Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Id-dwejjaq tagħkom jinbidel f’ferħ.

Il-Ġimgħa 30 ta’  ta' Mejju 2014

 

Id-dwejjaq tagħkom jinbidel f’ferħ.  Din hija l-wegħda li għamel Ġesù lid-dixxipli u li fuqha l-Papa Franġisku bena l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  F’din l-omelija l-Papa donnu niseġ innu lill-ferħ nisrani, illi, osserva l-Qdusija Tiegħu, ma nistgħux nixtruh imma nistgħu biss nirċevuh bħala rigal minn Alla.  Il-ferħ tan-nisrani, huwa ferħ fit-tama.

 

San Pawl kien kuraġġuż ħafna għax il-qawwa tiegħu kien isibha fil-Mulej.  Minn din l-affermazzjoni l-Papa Franġisku żviluppa l-omelija tiegħu iċċentrata kollha fuq il-ferħ tan-nisrani.  Ċertament, osserva l-Papa, xi drabi anki l-Appostlu tal-Ġnus kien jibża’.  Ilkoll jiġrilna fil-ħajja li ngħaddu minn waqtiet ta’ biża’.  U nistaqsu lilna nfusna: mhux aħjar inbaxxi ftit il-livell u nkun nisrani ftit ‘l hawn u ftit ‘l hemm billi nagħeml il-kompromessi mad-dinja?

 

Però Pawlu kien jaf li dak li kien qed jagħmel ma kienx jogħġob lill-Lhud u lanqas lill-pagani.  Imma ma kienx jieqaf u għalhekk kellu jgħaddi minn problemi u persekuzzjonijjiet.  Dan iġegħelna naħsbu fil-beżgħat tagħna.  Anki Ġesù fil-Ġetsemani beża’, u ħassu mdejjaq ħafna.  U fid-diskors tat-tluq, fakkar il-Papa Franġisku, lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom ċar u tond li d-dinja se tifraħ minħabba t-tbatijiet tagħhom, kif ġara bl-ewwel martri fil-Kolossew.

 

Aħna rridu ngħiduha l-verità: mhux il-ħajja nisranija kollha hija festa.  Mhux kollha!  Hemm il-biki, kultant nibku.  Meta tkun marid: meta jkollok problema fil-familja ma’ uliedek, mal-mara, mar-raġel.  Meta tara li l-paga li għandek ma twassallekx sal-aħħar tax-xahar u għandek xi ħadd minn uliedek marid; meta ssib li ma tistax tħallas il-pagament tal-“loan” tad-dar u jkollok titlaq minnha…..  Tant problemi, tant problemi li aħna lkoll għandna.  Imma Ġesù jgħidilna:  Tibżgħux.  Iva se jkollkom id-djieqa f’qalbkom, se tibku u n-nies jieħdu gost, dawk in-nies li huma kontrik.

 

Imma wkoll, kompla jgħid, hemm djieqa ta’ qalb oħra: dik li jkollna lkoll meta nkunu mixjin fi triq il-ħażina.  Meta, biex ngħiduha sempliċiment, immorru nixtru l-ferħ, l-allegrija, dik tad-dinja, dik tad-dnub u fl-aħħar inħossu l-vojt ġo fina, u nħossuna mdejqin.  Din hi d-djieqa tal-qalb li tiġi minn ferħ żbaljat.  Imma l-ferħ nisrani hu ferħ fit-tama li għad trid tasal. Fil-ħin tal-prova aħna din ma narawhiex.  Huwa ferħ li jiġi msaffi mill-provi u anki mill-provi li jkollna fl-ħajja ta’ kuljum: “Id-dwejjaq tagħkom jinbidel f’ferħ”.  Imma hu diffiċli meta int tmur għand x marid jew marida li jkunu batuti ħafna li tgħidilhom “Kuraġġ!  Kuraġġ.  Għada jkollok il-ferħ!”

 

Le, ma nistgħux ngħidu hekk.  Irridu li lil dak li jkun ngħinuh iħoss dak li kien jagħmel Ġesù.  Anki aħna, meta nsibu ruħna fid-dlam, meta ma nkunu qed naraw xejn, irridu ngħidu: Jiena naf, Mulej, li dan id-dwejjaq se jinbidel f’ferħ.  Ma nafx kif, imma nafu dan!  Att ta’ fidi fil-Mulej.  Att ta’ fidi!

 

Biex nifhmu kif id-dwejjaq jinbidel f’ferħ, qal mill-ġdid il-Papa, Ġesù jieħu l-eżempju ta’ mara fil-waqt tal-ħlas.  Hu minnu li waqt il-ħlas il-mara tbati ħafna – afferma l-Papa - imma meta jkollha t-tarbija fi ħdanha, tinsa.  Dak li jibqa’ għalhekk huwa l-ferħ ta’ Ġesù, ferħ purifikat.

 

Dak hu l-ferħ li jibqa’.  Ferħ moħbi f’xi mumenti tal-ħajja, li ma nħossuhx fil-waqtiet koroħ, imma li jiġi wara, ferħ fit-tama.  Dan hu għalhekk il-messaġġ tal-Knisja llum: tibżgħux!

 

Irridu nkunu kuraġġużi fit-tbatija u naħsbu li wara, ġej il-Mulej, wara jiġi l-ferħ, wara d-dlam tfiġġ ix-xemx.  Jalla l-Mulej itina dan il-ferħ fit-tama.  Is-sinjal li għandna ta’ dan il-ferħ hija l-paċi.  Kemm morda li waslu fi tmiem ħajjithom, miġugħin, għandhom dik il-paċi tar-ruħ…… Din hi ż-żerriegħa tal-ferħ, dan hu l-ferħ fit-tama: il-paċi.  Int għandek il-paċi tar-ruħ fil-mument tad-dlam, fil-mument tad-diffiklutà, fil-mument tal-persekuzzjoni, meta kulħadd ikun qed jifraħ bit-tbatijiet tiegħek?  Għandek il-paċi?  Jekk għandek il-paċi int għandek iż-żerriegħa ta’ dak il-ferħ li jiġi wara.  Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan kollu, temm Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.