Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta tgħib il-preżenza t'Alla minn fost il-bnedmin, jintilef ukoll is-sens tad-dnub.

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014

 

Meta tgħib il-preżenza t'Alla minn fost il-bnedmin, jintilef ukoll is-sens tad-dnub u jista' jiġri li ħaddieħor ikollu jħallas prezz għall-medjokrità nisranija tagħna.  Affermazzjoni qawwija tal-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-dar Santa Marta.  Nitolbu 'l Alla l-grazzja li fina qatt ma tonqos il-preżenza tas-saltna tiegħu.

 

Dnub gravi, bħalma hu per eżempju l-adulterju, mitqies biss bħala problema li rridu nsibu tarf tagħha: l-għażla li jagħmel ir-Re David, li naqraw dwarha fl-ewwel qari tallum kienet il-mera li l-Papa Franġisku qiegħed quddiem il-kuxjenza ta' kull nisrani.

 

David jiġġennen wara Betseba, mart Urija, wieħed mill-ġenerali tiegħu.  Jeħodhielu u jibgħatu fuq il-front tal-battalja biex imut ....... u fil-fatt ikun qiegħed jagħmel delitt.  Minkejja, l-adulterju u l-qtil ftit li xejn imissulu l-kuxjenza.  David jagħmel dnub gravi imma ma jħossx li hu dnub, osserva l-Papa.  Lanqas jgħaddilu minn moħħu li jitlob maħfra imma kull ma jiġiħ f'moħħu hu: Kif se nħoll dil-problema?

 

Dan jista' jiġri lilna ukoll.  Ilkoll aħna midinbin u għalina lkoll il-ħobżna ta' kuljum hi t-tentazzjoni.  Jekk xi ħadd jgħidlek: imma jien qatt ma jkolli tentazzjonijiet, jew ikun kerubin jew inkela xi ftit belgħani, mhux hekk?  Wieħed jifhem li fil-ħajja il-ġlieda max-xitan qatt ma theda għax hu dejjem irid ir-rebħa.

 

Imma l-problema l-aktar gravi f'din is-silta mhux tant it-tentazzjoni u d-dnub kontra d-disa' kmandament, imma l-mod kif iġib ruħu David. David hawn ma jitkellimx dwar dnub imma dwar problema li għandu bżonn isolvi.  Dan hu sinjal!  Meta s-Saltna t'Alla tnin, meta tonqos is-Saltna t'Alla, wieħed mis-sinjali hu li nitilfu s-sens tad-dnub.

 

Kuljum waqt li ngħidu l-Missierna, nitolbu lil Alla “tiġi saltnatek”....... li jfisser, spjega l-Papa Franġisku, “tikber saltnatek”.  Imma meta nitilfu s-sens tad-dnub nitiflu ukoll is-sens tas-Saltna t'Alla u minflokha, sostna l-Papa, titfaċċa xbieha ta' xi ħaġa super-potenti li biha nibdew ngħidu lilna nfusna: “jien nista' kollox”.   Il-qawwa tal-bniedem tieħu post il-glorja t'Alla!  Dan hu l-ħobż ta' kuljum.  Hu għalhekk li ta' kuljum ngħidu t-talba “tiġi saltnatek”, “tikber saltnatek”, għax is-salvazzjoni ma tinkisibx bil-makakkerija tagħna, bil-ħażen tagħna, bl-inteliġenza ta' kemm għandna ħila ninnegozjaw.  Is-salvazzjoni tiġi bil-grazzja t'Alla u bit-taħriġ ta' kuljum li aħna nagħmlu fil-ħajja nisranija tagħna permezz ta' dil-grazzja.  L-akbar dnub tallum hu li l-bniedem tilef is-sens tad-dnub.  Il-Papa Franġisku hawn ikkwota frażi ċelebri tal-Papa Piju XII u dawwar ħarstu lejn Urija, il-bniedem bla ħtija li ntbagħat għall-mewt ħtija tar-re tiegħu.  Urija, qal il-Papa, isir b'hekk emblema tal-vittmi kollha tas-suppervja tagħna, suppervja li aħna ma nammettux.

 

Nistqarr magħkom, żied il-Qdusija Tiegħu, li meta nara dawn l-inġustizzji, din is-suppervja tal-bniedem, u meta nara l-periklu li dan jista' jiġri anki lili, il-periklu li nitlef is-sens tad-dnub, jagħmilli tajjeb li naħsb fil-bosta Urija tal-istorja, tant Urija li anki llum ibatu minħabba l-medjokrità nisranija tagħna, meta nitilfu s-sens tad-dnub, meta nħallu s-Saltna t'Alla tiġġarraf.

 

Dawn huma l-martri tad-dnubiet li aħna ma nagħrfux.  Jagħmlilna tajjeb illum nitolbu għalina nfusna biex il-Mulej itina dejjem il-grazzja li ma nitilfux is-sens tad-dnub, biex ma nkunux aħna li nwaqqgħu s-Saltna.  U nistgħu ukoll inqiegħdu fjura fuq l-oqbra ta' dawn il-ħafna Urija ta' żmienna, li jħallsu l-prezz tal-ikla ta' min iħossu ċert minnu nnifsu, dawk l-insara li jħossuhom ċerti min nhom infushom, temm il-Papa Franġisku.