejja nieqfu ftit, għax aħna umani u nirriskjaw li nipprovokaw lill-oħrajn, u għalhekk il-libertà għandha tkun imsieħba mill-prudenza.  Dak ridt ngħid.

 

Is-sitt mistoqsija, Nicole Winfield mill-Associated Press ta’ l-Istati Uniti, f’isem il-grupp Ingliż: Santità, f’isem il-grupp Ingliż ridt nistaqsik mill-ġdid fuq il-vjaġġi ta’ din is-sena.  Int ġa għidtilna li kien previst vjaġġ lejn l-Amerika.  Int semmejt tlitt ibliet: New York, Washington u Philadelphia.  Imbagħad, bil-kanonizzazzjoni ta’ Serra nistaqsu jekk hemmx maħsuba wkoll waqfa f’California jew inkella fuq il-fruntieri mal-Messiku.  U mbagħad fl-Amerika ta’ Isfel int għidt lill-kollega tagħna Elisabetta (Piqué) li hemm maħsuba tliet vjaġġi jew vjaġġ fi tliet pajjiżi ta’ l-Amerika Latina.  Liema huma?  U jekk intix taħseb li tibbeatifika personalment lill-Arċisqof Romero, reċentement magħruf bħala martri.  Daqshekk.

 

Il-Papa Franġisku: Nibda minn wara.  Hemm sa tqum gwerra bejn il-Kardinal Amato u Mons. Paglia: [jidħku] Min minnhom it-tnejn sa jmexxi l-beatifikazzjoni?  Mhux jien personalment: il-beati normalment jagħmluhom jew il-Kardinal tad-Dikasteru jew xi ieħor. 

 

Mill-aħħar mistoqsija mmorru għall-ewwel waħda: l-Istati Uniti.  Iva, it-tlitt ibliet huma dawk: Philadelphia, għal-Laqgħa tal-Familji; New York – li diġà għandi d-data, imma ma niftakarhiex, taż-żjara lill-Ġnus Magħquda –; u Washington.  Huma dawn it-tlieta.  Nixtieq immur California, biex immexxi l-kanonizzazzjoni ta’ Junipero Serra, imma hemm il-problema tat-temp.  Irridu jumejn iżjed.  Jien qed naħseb nagħmilx dik il-kanonizzazzjoni fis-Santwarju ta’ Washington.  Hi ħaġa nazzjonali.  F’Washington ukoll, fil-Capitol jidhirli, hemm l-istatwa ta’ Junipero.  Naħseb li hemm.  Li nidħol l-Istati Uniti mill-fruntiera mal-Messiku: kienet tkun ħaġa sabiħa, bħala sinjal ta’ fratellanza u għajnuna lill-emigranti, imma int taf li biex tmur il-Messiku u ma tmurx iżżur lill-Madonna, dik tkun traġedja u tista’ tinqala gwerra!  U biex nagħmel dan ukoll irrid tlitt ijiem iżjed, u mhux kollox hu ċar.  Jien naħseb li sa jkun hemm biss dawn it-tlitt ibliet.  Imbagħad ikun hemm żmien biex immur il-Messiku.  Insejt xi ħaġa?  Eħ, it-tliet pajjiżi ta’ l-Amerika Latina maħsuba għal din is-sena – kollox għadu abbozz – huma l-Ekwador, il-Bolivja u l-Paragwaj.  Dawn it-tlieta.  Is-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, nixtieq nagħmel – imma għad m’hemm xejn maħsub – iċ-Ċilì, l-Arġentina u l-Urugwaj.  U jonqos il-Perù hemm, li għadna ma nafux fejn sa npoġġuh… imma dik hi.

