Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Quddiem il-ħażen m’għandniex ninħakmu mid-dipressjoni, imma għandna ngħixu bit-tama

Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014

 

Anki fost tant diffikultajiet, in-nisrani m’għandux iċedi u jinħakem mid-dipressjoni, qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa tal-lum fil-Kappella tad-Dar Santa Marta.  Il-Papa wissa li l-korruzzjoni u d-distrazzjoni ibegħduna mill-laqgħa mal-Mulej.

 

Għall-omelija tiegħu l-Papa ħa spunt miż-żewġt ibliet: Babilonja u Ġerusalemm, li naqraw dwarhom fl-ewwel qari meħud mill-Apokalissi u fil-Vanġelu skont San Luqa.

 

Il-Papa osserva li ż-żewġ siltiet jiġbdulna l-attenzjoni dwar it-tmiem tad-dinja tagħna.  U biex nimmeditaw, ikellmuna dwar it-tiġrif ta’ żewġt ibliet li ma laqgħux lill-Mulej, li tbegħedu minnu.  It-tiġrif ta’ dawn iż-żewġt ibliet, innota l-Papa, hu riżultat ta’ raġunijiet differenti.  Babilonja hi s-simbolu tal-ħażen, tad-dnub, u tiġġarraf minħabba l-korruzzjoni.  Kienet tħossha sid tad-dinja u tagħha nnifisha.  U meta jinġemgħa d-dnub, widdeb il-Papa, tintilef il-ħila li wieħed jirreaġixxi,…. u jibda’ t-taħsir.  Wara kollox, kompla jgħid, hekk jiġri lill-persuni korrotti għax ma jkollhomx il-forza li jirreaġixxu.

 

Għax il-korruzzjoni ttik ftit tal-ferħ, ittik il-poter u biha tħossok sodisfatt bik innifsek: ma tħallix wisa’ għall-Mulej, għall-konverżjoni.  Il-belt korrotta…. U din il-kelma “korruzzjoni” illum tgħidlna ħafna: mhux biss korruzzjoni ekonomika, imma korruzzjoni b’tant dnubiet differenti, korruzzjoni b’dak l-ispirtu pagan, b’dak l-ispirtu mondan.  Il-korruzzjoni l-aktar kerha hi l-ispirtu tal-mondanità!

 

Din il-kultura korrotta, żied jgħid, iġġiegħelek tħossok qiesek fis-Sema hawn fl-art, mimli bl-abbundanza.  Imma f’dik il-kultura korrotta hemm kultura li tinten.  Fis-simbolu ta’ din il-Babilonja hemm kull soċjetà, kull kultura, kull persuna li tbegħdet minn Alla, li tbegħdet ukoll mill-imħabba tal-proxxmu, li tipiċċa biex titħassar.

 

Ġerusalemm, kompla jghid il-Papa, tiġġarraf minħabba raġuni oħra.  Ġerusalemm hija l-għarusa tal-Mulej, imma ma tindunax biż-żjarat tal-Għarus, lill-Mulej ġegħelitu jibki.

 

Babilonja taqa’ minħabba l-korruzzjoni; Ġerusalemm minħabba d-dsitrazzjoni, għax ma laqgħetx il-Mulej li ġie biex isalvaha.  Ma ħassitx il-bżonn tas-salvazzjoni.  Kellha l-kitbiet tal-Profeti, ta’ Mosè u dan għaliha kien biżżejjed.   Imma kitbiet magħluqin!  Ma kinitx tħalli wisa’ biex tkun salvata: kellha l-bibien magħluqin għall-Mulej!  Il-Mulej kien iħabbat fuq il-bieb tagħha, imma ma kellhiex disponibbiltà li tilqgħu, li tisimgħu, li tħallih isalvaha.  U taqa’……

 

Dawn iż-żewġ eżempji, osserva Franġisku, għandhom jgħinuna nirriflettu fuq ħajjitna: aħna nixbħu lill-Babilonja korrotta u mimlija biha nfisha jew lil Ġerusalemm distratta?  Madankollu, il-messaġġ tal-Knisja llum il-ġurnata ma jintemmx bid-distruzzjoni: fiż-żewġ testi hemm wegħda tat-tama.

 

Ġesù, afferma l-Papa, iħeġġiġna biex ngħollu rasna u ma nħallux lill-pagani

jbeżżgħuna.  Dawn, żied jgħid, għandhom l-aġendi tagħhom u aħna għandna nissaportuhom bil-paċenzja kif il-Mulej issaporta l-Passjoni tiegħu.

 

Meta naħsbu fit-tmiem, bid-dnubiet tagħna kollha, bl-istorja tagħna, naħsbu dwar l-ikla li se tingħatalna b’xejn u ngħollu rasna ‘l fuq.  Ebda dipressjoni: tama!  Imma r-realtà hija kerha: hemm tant u tant popli, bliet, nies, tant nies, li qed isofru; tant gwerrer, tant mibgħeda, tant għira, tant mondanià spiritwali u tant korruzzjoni.  Iva, hu minnu!  Dan kollu għad jaqa’!  Imma nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu lesti għall-ikla li qed tistenniena, b’rasna dejjem merfugħa ‘l fuq.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.