Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ix-xitan mhux ħrafa, irid ikun miġġieled bl-arma tal-verità.

Ħamis, 30 ta' Ottubru 2014

 

Il-ħajja Nisranija hija ġlieda kontra x-xitan, id-dinja u l-passjonijiet tal-ġisem.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Hu u jikkummenta l-qari meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, il-Papa saħaq għal darb’oħra li x-xtan jeżisti u aħna rridu niġġildulu bl-armatura tal-verità.

 

“Forza u kuraġġ”.  Il-Papa Franġisku bena l-omelija fuq il-kliem ta’ San Pawl li, meta kien qed jindirizza lill-Efesin “jesprimi l-ħajja Nisranija b’lingwaġġ militari”.

Il-Qdusija Tiegħu qal li rridu niddefendu l-ħajja tagħna f’Alla u jeħtiġilna nissieltu biex immexuha ‘l quddiem. Għalhekk huma meħtieġa l-forza u l-kuraġġ biex nirreżistu u biex inħabbru.  Biex nimxu ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali irridu nissieltu.  Mhux konfront sempliċi, le, imma hija ġlieda kontinwa.

Franġisku fakkar li l-għedewwa tal-ħajja nisranija huma tlieta: id-demonju, id-dinja u l-ġisem, jew aħjar il-passjonijiet tagħna, li huma l-feriti li writna mid-dnub oriġinali.  Ċertament, osserva l-Papa, is-salvazzjoni Ġesù tahielna b’xejn, imma rridu niddefednuha.

 

Minn min irridu niddefedni ruħi?  X’irrid nagħmel?  Nilbes l-armatura ta’ Alla, jgħidilna Pawlu, jiġifieri li dak li hu ta’ Alla jiddefendina biex nirreżistu n-nasses tax-xitan.  Ċara din?  Ċara, tenna l-Papa?  Ma nistgħux naħsbu fil-ħajja spiritwali, f’ħajja nisranija, mingħajr ma nirreżistu t-tentazzjonijiet, mingħajr ma nissieltu max-xitan, mingħajr ma nilbsu din l-armatura ta’ Alla li ttina l-forza u tiddefendina.

 

San Pawl, kompla jgħid il-Papa, jinsisti li l-battalja tagħna mhix kontra affarijiet żgħar, imma kontra l-prinċipati u l-qawwiet, jiġifieri kontra x-xitan u sħabu.

Imma lil dil-ġenerazzjoni, u anki lil ġenerazzjonijiet oħra, ġegħeluhom jemmnu li x-xitan hu ħrafa, figura, idea, l-idea tal-ħażin.  Imma x-xitan jeżisti u aħna rridu niġġieldu kontrih.

 

Dan jgħidu Pawlu, mhux qed ngħidu jien, qal Franġisku.  Dan tgħidu l-Kelma t’Alla.  Imma aħna ma tantx aħna konviniti minnu.  U mbagħad Pawlu jgħidilna kif inhi din l-armatura ta’ Alla u liema huma l-armaturi differenti li jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw din l-armatura l-kbira ta’ Alla.  U jgħid: Kunu sodi għalhekk imħażżmin bil-verità.  Din hi armatura ta’ Alla: il-verità.

 

Ix-xitan, kompla l-Papa, huwa l-giddieb, missier il-giddibin, missier il-gideb.  U flimkien ma’ San Pawl irid ikollna ġenbejna mħażżmin bil-verità u nkunu libsin il-kurazza tal-ġustizzja.

 

Għalhekk, ma nistgħux inkunu Nsara mingħajr ma naħdmu l-ħin kollu biex inkunu ġusti, ma nistgħux!  Ħaġa li tkun tista’ tgħinna ħafna tkun jekk nistaqsu lilna nfusna jekk nemmnux jew le.

 

Jiena nemmen xi ftit iva u xi ftit le?  Jien xi ftit tad-dinja u nemmen sa fejn jaqbilli?  Mingħajr il-fidi, qal il-Papa Franġsiku, ma nistgħux nimxu ‘l quddiem, ma nistgħux niddefendu s-salvazzjoni li ġabilna Ġesù.

 

Għandna bżonn din il-kurazza ta’ fidi għax ix-xitan, lejna ma jixħittx il-fjuri imma vleġġeġ jikwu, biex joqtolna.  Għalhekk il-Papa ħeġġiġna biex naqbdu l-elmu tas-salvazzjoni u x-xabla tal-Ispirtu li hija l-Kelma t’Alla u stedinna nitolbu l-ħin kollu, u ngħassu bit-talb u s-suppliki.

 

Ħajjitna hija milizja.  Il-ħajja nisranija hija ġlieda, ġlieda sabiħa, għax meta l-Mulej jirbaħ f’kull pass ta’ ħajjitna, jagħtina ferħ kbir: dak il-ferħ li l-Mulej rebaħ fina bis-salvazzjoni gratwita li tana.  Hu minnu li lkoll aħna xi ftit għażżenin fil-ġlieda, mhux veru?, u nħallu l-passjonijiet u t-tentazzjonijiet imexxuna.  Dan għaliex aħna lkoll midinbin, ilkoll!

 

Imma taqtgħux qalbkom, kuraġġ u forza għax il-Mulej magħna, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.