Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Fil-waqtiet mudlama anki l-ilment isir talba.  Imma rridu noqgħodu attenti mill-ilmenti teatrali. 

It-Tlieta, 30 ta' Settembru 2014

 

Fil-waqtiet mudlama anki l-ilment isir talba.  Imma rridu noqgħodu attenti mill-ilmenti teatrali.  Din l-affermazzjoni l-Papa Franġisku għamilha dalgħodu hu u jirrifletti dwar l-ewwel qari tal-liturġija tallum, meħud mill-Ktieb ta’ Ġob.  il-Qdusija Tiegħu fakkar lil dawk l-Insara li qed jgħixu traġedji kbar għax imkeċċijin minn djarhom minħabba l-fidi.

 

Ġob jisħet il-jum li twieled.  It-talba tiegħu tidher qisha saħta.  Ġob kien għadda minn provi iebsin, kien tilef il-familja, ġidu kollu, saħħtu u ġismu kien sar pjaga waħda, pjaga mistkerrha.

 

F’dak il-mument hu kien titlef il-paċenzja, qal il-Papa, u jibda’ jgħid dawn l-affarijiet.  Huma affarijiet koroħ!  Imma hu minn dejjem kien imdorri jitkellem bil-verità u din kienet il-verità li kien qiegħed iħoss dak il-ħin.

 

Anki Ġeremija, fakkar il-Papa, juża kważi l-istess kliem: Misħut lil-jum li fih twelidt!.  Imma dal-bniedem qiegħed jidgħi?  Din hi l-mistoqsija li nagħmel lili nnifsi.  Dal-bniedem, waħdu, abbandunat, b’dak li jgħid qed jidgħi?

Meta Ġesù jilmenta u jgħid: Missier għaliex abbandunajtni!, kien qed jidgħi?  Tant drabi, żied il-Papa, smajt nies li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, ta’ dwejjaq, li tilfu kollox jew iħossuhom waħedhom u abbandunati, jilmentaw u jagħmlu dawn il-mistoqsijiet:  għaliex?  Għaliex?  Jirribellaw kontra Alla.

U jiena ngħid: Kompli itlob hekk, għax anki dan hu talb.  Kienet talba ukoll anki meta Ġesù qal lill-Missier “Għaliex abbandunajtni?”

 

Hawnhekk Ġob qiegħed jagħmel talba.  Għaliex, osserva l-Papa, it-talb hu meta nsiru verità quddiem Alla.  U Ġob ma setax jitlob mod ieħor.  Nitolbu bil-verità, il-veru talb jiġi minn qalbna, mill-mument li nkunu qed ngħixu, meta ma narawx aktar tama jew meta ebda xefaq ma jkun jidher quddiemna.

Tant nies illum jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ Ġob.  Tant nies twajba, bħal Ġob ma jifhmux xi jkun ġralhom, għaliex ġralhom dak li ġralhom.  Tant aħwa li m’għandhomx tama.  Naħsbu ftit fit-traġedji, fit-traġedji l-kbar, per eżempju dawk ħutna li għax Insara tkeċċew minn djarhom u baqgħu b’ta fuqhom senduqhom.  “Imma Mulej, jien emmint fik.  Għaliex?  Li nemmen fik hija saħta, Mulej?”

Niftakru fl-anzjani mwarrbin, kompla l-Papa, niftakru fil-morda, f’tant nies waħedhom, fl-isptarijiet.  Il-Knisja titlob għal dawn in-nies kollha u anki għalina meta nsibu ruħna fit-triq mudlama.  Il-Knisja titlob!  U tieħu fuq spallejha dawn it-tbatijiet, u titlob.

 

U aħna, meħlusin mill-mard, mitmugħin, li ma neħtiġux affarijiet importanti, widdeb il-Papa, malli nħossu ftit dlam f’ruħna naħsbu li sirna martri u nieqfu nitolbu.

 

U hemm min jgħid: Irrabjat għal Alla, mhux se mmur aktar nisma’ l-quddies!  Imma għaliex, staqsa l-Papa?  Għal xi ħaġa żgħira…..  Franġisku fakkar li fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, waqt li kienet tipprova taħseb dwar is-sema, kienet tħoss ġo fiha bħal leħen li jgħidilha: Tkunx belha, tibnix fantasiji.  Taf x’hemm jistennik?  Il-Baħħ!

 

Tant drabi nsibu ruħna f’din is-sitwazzjoni, ngħixu din l-esperjenza. U hawn tant nies li jaħsbu li aħna se nispiċċaw fix-xejn.  U Santa Tereża kienet titlob u titlob għall-qawwa biex tkompli miexja ‘l quddiem fid-dlam.  Dan insejħulu: twaħħid mal-paċenzja.

 

Ħajjitna hi wisq faċli, l-ilmenti tagħna huma lmenti teatrali.  Quddiem dawn, quddiem l-ilmenti ta’ tant nies, tant ħutna li jinsabu fid-dlam, li kważi tilfu l-fakra, kważi tilfu t-tama, li jgħixu f’eżilju minnhom infushom, huma eżiljati, jgħixu fil-baħħ!

 

U Ġesù għadda minn dit-triq: mil-lejl fuq l-Għolja taż-Żebbuġ sal-aħħar kelma fuq is-Salib: Missier, għaliex abbandunajtni?

 

Allura l-Papa Franġisku issuġġerixxa żewġ affarijiet li jistgħu jgħinu: l-ewwel – inħejju ruħna għal meta jaqa’ fuqna d-dlam, li forsi ma jkunx tant iebes bħalma kien għal Ġob imma li se jmissna żgur.  Inħejju qlubna għal dak il-mument.

It-tieni: Nitolbu kif titlob il-Knisja, mal-Knisja għal tant ħutna li qiegħdin taħt il-madmad tal-eżilju minnhom infushom, fid-dlam, fit-tbatija, mingħajr tama.

Din hija t-talba tal-Knisja, temm il-Papa, għal dawn in-nies li nistgħu nsjeħulhom “Ġesù fit-Tbatija”, li nsibuhom kullimkien.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.