 

Is-seba’ mistoqsija, Carla Lim għall-grupp Filippin: L-għodwa t-tajba, Santità.  Grazzi ta’ l-ispirazzjoni li tajt lil pajjiżi.  F’isem il-poplu Filippin, grazzi ħafna.  Aħfirli li ma nafx nitkellem bit-Taljan.  F’xi diskorsi tiegħek fil-Filippini int semmejt il-korruzzjoni, u l-korruzzjoni taħtaf ir-riżorsi minn idejn il-poplu.  X’jista’ jagħmel il-Papa biex jiġġieled il-korruzzjoni, mhux biss fil-gvern, imma forsi fil-Knisja wkoll?

 

Il-Papa Franġisku: Qawwija din, eħ?  Il-korruzzjoni fid-dinja tal-lum saret l-ordni tal-ġurnata u l-atteġġjament li mill-ewwel isib fejn ibejjet fl-istituzzjonijiet.  Għax f’istituzzjoni li għandha tant friegħi ’l hawn u ’l hemm, għandha tant kapijiet u viċi-kapijiet, hemm hu faċli ħafna li taqa’ jew tbejjet il-korruzzjoni.  Kull istituzzjoni tista’ taqa’ f’dan.  Il-korruzzjoni tfisser tieħu minn dak li hu tal-poplu.  Il-persuna korrotta, li tagħmel negozju korrott, jew tiggverna bil-korruzzjoni, jew tingħaqad ma’ oħrajn biex tagħmel xi biċċa kummerċ korrott, tkun tisraq minn ħalq il-poplu.  Il-vittmi huma dawk li semma li ra dan [jalludi għall-mistoqsija ta’ qabel minn Izzo] ħdejn il-lukanda lussuża: dawk huma l-vittmi tal-korruzzjoni.  Il-korruzzjoni m’hix magħluqa fiha nfisha: toħroġ.  U toqtol.  Qed tifhem?  Il-lum hi problema tad-dinja kollha, il-korruzzjoni.  Darba, bejn wieħed u ieħor fis-sena 2001, staqsejt lill-Kap tal-Kabinett tal-President ta’ dak iż-żmien – li kien gvern li aħna konna naħsbu li ma tantx kien korrott: veru, ma tantx kien korrott, il-gvern –: “Imma għidli ftit, l-għajnuna li intom tippumpjaw fil-pajjiż, kemm fi flus, kemm f’oġġetti għall-għajxien, ħwejjeġ, kollox, kemm minnha tasal fuq il-post?”.  Dan il-bniedem, li kien bniedem ġenwin, nadif, mill-ewwel qalli: “Il-35%”.  Hekk qalli.  Is-sena 2001, f’pajjiżi. 

 

