Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Kull komunità nisranija għandha timmudella ħajjitha fuq dik li kienet il-ħajja tal-ewwel Knisja.

Il-Tlieta, 29 ta' April 2014

 

Kull komunità nisranija għandha timmudella ħajjitha fuq dik li kienet il-ħajja tal-ewwel Knisja u għandha tivverifika l-ħila tagħha li tgħix fl-armonija, tagħti xhieda tal-Qawmien ta' Kristu u tgħin lill-foqra.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa ċelebrata fid-dar Santa Marta t-Tlieta 29 ta' April 2014.

 

Ikona fi tlett daqqiet ta' pinzell: dan hu r-ritratt tal-ewwel komunità nisranija kif insibuha deskritta fl-Atti tal-Appostli.  Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq it-tliet karatteristiċi ta' dan il-grupp, li kellu ħila jgħix f'għaqda sħiħa, jagħti xhieda ta' Kristu u ma jħalli lil ebda' wieħed mill-mebri tiegħu ibati l-miżerja.  Dawn kienu t-tlett marki tal-”poplu li reġa' twieled mill-ġdid”.

 

Il-Papa bena' l-omelija fuq dak li l-Knisja baqgħet turina tul il-ġimgħa tal-Għid: “it-twelid mill-ġdid minn fuq”, mill-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-ewwel grupp ta' “kristjani ġodda” fi żmien meta kienu għadhom mhux magħrufin b'dan l-isem.

Qalb waħda u ruħ waħda.  Il-paċi.  Komunità fil-paċi.  Dan ifisser li f'dik il-komunità ma kienx hemm lok għat-tqassis, għall-għira, għall-kalunnji, għal-qlajja.  Paċi.  Il-maħfra: l-imħabba kienet tgħatti kollox.  Biex inqabblu komunità nisranija ma' dan, irridu naraw kif inhu l-atteġġjament tagħhom.  Huma mansweti, umli?  F'dik il-komunità hemm ġlied bejniethom għall-poter?  Ġlied minħabba l-għira?  Hemm tqassis?  Jekk iva, mhumiex fit-triq ta' Ġesù.  Din il-karatteristika hija tant importanti, tant importanti, għax id-demonju dejjem jipprova jifridna bejnietna.  Hu missier il-firda.

 

Ma jfissirx li fil-komunità tal-ewwel insara ma kienx hemm problemi.  Il-Papa fakkar fil-kwistjonijiet, kwistjonijiet dottrinali, taqbid għall-poter, li wasal fuqhom aktar tard.  Per eżempju, meta r-romol gergru li l-Appostli ma kinux jgħinuhom kif imiss, kellhom jaħtru lid-djakni.  Madankollu, dak il-mument qawwi tal-bidu huwa l-mudell dejjiemi tal-essenza tal-komunità mwielda mill-Ispirtu. 

Komunità magħquda.  It-tieni: komunità ta' xhieda tal-fidi li l-Papa Franġisku sejjaħ biex nikkonfrontawha mal-komunitajiet tallum.
 

Hija komunità li tagħti xhieda tal-Qawmien ta' Kristu?  Din il-parroċċa, din il-komunità, din id-djoċesi jemmnu bis-serjetà li Ġesù Kristu rxoxta?  Jew jgħidu: Iva, qam, imma hawn, fil-moħħ, għax il-qalb hija bogħod minn din il-qawwa.  Irridu nagħtu xhieda li Ġesù huwa ħaj, qiegħed fostna.  B'hekk nistgħu nivverifikaw kif sejra l-komunità.
 

It-tielet qies li bih irridu nkejlu l-ħajja tal-komunità nisranija huma l-foqra.  Hawnhekk il-Papa Franġisku spjega żewġ punti li huma l-kejl ta' din il-verifika:

L-ewwel: kif inhu l-atteġġjament tiegħek u l-atteġġjament tal-komunità lejn il-foqra?  It-tieni: din il-komunità hija fqira?  Fqira fil-qalb u fl-ispirtu?  Jew il-fiduċja tagħha qiegħda fil-ġid, fil-poter?  Armonija, xhieda, faqar u kura tal-foqra.  Dan kien spjegalu Ġesù lil- Nikodemu: dan it-twelid ġdid mill-Għoli.  Għax l-Ispirtu hu l-uniku li jista' jwettaq dan.  Din hi opra tal-Ispirtu.  Il-Knisja jagħmilha l-Ispirtu.  L-Ispirtu jnissel l-għaqda.  L-Ispirtu jimbuttak biex tagħti xhieda.  L-Ispirtu jgħamlek fqir, għax l-għana hi tiegħu u Hu jara li int tieħu ħsieb il-foqra.
Jalla l-Ispirtu s-Santu, temm il-Papa, jgħinna nimxu f'dit-triq ta' twelid ġdid bis-saħħa tal-Magħmudija.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.