Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Nisrani mingħajr il-Knisja ma jagħmilx sens.

Il-Ħamis, 30 ta’ Jannar 2014

Nisrani mingħajr il-Knisja ma jagħmilx sens afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  Il-Qdusija Tiegħu indika tliet pilastri li fuqhom tistrieħ l-appartenenza ekkleżjali: l-umiltà, il-fedeltà u t-talb għall-Knisja.

 

Il-punt tat-tluq tal-omelija kien ir-re David u dak li naqraw dwaru fl-ewwel qari tal-ġurnata: raġel jitkellem mal-Mulej bħal tifel li qed jitkellem ma' missieru.  Minkejja li t-tweġiba li jirċievi għal dak li qed jitlob hija “le”, xorta jaċċettaha bil-ferħ.

 

David, osserva l-Papa, kellu sens kbir ta' appartenenza mal-poplu t'Alla.  Dan

iġegħelna nistqasu; liema hu s-sentiment ta' appartenenza tiegħi mal-Knisja, il-mod kif jiena nħoss mal-Knisja u fil-Knisja?

 

In-Nisrani mhux dak li wara li jitgħammed jitlaq għal rasu.  L-ewwel frott tal-Magħmudija hu li bniedem isir parti mill-Knisja.  Għalhekk Nisrani mingħajr il-Knisja ma jagħmilx sens.  Kien għalhekk li l-kbir Papa Pawlu VI kien jgħid li hi dikotomija assurda li tħobb lil Kristu mingħajr il-Knisja; li tisma' lil Kristu imma mhux lill-Knisja; li tkun ma' Kristu imma tibqa' fit-truf tal-Knisja.  Dan ma jistax isir.  Hija dikotomija assurda.  Aħna nirċievu l-messaġġ evanġeliku fil-Knisja u l-qdusija tagħna tikber fil-Knisja, triqtna hi l-Knisja.  Il-bqija hu biss fantasija u kif kien jgħid Pawlu VI, assurdità, qal Franġisku.

 

Is-“sensus ecclesiae” (is-sens ta' Knisja) hu propju li taħseb, tħoss u trid fi ħdan il-Knisja.  Hemm tliet pilastri li fuqhom tistrieħ din l-appartenenza, li bih aħna “nħossu” mal-Knisja.  L-ewwel: l-umiltà, għax nagħrfu li hi grazzja kbira li aħna nagħmlu parti minn din il-komunità.

Persuna li ma tkunx umli ma tistax “tħoss” mal-Knisja, tisma' biss dak li jaqblilha, dak li jaqbillu.  L-umiltà li naraw f'David hi propju din: Min jien Mulej Alla, u x'inhi dari?  B'għarfien u konvinzjoni li l-istorja tas-salvazzjoni ma tibdiex minni u ma tintemmx meta mmut jiena.

 

Le, l-istorja tas-salvazzjoni hija storja sħiħa: jien ġejt........ u l-Mulej jilqgħek, imexxik 'il quddiem u mbagħad isejjaħlek u l-istorja tibqa' sejra.  L-istorja tal-Knisja bdiet qabilna u tkompli warajna.  Umiltà: aħna biss farka żgħira minn poplu kbir li miexi fit-triq tal-Mulej, żied josserva l-Qdusija Tiegħu.

 

It-tieni pilastru hu l-fedeltà: li norbtuha mal-ubbidjenza.  Fedeltà lejn il-Knisja, lejn it-tagħlim tagħha, lejn il-Kredu, fedeltà lejn id-duttrina u t-tħaris ta' din id-duttrina.  Umiltà u fedeltà.  Pawlu VI kien ifakkarna ukoll li l-messaġġ tal-Vanġelu aħna nirċievuh bħala rigal u għandna d-dmir li ngħadduh lill-oħrajn bħala rigal mhux qiesu xi ħaġa tagħna: hu rigal li nirċievu u ngħaddu lil ħaddieħor.  B'dan l-att aħna nkunu fidili għax aħna rċevejna u rridu nagħtu Vanġelu li mhux tagħna, imma li hu ta' Ġesù, u ma nistgħux, kif kien jgħid Pawlu VI nsiru sidien tal-Vanġelu, sidien tad-duttrina li rċevejna, biex nużawha kif jidhrilna.

 

It-tielet pilastru, qal il-Papa Franġisku, hu servizz partikolari: it-talb għall-Knisja.  Kif inhu t-talb tagħna għall-Knisja, staqsa l-Papa?  Nitolbu għall-Knisja waqt il-quddiesa, kuljum, imma aħna u nitolbu d-dar, le?  Jeħtieġ nitolbu għall-Knisja kollha f'kull rokna tad-dinja.

 

Jalla l-Mulej, temm il-Papa, jgħinna nimxu f'dit-triq biex l-appartenenza tagħna fil-Knisja u s-sens ta’ appartenenza jkunu aktar sħaħ.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.