Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Satana jippreżenta l-affarijiet qishom kienu xi ħaġa tajba imma l-intenzjoni tiegħu hi li jiddistruġġi lill-bniedem. It-Tnejn, 29 ta' Settembru 2014
Satana jippreżenta l-affarijiet qishom kienu xi ħaġa tajba imma l-intenzjoni tiegħu hi li jiddistruġġi lill-bniedem, anki għal raġunijiet “umanistiċi”. L-Anġli jissieltu max-xitan u jiddefenduna. Dan hu l-ħsieb ewlieni tal-omelija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta fil-jum li fih il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel.
Il-qari tal-ġurnata jtina xbiehat qawwijin ħafna: il-viżjoni tal-glorja t’Alla kif jirrakkuntaha l-Profeta Danjel, ma’ Bin il-Bniedem Ġesù Kristu, quddiem il-Missier; it-taqbida tal-Arkanġlu Mikiel u l-Anġli tiegħu mad-dragun il-kbir, is-serpent l-antik, dak li jissejjaħ xitan u jisseduċi l-art kollha imma jisfa’ megħlub kif jaffermaw l-Apokalissi; u l-Vanġlu li fih Ġesù jgħid lil Natanjel: Għad taraw is-sema miftuħ u l-Anġli tal-Mulej telgħin u neżlin fuq Bin il-Bniedem.
Il-Papa Franġisku tkellem dwar it-taqbida bejn Alla u d-demonju u qal li din it-taqbida sseħħ wara li Satana jipprova jeqred lll-mara li waslet biex twelled lil binha. Satana dejjem ifittex li jaqred lill-bniedem: dak li-bniedem li Danjel kien jara hemmhekk, fil-glorja, u li Ġesù qal lil Natanjel li kellu jiġi fil-glorja.
Sa mill-bidunett il-Bibbja tkellimna dwar dan: din is-seduzzjoni ta’ Satana biex jeqred. Forsi għall-għejra. Fis-Salm 8 naqraw: Int għamilt lill-bniedem ‘il fuq mill-anġli, u dik l-inteliġenza tant kbira tal-anġlu ma setgħetx toqgħod għall-din l-umiljazzjoni, li kreatura inferjuri ssir superjuri. Għalhekk ipprova jeqridha. Satana jipprova jeqred lill-umanità, lilna lkoll. Ħafna proġetti, minbarra d-dnubiet personali, tant u tant proġetti li jneżżgħu lill-bniedem mill-umanità tiegħu huma ħidma ta’ Satana, sempliċiment għax jobgħod lill-bniedem.
Moħħu jilħaqlu: tgħid dan l-ewwel paġna tal-Ġenesi; astut. Jippreżenta l-affarijiet bħalkieku kienu ħaġa tajba. Imma l-għan tiegħu hu li jeqred. U l-anġli jiddefednuna, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu. Jiddefendu lilna u jiddefendu lill-Bniedem/Alla.
Il-bniedem superjuri, Ġesù Kristu li hu l-perfezzjoni tal-umanità, l-aktar perfett. Hi għal din ir-raġuni li l-Knisja tqim lill-Anġli, għax huma dawk li se jkunu fil-glorja t’Alla – jinsabu fil-glorja t’Alla – għax jiddefendu l-misteru kbir u mistur ta’ Alla, jiġifieri l-Verb li sar laħam.
Dmir il-poplu t’Alla, afferma l-Papa Franġisku, hu li jħares il-bniedem ta’ ġo fih: il-bniedem Ġesù għax hu l-bniedem li jagħti l-ħajja lill-bnedmin kollha. Iżda, fil-proġetti ta’ distruzzjoni tiegħu, Satana jivvinta raġunijiet umanistiċi li jmorru propju kontra l-bniedem, kontra l-umanità u kontra Alla. It-taqbida hi realtà ta’ kuljum fil-ħajja nIsranija: f’qalbna, f’ħajjitna, fil-familji tagħna, fil-poplu tagħna, fil-knejjes tagħna…. Jekk ma nitqagħbdux, noħorġu tellifin.
Imma l-Mulej ta dan ix-xogħol prinċipalment lill-Anġli: li jitqagħabdu u jirbħu. U wara din it-taqbida, il-kantiku tal-aħħar tal-Apokalissi hu tant sabiħ: Issa seħħet is-salvazzjoni, il-qawwa u s-Saltna ta’ Alla tagħna u l-qawwa ta’ Kristu, għax dak li xela lill-ħutna, dak li kien jakkużahom quddiem Alla tagħna lejn u nhar, waqa’.
Fl-aħħar il-Papa għamel stedina biex nitolbu lill-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel u ngħidu dik it-talba antika imma tant sabiħa lill-Arkanġlu Mikiel biex ikompli jiġġieled ħalli jiddefendi l-akbar misteru tal-umanità: li l-Verb sar bniedem, miet u rxoxta. Dan hu t-teżor tagħna. Jalla hu jkompli jissielet biex iħarsu, temm jgħid Franġisku.
|