Omelija tal-Papa Franisku

Il-Papa jitkellem dwar l-Ispirtu li bih għandna nersqu lejn il-konfessjonarju

Imbierka mistħija

It-Tnejn, 29 ta’ April 2013

 

Il-konfessjonarju la huwa “ħanut taż-żebgħa tal-ħwejjeġ” li jneħħi tbajjet id-dnub, lanqas “seduta ta’ tortura” fejn jiffrustaw lil dak li jkun. Il-konfessjonarju infatti huwa l-laqgħa ma’ Ġesù u nmissu b’idejna il-ħlewwa tiegħu. Imma hemm bżonn nersqu għas-sagrament mingħajr ċajt jew nofs veritajiet, b’manswetudni u bil-ferħ, fiduċjużi u armati b’dik l-“imbierka mistħija,” il-“virtù tal-umli” li ġġiegħlna nħossu ruħna midimbin. Huwa għar-rikonċiljazzjoni li l-Papa Franġisku  ddedika l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata nhar it-Tnejn filgħodu, 29 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Il-Papa fetaħ l-omelija b’riflessjoni fuq l-ewwel qari ta’ San Ġwann (1, 5-2, 2), li fiha l-appostlu “ikellem lill-ewwel insara u dan jagħmlu b’sempliċità: ‘Alla huwa dawl u fih mhemmx dlamijiet.’ Imma ‘jekk ngħidu li aħna f’għaqda miegħu,’ ħbieb tal-Mulej, ‘u nimxu fid-dlamijiet, aħna giddieba u ma nkunux qegħdin nipprattikaw il-verità.’ U lil Alla hemm bżonn li nadurawh fl-ispirtu u fil-verità.”  

“ Xi jfisser - staqsa l-Papa - nimxu fid-dlamijiet? Għaliex ilkoll kemm aħna tul ħajjitna jkollna xi oskuritajiet, ukoll mumenti fejn kollox, ukoll fil-kuxjenza tagħna, ikun dlam, le? Tmur fid-dlam ifisser tkun sodisfatt dwarek innifsek. Tkun konvint li m’għandekx bżonn ta’ fidwa. Dawk huma d-dlamijiet!” U, kompla, “meta wieħed javanza fuq din it-triq tad-dlamijiet, mhux faċli li jdur lura. Għalhekk Ġwanni jkompli, forsi dan il-mod ta’ ħsieb ġagħlu jirrifletti: ‘ekk ngħiduli aħna bla dnub, inqarrqu bina nfusna u l-verità mhix fina.’ Attenti għal dnubietkom, g dnubietna: ilkoll aħna midimbin, ilkoll. Dan huwa l-punt tat-tluq.”

“Imma jekk inqerru dnubietna - spjega l-Papa - Hu huwa fidil, huwa ġust tant li jaħfrilna d-dnubiet u jippurifikana minn kull inikwità. U jippreżentana, veru? Dakis-Sinjur tant tajjeb, tant fidil, tant ġust li jaħfrilna. Meta l-Mulej jaħfrilna jagħmel ġustizzja. Jagħmel ġustizzja l-ewwel lilu nnifsu, għaliex Hu ġie biex isalva u meta jaħfrilna jagħmel ġustizzja lilu nnifsu. ‘jien salvatur tiegħek’ u jilqagħna.” Dan jagħmlu fl-ispirtu tas-Salm 102: “ ‘Kemm hu ħelu missier ma’ wliedu,  Hekk il-Mulej huwa ħelu ma’ dawk li jibżgħu minnu,’ lejn dawk li jmorru għandu. Il-ħlewwa tal-Mulej. Jifhimna dejjem, imma wkoll ma jħalliniex nitkellmu: Hu jaf kollox. ‘Ibqà kalm, mur fis-sliem,’ dak is-sliem li Huwa biss jagħti.”

Dan hu dak li “jseħħ fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni. Bosta drabi - qal il-Qdusija Tiegħu - naħsbu li li nmorru nqerru huwa bħal meta nmorru f’ħanut taż-żebgħa tal-ħwejjeġ. Imma Ġesù fil-konfessjonarju mhux ħanut taż-żebgħa tal-ħwejjeġ.” Il-qrar huwa “laqgħa ma’ Ġesù li jistenniena kif aħna. ‘Imma, Mulej, ismà, jien magħmul hekk.’ Nistħu ngħidu l-verità: għamilt dan, ħsibt dan. Imma l-mistħija hija vera virtù nisranija kif ukoll umana. Il-kapaċità li nistħu: ma nafx jekk bit-Taljan tgħidux hekk, imma f’artna lil dawk li ma jistgħux jistħu ngħidulhom sinvergüenza. Dan huwa wieħed ‘mingħajr mistħija,’ għaliex m’għandux il-kapaċità li jistħi. U li tistħi hija l-virtù tal-umli.”

Il-Papa Franġisku mbagħad reġà qabad il-pass tal-ittra ta’ San Ġwann. Dawn huma kliem, qal, li jistiednu għal iktar fiduċja: “Il-Paraklitu jinsab maġembna u jsostnina quddiem il-Missier. Huwa jsostni lid-dgħajfa ħajjitna, dnubna. Jaħfrilna. Huwa hu l-propja difensur tagħna, għaliex isostnina. Issa, kif għandna nmorru għand il-Mulej, hekk, bil-verità tagħna ta’ midimbin? Bil-fiduċja, ukoll bil-ferħ, mingħajr ma nirtukkaw lilna nfusna. Qatt ma għandna nirtukkaw lilna nfusna quddiem Alla! Bil- verità. Fil-mistħija? Imbierka mistħija, din hija virtù.”

Ġesù jistenna lil kull wieħed minna, reġà tenna waqt li kkwota l-vanġelu ta’ San Mattew (11, 25-30): “ ‘Ejjew għandi intom ilkoll li intom għajjenin u nkwetati,’ ukoll bid-dnub,  ‘u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, li jien manswet u umli fil-qalb.’ Din hija l-virtù li Ġesù jitlob minna: l-umiltà u l-manswetudni.”

“Umiltà u manswetudni - kompla l-Papa - huma bħal gwarniċ ta’ ħajja nisranija Nisrani dejjem hekk għandu jmur, bl-umiltà u l-manswetudni. U Ġesù jistenniena biex jaħfrilna. Nistgħu nagħmlulu mistoqsija: mela tmur tqerr ma jfissirx li se tmur għal seduta ta’ tortura? Le! Huwa li tmur tfaħħar lil Alla, għaliex jien midneb kont mifdi minnu. U Hu jistennieni biex itini xebgħa bastun? Le, bil-ħlewwa biex jaħfirli. U jekk għada nerġ1 nagħmel l-istess? Erġà mur għal darb’oħra, u erġà mur u erġà mur u erġà mur. Hu dejjem jistenniena. Din il-ħlewwa tal-Mulej, din l-umiltà, din il-manswetudni.”

Il-Papa fl-aħħar stieden biex ikollna fiduċja fil-kliem tal-appostlu Ġwanni: “Jekk xi ħadd dineb, għandna Paraklitu maġemb il-Missier.” U temm jgħid: “Dan jagħtina nifs. Sabiħ, hux? U jekk nistħu? Imbierka mistħija, għaliex dik hija virtù. Il-Mulej jagħtina din il-grazzja, dan il-kuraġġ li nmorru dejjem għandu bil-verità, għaliex il-verità hija dawl. U mhux bid-dlamijiet tan-nofs verità jew tal-gideb quddiem Alla.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.