U issa, niġu għall-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet ekkleżjali.  Meta jien nitkellem fuq Knisja, nieħu gost nitkellem fuq fidili, mgħammdin, il-Knisja kollha.  U hawn aħjar nitkellem fuq midinbin.  Ilkoll aħna midinbin, le?  Imma meta nitkellmu fuq korruzzjoni, nitkellmu jew fuq persuni korrotti jew fuq istituzzjonijiet tal-Knisja li jaqgħu fil-korruzzjoni, u hemm każi, iva, hemm.  Niftakar darba, fis-sena 1994, kont għadni kemm sirt Isqof fil-kwartier ta’ Flores fi Buenos Aires, ġew għandi żewġ impjegati jew funzjonarji ta’ ministru jgħiduli: “Imma int għandek tant bżonn, b’tant foqra li hawn, fil-Villas miserias”.  “Eħ, iva”, weġibthom jien, u rrakkuntajtilhom.  “Imma aħna nistgħu ngħinuk.  Jekk trid, aħna għandna għalik għajnuna ta’ 400.000 pesos”.  Dak iż-żmien il-peso u d-dollaru kienu 1 għal kull 1:400.000 dollaru.  “Tistgħu?”.  “Iva, iva”.  Qgħadt nismagħhom, għax meta l-offerta tkun daqshekk kbira, lanqas il-Qaddis ma jafda; u mbagħad komplew jgħiduli: “Imma biex nagħmlu dan, aħna nagħmlu d-depożitu u mbagħad int tgħaddi nofshom lilna”.  Dak il-ħin bdejn naħseb bejni u bejn ruħi x’l-aħjar nagħmel: jew ninsultahom, jew nagħtihom daqqa hemm fejn ix-xemx ma tilħqilhomx, jew nagħmilha ta’ l-iblah.  U għamiltha ta’ l-iblah.  Għidtilhom, imma bil-verità kollha, għidtilhom: “Intom tafu li aħna fil-vigarjati m’għandniex kontijiet; id-depożitu tridu tagħmluh fl-arċiveskovat bl-irċevuta”.  U dak kollox.  “Eħ, ma konniex nafu… għandna pjaċir ta”, u telqu.  Imma mbagħad jien għidt bejni u bejn ruħi: Jekk dawn it-tnejn ġew direttament għandi, bla ma bagħat għalihom ħadd – ħsieb ikrah għaddieli minn moħħi –, dan għax xi ħadd ieħor qabli qal iva.  Imma dak ħsieb ikrah li ġieni…  Għax il-korruzzjoni faċli tagħmilha.  Imma niftakru ħaġa: midinbin iva, korrotti le!  Korrotti qatt!  Irridu nitolbu maħfra għal dawk il-Kattoliċi, dawk l-Insara, li jagħtu skandlu bil-korruzzjoni tagħhom.  Hi pjaga għall-Knisja; imma għandna ħafna qaddisin, u qaddisin midinba, imma mhux korrotti.  Ejjew inħarsu wkoll in-naħa l-oħra, lejn il-Knisja mqaddsa.  Xi wieħed insibu wkoll… imma grazzi li sibt il-kuraġġ tagħmel din il-mistoqsija.

 

It-tmien mistoqsija, Anaïs Feuga mir-Radio France għall-grupp Franċiż: Għaddejjin minn fuq iċ-Ċina.  Meta mort il-Korea int għidtilna li mill-għada stess kont lest tmur iċ-Ċina.  Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, tista’ tfissrilna għax ma rċivejtx f’udjenza lid-Dalai Lama li kien Ruma xi żmien ilu, u fejn waslu r-relazzjonijiet maċ-Ċina?

 

Il-Papa Franġisku: Grazzi ta’ din il-mistoqsija.  Imma serraħ rasek.  Hi użanza tal-Protokoll tas-Segretrija ta’ l-Istat li ma tilqax Kapijiet ta’ Stat jew nies ta’ dak il-livell meta jkunu Ruma għal xi laqgħa internazzjonali.  Ngħidu aħna, dak in-nhar tal-FAO ma rċivejt lil ħadd…  Għalhekk ma ġiex.  Rajt li kien hemm xi ġurnal ħareġ jgħid li ma rċivejtux għax bżajt miċ-Ċina: dak m’hux minnu.  Din kienet ir-raġuni vera dak in-nhar.  Hu talab udjenza u ngħatatlu data.  Kont staqsejtu diġà qabel, imma mhux għal dak in-nhar, u qegħdin f’kuntatt.  Imma r-raġuni ma kinitx ir-rifjut tal-persuna jew il-biża’ miċ-Ċina.  Iva, aħna miftuħin u rridu l-paċi ma’ kulħadd.  U kif sejrin ir-relazzjonijiet?  Il-Gvern Ċiniż hu edukat.  Anki aħna edukati u qed nagħmlu l-affarijiet pass pass, kif isiru l-affarijiet fl-istorja, le?  Għadna ma nafux, imma huma jafu li jien dispost biex nilqa’ għandi u anki mmur jien.  Jafuh.

