Il-Papa Franġisku

Quddiesa ċċelebrata fuq il-qabar tal-Beatu Ġwanni Pawlu II

Żewġ ikoni u mistoqsija

Il-Ħamis, 31 ta’ Ottubru 2013

 

Żewġ ikoni u mistoqsija. Il-Papa Franġisku pproponihom dalgħodu, il-Ħamis 31 ta’ Ottubru, fil-quddiesa ċcelebrata fuq il-qabar tal-Beatu Ġwanni Pawlu II fil-kappella ta’ San Bastjan tal-bażilika Vatikana. Flimkien mal-Papa kkonċelebraw minbarra mija u għoxrin saċerdot, il-biċċa l-kbira minnhom Pollakki, fosthom l-elemonier pontifiċju Monsinjur Konrad Krajewski. Waqt li kkummenta l-qari tal-jum meħud mill-Ittra lir-Rumani (8, 31-39)u mill-Vanġelu ta’ Luqa  (13, 31-35) il-Papa għamel l-omelija li ġejja.

IF’dawn is-siltiet tal-qari hemm żewġ ħwejjeġ li jolqtu.  L-ewwel is-sikurezza ta’ Pawlu: «Ħadd ma jistà jbegħdni mill-imħabba ta’ Kristu». Tant kien iħobb lill-Mulej — għaliex kien rah, kien sabu, il-Mulej kien bidillu ħajtu — tant kien iħobbu li kien jgħid li ebda ħaġa ma setgħet tbiegħdu mill-Mulej. Propju din l-imħabba tal-Mulej kienet iċ-ċentru tal-ħajja ta’ Pawlu. Fil-persekuzzjonijiet, fil-mard, fit-tradimenti, imma, f’dak kollu li hu għex, dawn il-ħwejjeġ kollha li kienu ġrawlu f’ħajtu, xejn minn dan ma setà jbegħdu mill-imħabba ta’ Kristu. Kien propju ċ-ċentru ta’ ħajtu, ir-riferiment: l-imħabba ta’ Kristu. U mingħajr l-imħabba ta’ Kristu, mingħajr l-għixien  ta’ din l-imħabba, li jagħrfu, li jiekol minn din l-imħabba, ma jistax ikun nisrani: in-nisrani, dak li jħossu mħares mill-Mulej, b’dik il-ħarsa hekk sabiħa, maħbub mill-Mulej u maħbub saħansitra sat-tmiem. Ismà... In-nisrani jħoss li ħajtu kienet salvata permezz tad-demm ta’ Kristu. U dan jagħmel l-imħabba: dan ir-rapport ta’ mħabba. Dan huwa l-ewwel li jolqotni tant. Il-ħaġa l-oħra li tolqotni huwa dan in-niket ta’ Ġesù hekk kif jilmaħ lil Ġerusalem. «Imma int, Ġerusalem li ma fhimtx l-imħabba». Ma fehmitx il-ħlewwa ta’ Alla, b’dik l-immaġni hekk sabiħa, li jgħid Ġesù. Ma tifhimx l-imħabba ta’ Alla: Il-kuntrarju ta’ dak li kien iħoss San Pawl. Imma iva, Alla jħobbni, Alla jħobbna, imma din hija ħaġa astratta, hija ħaġa li ma tmisslix qalbi u jien nirranġa kif nistà fil-ħajja. Mhemmx fedeltà hemm. U l-biki tal-qalb ta’ Ġesù lejn Ġerusalem huwa dan:  «Ġerusalem, int mintix fidila; int ma ħallejtnix inħobbok; u int afdajt lilek innifsek lil tant idoli, li kienu jwegħduk ħafna, kienu jgħidulek li jtuk kollox, imbagħad abbandunawk». Il-qalb ta’ Ġesù, it-tbatija tal-imħabba ta’ Ġesù: imħabba mhix aċċettata, mhix milqugħa. Dawn żewġ ikoni llum: dik ta’ Pawlu li jibqà fidil sa l-aħħar għall-imħabba ta’ Ġesù, minn hemm isib il-qawwa biex ikompli għaddej, biex jissaporti kollox. Hu iħossu dgħajjef, iħossu midneb, imma għandu l-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, f’dik il-laqgħa li huwa kien kellu ma’ Ġesù Kristu. Mill-banda l-oħra, il-belt u l-poplu infidil, mhux fidil, li ma jaċcettax l-imħabba ta’ Ġesù, jew iktar agħar, eh? Li jgħix din l-imħabba imma bin-nofs: ftit iva, ftit le, skont il-konvenjenzi propji. Inħarsu lejn Pawlu bil-qlubija tiegħu li tiġi minn din l-imħabba, u nħarsu lejn Ġesù jibki fuq dik il-belt, li mhix fidila. Inħarsu lejn il-fedeltà ta’ Pawlu u lejn l-infedeltà ta’ Ġesrusalem u fin-nofs inħarsu lejn Ġesù, lejn qalbu, li tħobbna tant. X’nistgħu nagħmlu? Il-mistoqsija: Jien nixbaħ iktar lil Pawlu jew lil Ġerusalem? Imħabbti lejn Alla hija hekk qawwija bħal dik ta’ Pawlu jew qalbi hija hekk bierda bħal dik ta’ Ġerusalem? Il-Mulej bl-interċessjoni tal-Beatu Ġwanni Pawlu II , jgħinna biex inwieġbu għal din id-domanda. Hekk ikun!

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.