Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-bieb tat-tama jinfetaħ bl-imħabba mhux bil-ħarsien strett tal-liġi

Ġimgħa, 31 ta' Ottubru 2014

 

Fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta l-Papa tkellem dwar dawk l-Insara li huma tant marbutin mal-liġi li jinsew il-ġustizzja u dwar l-Insara li huma marbutin mal-imħabba li jwasslu l-liġi għall-milja tagħha.

 

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jistaqsi lill-Fariżej hux sewwa jew le tfejjaq nhar ta’ Sibt, imma huma ma jweġbux.  Allura Hu jaqbad raġel marid minn idejh u jfejqu.

Il-Papa nnota li meta l-Fariżej sabu l-verità ma wiċċhom, baqgħu siekta, imma kienu jseksku minn wara u jfittxu kif jistgħu iwaqqgħuh.

Ġesù jċanfar lil dawn in-nies li tant kienu marbutin mal-liġi, li kienu nsew il-ġustizzja tant li kienu jiċħdu l-għajnuna anki lil-ġenituri anzjani bl-iskuża li kienu jkunu taw kollox lit-Tempju.

 

Imma min hu l-aktar importanti, staqsa l-Papa?, ir-raba’ kmandament jew it-Tempju?  Dan il-ħarsien strett tal-liġi, kien ibegħedhom mill-imħabba u mill-ġustizzja.  Kienu jieħdu ħsieb il-liġi u jinjoraw il-ġustizzja.  Kienu josservaw il-liġi u jinjoraw l-imħabba.

 

Kienu mudelli: il-mudelli ta’ żmienhom.  Għal dawn in-nies Ġesù kellu kelma waħda: ipokriti.  Min-naħa ddur id-dinja biex tagħmlu d-dixxipli.  Imbagħad?  Tagħlqu l-bieb.  Bnedmin tal-għeluq, tant marbutin mal-liġi, mal-irqaqat tal-liġi, mhux mal-liġi li hi l-liġi tal-imħabba; imma mal-irqaqat tal-liġi.  Kienu dejjem jagħlqu l-bibien għat-tama, għall-imħabba, għas-salvazzjoni.  Nies li ma kienu jafu jagħmlu xejn aktar ħlief jagħlqu l-bibien.

 

Il-mixja biex inkunu fidili lejn il-liġi mingħajr ma nittraskuraw il-ġustizzja u l-imħabba, kompla jgħid il-Papa Franġisku bi kwotazzjoni mill-ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, hija l-maqlub ta’ dan: mill-imħabba lejn l-integrità: mill-imħabba lejn id-dixxerniment; mill-imħabba lejn il-liġi.

 

Din hi t-triq li jgħallimna Ġesù, li hija għal kollox l-oppost ta’ dik tad-dutturi tal-liġi.  Din it-triq mill-imħabba lejn il-ġustizzja tressaqna lejn Alla.  Iżda t-triq l-oħra, dik tal-ħarsien tal-liġi waħdeha, tal-ħarsien tal-irqaqat tal-liġi. tressaqna lejn l-għeluq, lejn l-egoiżmu.

 

It-triq li mill-imħabba tieħu lejn l-għarfien u d-dixxerniment, lejn il-milja, tressaqna lejn il-qdusija, lejn is-salvazzjoni, lejn il-laqgħa ma’ Ġesù.  Filwaqt li t-triq li tressaqna lejn l-eġoiżmu, lejn is-suppervja li ġġegħelna nħossuna ġusti, lejn dik il-qdusija tad-dehra biss mhix it-triq it-tajba, mhux hekk?

Lil dawn in-nies Ġesù jgħidilhom: Intom tħobbu tidhru mal-poplu bħala nies ta’ talb, ta’ sawm…. Imma biex tidhru.  Tant li lin-nies Ġesù jgħidilhom: Agħmlu dak li jgħidulkom imma mhux dak li jagħmlu huma.

 

Dawn huma ż-żewġ toroq, osserva l-Papa.  Imbagħad hemm il-ġesti żgħar ta’ Ġesù li jgħinuna nifhmu t-triq tal-imħabba li teħodna lejn l-għarfien u d-dixxerniment.  Ġesù jaqbadna minn idejna u jfejjaqna.

Ġesù jersaq qribna.  Din il-qrubija hija eżattament il-prova li aħna mexjin fit-triq it-tajba, għax hi propju t-triq li għażel Alla biex isalvana: il-qrubija.  Hu resaq qribna , sar bniedem.  Il-laħam; il-laħam ta’ Alla huwa s-sinjal tal-ġustizzja vera.

Alla li sar bniedem bħalna u aħna li rridu nsiru bħall-oħrajn, bħal min hu fil-bżonn, bħal min jeħtieġ l-għajnuna tagħna.

 

Il-laħam ta’ Ġesù, afferma l-Papa, huwa l-pont li jqarribna lejn Alla.. mhux l-iraqaqt tal-liġi, le!  Fil-laħam ta’ Alla l-liġi ssib il-milja tagħha u huwa laħam li jaf isofri, li ta ħajtu għalina.

 

Jalla dawn l-eżempji, dan l-eżempju ta’ qrubija ta’ Ġesù, mill-imħabba glen il-milja tal-liġi jgħinuna biex ma naqgħux fl-ipokrisija: qatt, temm il-Papa Franġisku.  Hu tant ikraħ in-Nisrani ipokrita, tant ikraħ.  Jalla l-Mulej jeħlisna minn dan.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.