 

Id-disa’ mistoqsija, Marco Ansaldo mir-Repubblica, għall-grupp Taljan: Santità, int hawn fil-Filippini għamilt vjaġġ entużjażmanti, tassew għani, mimli, imma jien irrid nagħmel pass lura, anki għax it-terroriżmu qed jolqot il-Kristjaneżmu, lill-Kattoliċi, f’ħafna nħawi tad-dinja.  F’dawn l-aħħar jiem erġajna rajnieh, fin-Niġerja, imma l-eżempji huma ħafna.  Issa int, fl-aħħar vjaġġ li għamilna, lura mit-Turkija, għamilt sejħa lill-mexxejja Islamiċi, u għidtilhom li hemm bżonn imiddu pass, li jkun hemm intervent qawwi min-naħa tagħhom.  Issa jien ma jidhirlix li din il-ħaġa ttieħdet bis-serjetà jew ġiet milqugħa, minkejja kliemek.  Hemm xi pajjiżi Musulmani moderati – nista’ nsemmi l-eżempju tat-Turkija – li għandhom atteġġjament, jekk xejn, ambigwu dwar it-terroriżmu – insemmi l-każi ta’ l-ISIS jew anki ta’ Charlie Hebdo.  Ma nafx jekk int f’dan ix-xahar u nofs kellekx ħin tirrifletti u taħseb fuq kif tmur lil hemm mill-istedina li ma ġietx milqugħa imma li kienet tant importanti.  Int, jew min jitkellem f’ismek, tiġini f’moħħi s-Segreterija ta’ l-Istat, qed nara hawn lil Mons. Becciu jew l-istess Kardinal Parolin… anki għax din hi problema li ħa tkompli tiġri warajna.

 

Il-Papa Franġisku: Dak l-appell tennejtu lill-Korp Diplomatiku dak in-nhar stess tat-tluq tiegħi lejn is-Sri Lanka, fil-għodu.  Fid-diskors lill-Korp Diplomatiku għidtilhom li nawgura li – ftit jew wisq, ma niftakarx il-kliem eżatt – il-mexxejja reliġjużi, politiċi, akkademiċi u intellettwali jesprimu ruħhom.  Anki l-poplu Musulman moderat qed jitlob dan mill-mexxejja tiegħu.  Xi wħud minnhom għamlu xi ħaġa.  Jiena nemmen li hemm bżonn nagħtu wkoll ftit taż-żmien, għax għalihom is-sitwazzjoni m’hix ħafifa.  Jien għandi tama għax hemm ħafna nies tajbin fosthom, ħafna persuni tajba, ħafna mexxejja tajbin, u jien ċert li għad naslu.  Imma ridt ngħid u ninsisti li din l-istess ħaġa tennejtha dak in-nhar li ġejt biex nitlaq.

 

L-għaxar mistoqsija, Cristoph Schmidt għall-grupp Ġermaniż: Santità, qabel xejn irrid nirringrazzjak ħafna għall-mumenti kollha hekk impressjonanti ta’ din il-ġimgħa.  Hi l-ewwel darba li ninsab miegħek u rrid nirringrazzjak ħafna.  Il-mistoqsija tiegħi: Int tkellimt dwar il-ħafna tfal fil-Filippini, dwar il-ferħ tiegħek li tara tant tfal.  Imma, skond l-istħarriġ, il-parti l-kbira tal-Filippini jaħsbu li ż-żieda enormi fil-popolazzjoni Filippina hi waħda mir-raġunijiet l-aktar importanti għall-faqar enormi fil-pajjiż, u mara fil-Filippini tiled medja ta’ iżjed minn tlitt itfal f’ħajjitha, u l-pożizzjoni Kattolika dwar il-kontraċezzjoni donnha waħda mill-ftit kwistjonijiet li fuqhom parti kbira min-nies fil-Filippini ma taqbilx mal-Knisja.  X’taħseb?

