LOGO U MOTTO TAL-PELLEGRINAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU FL-ART IMQADDSA

“ UT UNUM SINT - ĦA JKUNU LKOLL ĦAĠA WAĦDA”

Il-Papa Franġisku insista li ċ-ċentru tal-pellegrinaġġ tiegħu fl-Art Imqaddsa bejn 24 u s-26 ta' Mejju 2014 tkun il-laqgħa tiegħu mal-Patriarka Grieg Ortodoss Bartolomeo ta’ Kostantinopli u ma’ dawk responsabbli mill-Knisja ta’ Ġerusalemm.  Dan biex ifakkar u jġedded l-għaqda espressa mill-Papa Pawlu VI meta 50 sena ilu, eżattament fil-5 ta’ Jannar 1964 huwa kien iltaqgħa mal-Patriarka Atenagora.

Il-kliem tal-logo, “Ut unum sint” huwa kliem li Ġesù Kristu nnifsu kien qal fl-Aħhar Ċena fit-talba tiegħu lill-Missier, “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).

Anke l-logo juri din ix-xewqa ta’ għaqda.  Juri t-tgħannieqa bejn iż-żewġ Appostli Aħwa, Pietru u Indri, l-ewwel żewġ dixxipli msejħa minn Ġesù fil-Galilea.   L-Appostlu Pietru huwa l-patrun tal-Knisja li hi f’Ruma u L-Appostli Indri huwa tal-Knisja f’Kostantinopli.  Iż-żewġ Appostli qegħdin fuq l-istess dgħajsa fuq il-mewġ ta’ din id-dinja.