Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Alla jħobb u ma jaf jagħmel xejn aktar.

Il-Ġimgħa, 28 ta' Marzu 2014

 

Alla jħobb u ma jaf jagħmel xejn aktar.  Dan enfasiżżah il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Għal darb'oħra l-Papa saħaq li l-Mulej jistenniena dejjem u jaħfrilna, hu Alla tal-ħniena li jagħmlilna festa meta nerġgħu lura għandu.

 

Alla jkollu n-nostalġija għalina meta aħna nitbiegħdu minnu.  Il-Papa beda l-omelija bil-ħsieb meħud mill-Profeta Hosea li nsibu fl-ewwel qari tal-ġurnata.  Il-Mulej, osserva Franġisku, ikellimna bit-tenerezza.  Anki meta jistedinna għall-konverżjoni, kelma li aħna nħossuha ftit jew wisq qawwija, f'dis-sejħa hemm in-nostalġija mimlija mħabba ta' Alla.  Hemm l-eżortazzjoni tal-Missier li jgħid lil ibnu: erġa' lura, hu l-ħin li tmur lura lejn id-dar.  B'din il-kelma biss, żied il-Papa, nistgħu ngħaddu tant siegħat nitolbu.

 

Hija l-qalb ta' Missierna, hekk magħmul Alla: ma jgħejiex, ma jgħejiex!  U għamel dan tul tant sekli, mimlijin apostasija, mimlijin tant ċaħda mill-poplu.  U Hu dejjem jiġi lura għax Alla tagħna hu Alla li jistenna.  Minn dakinhar filgħaxija fil-Ġnien tal-Eden, Adam ħareġ mill-ġenna b'weġgħa imma anki b'wegħda.  U Alla hu fidil għall-wegħda tiegħu, għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu.  Hu fidil.  B'hekk stenna lilna lkoll, tul il-mixja tal-istorja.  Alla jistenniena, dejjem.

 

Il-Papa fakkar il-parabbola tal-Iben il-Ħali.  Il-Vanġelu ta' Luqa jgħidilna li l-missier jara lil ibnu ġej mill-bogħod, għax kien qed jistennih.  Il-missier, żied jgħid Franġisku, kien jitla' fuq il-bejt kuljum biex jara jekk ibnu kienx ġej lura.  Kien jistenna.  U meta jarah, jitlaq bil-ġirja u jintefa' ma' għonqu.  L-iben kien ħejja l-kliem li se jgħidlu, imma l-missier ma ħallihx jitkellem.  Bit-tgħannieqa għalaqlu ħalqu.

 

Hekk hu Missierna, Alla li jistenniena.  Dejjem.  “Imma, padre, jien għandi tant dnubiet u ma nafx jekk Hu jkunx kuntent”.  Imma pprova!  Jekk int trid tħoss it-tenerezza ta' dan il-Missier, mur għandu u pprova, imbagħad għidli!  Alla li jistenniena, Alla li jistenna u ukoll Alla li jaħfer.  Hu Alla tal-ħniena: ma jgħeja qatt jaħfer.  Huma aħna li ngħejew nitolbuh maħfra, imma Hu ma jgħejiex.  Seba' għal seba' u sebgħin darba: dejjem, dejjem lest li jaħfer.  U mill-aspett ta' xi ditta, il-bilanċ hu negattiv.  Hu dejjem tellief: jitlef fil-bilanċ tal-affarijiet imma jirbaħ bl-imħabba.

 

Dan jiġri, kompla l-Papa, għax Hu l-ewwel wieħed li jwettaq il-kmandament tal-imħabba.  Hu jħobb, qal il-Papa, u ma jaf jagħmel xejn aktar.  Anki l-mirakli li kien jagħmel Ġesù kienu sinjal tal-miraklu l-kbir li l-Mulej jagħmel magħna kuljum meta jkollna l-kuraġġ li nqumu u mmorru għandu.

Meta jsir hekk, kompla jafferma l-Papa, Alla jagħmel festa.  Mhux bħal dik l-ikla tar-raġel għani li fil-bieb ta' daru kellu lil Lażżru, wissa l-Papa.  Alla jagħmel ikla oħra, bħalma għamel missier l-Iben il-Ħali.

 

Il-wegħda hi: la inti se twarrad bħall-ġilju, Jien nagħmillek festa.  Jitferrxu ż-żrieragħ tiegħek u tkun sabiħ bħaż-żebbuġa u tfuħ bħal-Libanu.  Il-ħajja ta' kull persuna, ta' kull raġel, ta' kull mara, li jkollhom il-kuraġġ li jersqu lejn il-Mulej, issib il-ferħ tal-festa ta' Alla.  Jalla din il-kelma tgħinna naħsbu fil-Missier tagħna, il-Missier li jistenniena dejjem, li jaħfrilna dejjem kull meta nerggħu lura għandu, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.