 

Il-Papa Franġisku: Jien naħseb li n-numru tlieta għal kull familja li qed issemmi, nemmen li hekk jgħidu l-esperti: li hu importanti biex iżżomm popolazzjoni, le?  Tlieta kull koppja.  Meta dan in-numru jinżel, niġu fl-estrem l-ieħor, kif qed jiġri l-Italja, fejn smajt – ma nafx hux minnu – li fl-2024 mhux sa jkollna flus biex inħallsu lill-pensjonanti.  Il-popolazzjoni nieżla, le?  Għalhekk il-kelma-muftieħ li nużaw bħala tweġiba hi dik li tuża dejjem il-Knisja, anki jien: paternità u maternità responsabbli.  Dan kif nagħmluh?  Bid-djalogu.  Kull persuna, mar-ragħaj tagħha, għandha tfittex kif issawwar din il-paternità responsabbli.  Dak l-eżempju li semmejt ftit ilu, ta’ dik il-mara li kienet qed tistenna t-tmien wild u diġà kellha sebgħa twieldu b’ċesarja: imma dan nuqqas ta’ responsabbiltà.  “Le, jien nafda f’Alla”.  “Ħares, Alla jagħtik il-mezzi, imma kun responsabbli”.  Ħafna jaħsbu li – skużawni l-kelma! – biex inkunu Kattoliċi tajbin irridu nkunu bħall-fniek!  Le.  Paternità u maternità responsabbli.  Dan hu ċar u għalhekk fil-Knisja għandna l-gruppi tal-miżżewġin, għandna l-esperti dwar hekk, għandna r-rgħajja, u wieħed ifittex l-għajnuna.  U jien naf ħafna u ħafna toroq leċiti li għenu f’dan.  Imma għamilt sew semmejtha din.  Hemm ħaġa oħra kurjuża, differenti, imma għandha x’taqsam ma’ dan.  Għan-nies l-aktar fqira, kull iben hu teżor.  Veru, wieħed irid ikun prudenti hawn ukoll.  Imma għalihom iben hu teżor.  Alla jaf kif għandu jgħinhom.  Xi wħud forsi ma jkunux prudenti f’dan, hu veru.  Paternità u maternità responsabbli.  Imma ejjew inħarsu wkoll lejn il-ġenerożità ta’ dak il-missier u ta’ dik l-omm li f’kull iben u bint jaraw teżor.

 

Il-ħdax-il mistoqsija, Elisabetta Piqué għall-Ispanjoli: F’isem il-grupp Spanjol, żewġ mistoqsijiet.  Kien vjaġġ kommoventi għal kulħadd, f’Tacloban rajna d-dmugħ iġelben il-ħin kollu, aħna l-ġurnalisti stess bkejna, u int il-bieraħ għidt li d-dinja wkoll għandha bżonn tibki.  Kollox kien qawwi ħafna.  Ridna nistaqsuk għalik liema mument kien l-aktar qawwi: il-Quddiesa f’Tacloban jew imbagħad il-bieraħ meta dik it-tifla nfaqgħet tibki…  Din l-ewwel mistoqsija.  Imbagħad it-tieni: Il-bieraħ int ktibt l-istorja, qbiżt ir-rekord ta’ Ġwanni Pawlu II f’dak l-istess post: kien hemm bejn sitt u seba’ miljun ruħ.  Kif qed tgħix dan kollu?  Il-Kardinal Tagle kien qed jgħidilna li waqt il-Quddiesa, fuq l-altar, int staqsejtu: “Kemm hawn nies?”.  Mela kif qed tgħix l-esperjenza li qbiżt dan ir-rekord u dħalt fl-istorja bħala l-Papa bl-aktar Quddiesa ffullata fl-istorja?

 

