Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Nidħlu fil-Knisja mhux nibqgħu fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra.

It-Tlieta, 28 ta' Ottubru 2014

 

Il-Knisja jagħmilha Ġesù, li ma jħarisx lejn id-dnub tal-bniedem imma lejn qalbu u jfittex li jfejjaqha.  Din kienet ir-riflessjoni li għamel il-Papa dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.  L-Insara għandhom iħossuhom parti mill-Knisja u mhux jibqgħu fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra, insista l-Papa Franġisku.

 

Ix-xogħol kollu għamlu Ġesù elfejn sena ilu meta għażel tnax-il kolonna biex fuqhom jibni l-Knisja waqt li Hu għamel lilu nnifsu l-pedament u l-ġebla tax-xewka.

 

Imbagħad, minn dik il-Knisja hu fetaħ beraħ il-bibien għal kulħadd, mingħajr

distinzjoni, għax l-interess ta’ Kristu hu li jħobb u jfejjaq il-qlub, mhux li jkejjel id-dnubiet.

 

Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni li fiha għaqqad flimkien il-Vanġelu tal-ġurnata, li fih naraw is-sejħa tal-Appostli u l-qari meħud minn San Pawl li fih jiddeskrivi l-Knisja bħala binja li tikber fl-ordni fuq il-pedamenti tagħha.

Il-Papa ġibed l-attenzjoni tal-kongregazzjoni fuq il-passi li wieħed wara l-ieħor wasslu għat-twaqqif tal-Knisja.  Ġesù li jmur jitlob, imbagħad jinżel, imur lejn id-dixxipli, jagħżel tnax u fl-istess ħin jilqa’ u jfejjaq anki lil min biss imissu.

 

Ġesù jitlob, Ġesù jsejjaħ, Ġesù jagħżel, Ġesù jibgħat lid-dixxipli, Ġesù jfejjaq il-folla, qal il-Papa Franġisku.  Ġo dan it-tempju, Ġesù, li hu l-ġebla tax-xewka, jagħmel dax-xogħol kollu: huwa Hu li jmexxi l-Knisja ‘l quddiem b’dal-mod.

Kif kien jgħid Pawlu, din il-Knisja hija mibnija fuq il-pedament tal-Appostli, dawk li għażel Hu: it-tnax.  Ilkoll midinbin, ilkoll, saħaq il-Papa.  Ġuda ma kienx l-akbar midneb… jien ma nafx min kien l-akbar midneb fosthom!  Ġuda, miskin,  kien dak li għalaq qalbu għall-imħabba u għalhekk sar traditur.  Imma lkoll ħarbu fil-waqt iebes tal-passjoni u ħallew lil Ġesù waħdu.  Ilkoll kienu midinbin, imma għażilhom Hu.

 

Ġesù, żied jgħid Franġisku billi kkwota lil San Pawl, iridna ġol-Knisja, parti minnha, mhux mistednin jew barranin, imma bid-dritt ta’ ċittadini.  Aħna m’aħniex fil-Knisja qiesna f’mogħdija, aħna għandna għeruqna hemm, ħajjitna hi hemm.

Aħna, kompla l-Papa, ċittadini u konċittadini ta’ dil-Knisja.  Jekk aħna ma nidħlux f’dan it-tempju u nsiru parti minn dil-binja biex l-Ispirtu s-Santu jgħammar fina, aħna m’aħniex fil-Knisja.  Aħna qiegħdin fuq l-għatba nħarsu, aħna Nsara li ma nirfsux aktar ‘il-ġewwa mir-“reception”, nibqgħu fil-bieb, Kattoliċi bil-biċċa.

 

Dan hu atteġġjament li m’għandu xejn x’jaqsam mal-imħabba u l-ħniena totali li għandu Ġesù għal kull wieħed u waħda minna.  Xhieda ta’ dan hu l-atteġġjament ta’ Kristu lejn Pietru, li l-Mulej għamlu kap tal-Knisja tiegħu.  Minkejja li l-ewwel kolonna lil Ġesù ttradietu, Ġesù jwieġeb bil-maħfra u lil Pietru jħallih f’postu.

Ġesù ma mpurtahx mid-dnub, żied jgħid il-Papa, kien qed ifittex il-qalb.  Imma biex isibha u jfejjaqha, kien talab.  Ġesù li jitlob u Ġesù li jfejjaq lil kull wieħed u waħda minnha.

 

Ma nistgħux nifhmu l-Knisja mingħajr dan Ġesù li jitlob u dan Ġesù li jfejjaq.  Jalla l-Ispirtu s-Santu jgħinna lkoll nifhmu lil din il-Knisja li ssib il-qawwa tagħha fit-talb ta’ Ġesù għalina, li għandu l-ħila jfejjaqna, lilna lkoll, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.