Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Hemm aktar Insara persegwitati llum milli kien hemm fl-ewwel sekli tal-Knisja.

It-Tnejn, 30 ta’ Ġunju 2014

 

Hemm aktar Insara persegwitati llum milli kien hemm fl-ewwel sekli tal-Knisja, tenna l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  Illum il-Knisja tfakkar lill-Qaddisin Protomartri tal-Knisja Rumana li kienu nqatlu b’mod krudili fuq l-Għolja tal-Vatikan b’ordni ta’ Neruni, wara l-ħruq ta’ Ruma, fis-sena 64.

 

It-talba tal-bidu tal-quddiesa tfakkarna li l-Mulej “saqqa bid-demm tal-martri l-ewwel żerriegħa tal-Knisja ta’ Ruma”.  Qed nitkellmu dwar it-tkabbir ta’ pjanta, afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija, u dan ifakkarna dak li kien jgħid Ġesù: “Is-Saltna tas-sema hi bħal dak il-bniedem li tefa’ ż-żerriegħa mbagħad telaq lura lejn daru, u, rieqed jew imqajjem, iż-żerriegħa tikber u twarrad mingħajr ma jkun jaf kif hu.”  Din iż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li tikber u ssir is-Saltna t’Alla, issir Knisja bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u bix-xhieda tal-Insara.

 

Nafu li mingħajr l-Ispirtu ma jistax ikun hemm tkabbir; Hu jagħmel il-Knisja, Hu jgħinha tikber, Hu jlaqqa’ flimkien il-komunità tal-Knisja.  Imma hi meħtieġa wkoll ix-xhieda tal-Insara.  U meta din ix-xhieda tasal fl-aħħar, meta ċ-ċirkostanzi storiċi jitobu minna xhieda qawwija, hemmhekk insibu l-martri, l-akbar xhieda.

U dik il-Knisja tissaqqa’ bid-demm tal-martri.  Dan hu s-sabiħ tal-martirju.  Jibda’ bix-xhieda, jum wara ieħor, u jista’ jintemm bħalma ntemm Ġesù, l-ewwel martri, l-ewwel xhud, ix-xhud fidil: bid-demm.

 

Iżda hemm kundizzjoni biex din ix-xhieda tkun waħda vera, żied il-Papa, trid tkun mingħajr kundizzjonijiet.  Smajna fl-Evanġelju li dak ir-raġel ried imur wara l-Mulej, imma jagħmillu kundizzjoni: ried imur isellem ‘il-missieru u jidfnu……  Il-Mulej iwaqqfu: “Le!”  Ix-xhieda hija mingħajr kundizzjonijiet, trid tkun soda, deċiża, irid ikollha l-lingwaġġ tant qawwi li jgħidilna bih Ġesù: “il-lingwaġġ tagħkom irid ikun iva, iva,le, le.  Dan hu l-lingwaġġ tax-xhieda.

 

Illum, kompla l-Papa Franġisku, inħarsu lejn din il-Knisja ta’ Ruma li qed tikber imsoqqija bid-demm tal-martri.  Imma hu xieraq ukoll, kompla jgħid, li llum naħsbu f’tant martri ta’ żmienna, tant martri li jagħtu ħajjithom għall-fidi.  Hu minnu li kien hemm ħafna Nsara persegwitati fi żmien Neruni, imma llum – saħaq il-Papa – mhumiex b’anqas.

 

Illum hemm tant martri fil-Knisja, tant Insara persegwitati.  Niftakru fil-Lvant Nofsani, l-Insara jkollhom jaħarbu mill-persekuzzjonijiet, tant Insara maqtulin mill-persekuturi.  Anki dawk l-Insara li jitkeċċew ‘il barra b’mod aktar diplomatiku, bl-ingwati bojod: anki dik hi persekuzzjoni.

 

Illum hemm ħafna aktar xhieda, aktar martri fil-Knisja milli kien hemm fl-ewwel sekli.  U waqt din il-quddiesa, li fiha qed infakkru lill-antenati glorjużi tagħna, hawn f’Ruma, naħsbu wkoll dwar dawn ħutna li jgħixu fil-persekuzzjoni, li jbatu, u li b’demmhom isaqqu u jkabbru ż-żerriegħa ta’ tant Knejjes żgħar li jinbtu.  Nitolbu għalihom u għalina, temm il-Papa.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.