Il-Papa Franġisku: L-ewwel: l-aqwa mument.  Dak ta’ Tacloban, il-Quddiesa, għalija kien mument qawwi, qawwi ħafna: meta rajt il-poplu kollu ta’ Alla wieqaf hemm, jitlob, wara din il-katastrofi, jien u naħseb fi dnubieti u f’dawn in-nies…  Kien qawwi, mument qawwi ħafna.  Waqt il-Quddiesa hemm, jien ħassejtni qisni mirbuħ, kważi lanqas il-vuċi ma riedet tiġini.  Ma nafx xi ġrali, forsi bl-emozzjoni, ma nafx, imma ma stajt inħoss xejn iżjed.  Bħal meta tħossok qisek m’inti xejn.  U mbagħad kienu mumenti qawwija l-ġesti, kull ġest.  Meta jien kont għaddej, u wieħed missier għamel hekk [il-Papa jagħmel il-ġest qisu qed jerfa’ tarbija ’l fuq], biex jien nagħti l-barka tiegħi, u hu rringrazzjani, għalihom kien biżżejjed li nberikhom.  Jiena ħsibt: Ara jien, li nippretendi tant affarijiet, li rrid din u dik il-ħaġa…  Dan kien ta’ ġid għalija!  Mumenti qawwija.  Anki meta sirt naf li f’Tacloban inżilna b’riħ ta’ sebgħin kilometru fis-siegħa, ħadt bis-serjetà l-avviż li kellna nitilqu fis-siegħa u mhux aktar tard, għax kien se jiżdied il-periklu.  Imma ma bżajtx. 

 

B’dik il-preżenza kbira, ħassejtni ma jien xejn.  Dak kien il-poplu ta’ Alla u l-Mulej hemm kien.  Hu l-ferħ tal-preżenza ta’ Alla li jgħidilna: aħsbuha sew, għax intom qaddejja ta’ dawn… huma l-protagonisti…

 

Imbagħad il-ħaġa l-oħra hi l-biki.  Ħaġa li nitilfu meta jkollna ħafna ġid, jew meta l-valuri ma jinftehmux sew, jew meta nidraw l-inġustizzja, din il-kultura ta’ l-iskart, hi l-ħila li nibku.  Hi grazzja li għandna nitolbu.  Hemm talba sabiħa fil-Missal il-qadim, biex nibku.  Kienet tgħid xi ħaġa hekk: “O Mulej, int li għamilt li Mosè bil-ħatar tiegħu joħroġ l-ilma mill-blata, agħmel li mill-blata tal-qalb tiegħi joħroġ l-ilma tad-dmugħ”.  Sabiħa wisq din it-talba!  Aħna l-Insara għandna nitolbu l-grazzja li nibku, fuq kollox l-Insara li ma jonqoshom xejn, nibku fuq l-inġustizzji u nibku fuq dnubietna.  Għax il-biki jiftaħlek qalbek biex tifhem realtajiet ġodda u dimensjonijiet ġodda tar-realtà.  U dak li qalet dik it-tifla, anki dak li għidt jien lilha.  Hi kienet l-unika waħda li għamlet dik il-mistoqsija li ma tistax issib tweġiba għaliha: Għaliex ibatu t-tfal?  Il-kbir Dostoevskij għamilha u ma rnexxilux iweġibha: Għaliex ibatu t-tfal?  Hi, bil-biki tagħha, mara, tibki.  Meta jien ngħid li hu importanti fil-Knisja li n-nisa nagħtu iżjed kashom, dan mhux biss biex nagħtuhom funzjoni ta’ segretarja ta’ xi dikasteru: dan ukoll.  Le: biex huma jgħidulna kif iħossu u jħarsu lejn ir-realtà, għax in-nisa jħarsu minn perspettiva ta’ għana differenti, ogħla.  Hemm ħaġa oħra li nixtieq nagħfas fuqha hawn: dak li għidt lill-aħħar żagħżugħ, li veru jistinka, jagħti, jorganizza, jgħin lill-foqra.  Imma ma ninsewx li anki aħna rridu nsiru tallâba tagħhom, għax il-foqra jevanġelizzawna.  Jekk inneħħu l-foqra mill-Vanġelu, ma nistgħux nifhmu l-messaġġ ta’ Ġesù.  Il-foqra jevanġelizzawna.  “Jien immur nevanġelizza lill-foqra”.  Iva, imma ħallihom jevanġelizzawk huma, għax għandhom valuri li int m’għandekx.

 

Nirringrazzjakom ħafna tal-ħidma tagħkom, verament.  Nistmaha.  U grazzi ħafna.  Naf li għalikom hi sagrifiċċju.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco