Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

It-talb ta' tifħir jagħmilna għammiela.

It-Tlieta, 28 ta’ Jannar 2014

It-talb ta' tifħir jagħmilna għammiela.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta,  Franġisku kien qed jikkummenta dwar iż-żifna ferrieħa li David għamel lill-Mulej, silta li nsibu fl-ewwel qari, u saħaq li jekk aħna ningħalqu fil-formalità, it-talba tagħna ssir bierda u sterili.

 

David żifen b'kemm kellu enerġija quddiem il-Mulej.  Il-Papa Franġisku bena l-omelija fuq dan l-aspett ferrieħi kif insibuh fit-tieni Ktieb ta' Samwel.  Il-poplu t'Alla kollu, osserva l-Papa, kien ferħan għax l-Arka tal-Patt kienet sejra lura lejn darha.  It-talba ta' tifħir ta' David, kompla jgħid, wasslitu biex jinsa' lilu nnifsu u jibda' jiżfen quddiem il-Mulej b'kemm kellu enerġija.  Din, ikkummenta l-Papa, kienet it-talba ta' tifħir.

 

Franġisku żied jgħid li hu u jaqra dis-silta ħsiebu mar mill-ewwel fuq Sara wara li kienet welldet lil Iżakk: Il-Mulej ġiegħelni niżfen bil-ferħ!  Din ix-xwejħa, bħaż-żgħażugħ David, żifnet bil-ferħ quddiem il-Mulej.  Hu faċli għalina nifhmu, osserva l-Papa, it-talba biex naqilgħu xi ħaġa u anki biex nirringrazzjaw lill-Mulej.   Mhux tant diffiċli nifhmu wkoll li t-talb tal-adorazzjoni.  Imma t-talb tat-tifħir, inwarrbuh fil-ġenb, ma jkunx tant spontanju.

 

Xi ħadd joġġezzjona u jgħidli: imma Padre, dan inħalluh għal dawk li qegħdin fil-mixja ta' Tiġdid tal-Ispirtu mhux għall-Insara kollha!  Le, it-talb ta' tifħir huwa talb Nisrani għalina lkoll!  Fil-quddiesa, ta' kuljum, meta nkantaw il-Qaddis, Qaddis..... din hija talba ta' tifħir: infaħħru 'l Alla għall-kobor tiegħu, għax hu kbir!  Ngħidulu affarijiet sbieħ għax lilna jogħġobna li jsir hekk. 

Xi ħadd ieħor jgħidli: m'għandix ħila... Imma għandek ħila tgħajjat meta t-tim tiegħek jiskorja gowl u m'għandekx ħila tkanta t-tifħir lill-Mulej?  Li toħroġ ftit minnek innifsek biex tkantalu?  It-tifħir lill-Mulej ma jiswiex flus!  Mhux nitolbu, mhux nirringrazzjaw.. infaħħru, qal Franġiksu.

 

Irridu nitolbu b'qalbna kollha, żied jgħid.  Dan hu ukoll att ta' ġustizzja għax Hu kbir!  Hu Alla tagħna!  David, fakkar il-Papa, kien tant kuntent għax l-Arka kienet sejra lura, il-Mulej kien rieġa' lura.  Għalhekk anki l-ġisem ta' David kien qed jitlob b'dik iż-żifna.

 

Mistoqsija tajba li nistgħu nagħmlu lilna nfusna llum hi: Kif inhi t-talba ta' tifħir tiegħi?  Naf infaħħar lill-Mulej?  Jew meta nitlob u ngħid il-Glorja, ngħid is-Sanctus ngħidhom biss b'fommi u mhux b'qalbi kollha?  X'qed jgħidli David hawnhekk biż-żifna tiegħu?  U Sara biż-żifna ferrieħa tagħha?  Meta David jidħol fil-belt tibda' xi ħaġa oħra, tibda festa!

 

Il-ferħ tat-tifħir iwassalna għall-ferħ tal-festa.  Il-festa tal-familja.  Hawnhekk il-Papa Franġisku fakkar li meta David reġa' lura fil-palazz, bintu Mikal, ċanfritu u staqsitu jekk kienx qed jistħi li żifen u ġab ruħu b'dak il-mod quddiem kulħadd, hu li kien ir-re.  Mikal maqdret lil David, iddisprezzatu!

 

Nistaqsi: kemm-il darba f'qalbna niddisprezzaw nies twajibin, nies twajba li jfaħħru lill-Mulej b'mod spontanju għax mhumiex nies kolti u ma jimxux bilformalità?  U l-Bibbja tgħidilna li Mikal baqgħet sterili għomrha kollu minħabba dik iċ-ċanfira.

 

Xi trid tgħidilna l-Kelma t'Alla hawn? Tgħidilna li t-talb jagħmilna għammiela!  Sara kienet żifnet fl-akbar waqt tal-fekondità tagħha, meta kellha disgħin sena!  Il-fekondità li jtina t-tifħir lill-Mulej, il-gratwità li nfaħħru lill-Mulej.  Dak ir-raġel u dik il-mara li jfaħħru 'l-Mulej, li jitolbu billi jfaħħru 'l-Mulej, li meta jitolbu u jgħidu l-Glorja jifirħu b'dak li qed jgħidu, li meta jkantaw is-Sanctus waqt il-quddiesa jkantawh bil-ferħ, dawn huma nies fekondi.

Min-naħa l-oħra, wissa' l-Papa, dawk li jibqgħu fil-formalità ta' talb biered, meqjus, forsi jispiċċaw bħal Mikal: fl-isterilità tal-formalità tagħhom.  Għalhekk il-Papa għamel stedina biex nimmaġinaw lil David jiżfen bl-enerġija tiegħu kollha quddiem il-Mulej u naħsbu kemm ikun sabiħ li nagħmlu talb ta' tifħir.  Jagħmlina tajjeb, temm il-Papa, ntennu l-kliem tas-Salm 23 li tlabna llum:

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta'  dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!  Min hu dan is-Sultan tal-glorja?  Hu l-Mulej setgħan u qawwi, dan hu s-Sultan tal-glorja!



Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.