Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Kliemna jikxef jekk aħniex Insara tad-dawl, tad-dlam jew tan-nofs kedda

It-Tnejn, 27 ta' Ottubru 2014

 

L-eżami tal-kuxjena dwar kliemna jgħinna nifhmu jekk aħniex Insara tad-dawl, tad-dlam jew tan-nofs kedda, qal il-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

 

Il-bniedem minn kliemu jingħaraf.  Meta San Pawl kien qed jistieden lil-Insara biex iġibu ruħhom bħal ulied id-dawl u mhux bħal ulied id-dlam, għamel “katekeżi dwar il-kelma”, afferma l-Papa.  Hemm erba’ kelmiet li jgħinuna nifhmu jekk aħniex ulied id-dlam.

 

Kliemna hu “ipokrita”?  Ftit ‘l hawn u ftit ‘l hemm biex inħossuna tajjeb ma’ kulħadd?  Hu kliem vojt, mingħajr sustanza, mimli duħħan?  Hu kliem vulgari, superfiċjali, ċioè kliem mondan?  Kliemna hu kliem maħmuġ, oxxen?

 

Kollha kemm huma dawn juru li aħna m’aħniex ulied id-dawl, mhumiex ġejjin mill-Ispirtu s-Santu, ma jiġux minn Ġesù, mhux kliem evanġeliku dan il-mod ta’ kif nitkellmu, dejjem dwar affarijiet maħmuġin, tad-dinja, kliem vojt jew ipokritu.

Allura liema hu kliem il-qaddisin, ta’ ulied id-dawl?  Jgħidilna San Pawl: imitaw lil Alla, imxu bil-karità, bit-tjubija, imxu bil-manswetudni.  Min jimxi hekk….. Pawlu jgħidlu “kun ħanin” aħfru lil xulxin kif Alla ħafer lilkom fi Kristu.  Imitaw għalhekk lil Kristu u imxu bil-karità: jiġifieri bil-ħniena, bil-maħfra, bl-imħabba.  U dan hu kliem ta’ iben id-dawl.

 

Hemm Insara jiddu, mimlijin bid-dawl – osserva l-Papa, li jfittxu li jaqdu lill-Mulej b’dan id-dawl u jeżistu Nsara tad-dlam li jgħixu ħajja tad-dnub, ħajja mbiegħda mill-Mulej u jużaw dak il-kliem li hu tad-demonju.  Imma hemm it-tielet grupp ta’ Nsara li la huma dawl u lanqas dlam.

 

Huma l-Insara tan-nofs kedda li daqqa jkunu hawn u oħra jkunu hemm.  Dwar dawn, in-nies tistaqsi: Imma dawn ma’ Alla jew max-xitan?  Dejjem ġriżi.  Dawn huma l-bierda, la huma dawl u lanqas dlam.  Lil dawn Alla ma jħobbhomx.  Fl-Apokalissi, lil dawn l-Insara l-Mulej jgħidlihom: la int kiesaħ u lanqas sħun.  Imqar li kienu jew sħan jew kesħin!  Imma għax int daqshekk biered, tant nofs kedda – jien se nobżqok minn ġo ħalqi.

 

Il-Mulej hu iebes mal-Insara nofs kedda.  “Għax jien nisrani imma mingħar esaġerazzjoni!, jgħidu dawn it-talin, u b’hekk jagħmlu kollox ħażin għax ix-xhieda Nisranija tagħhom hija xhieda li fl-aħħar mill-aħħar tiżra’ l-konfużjoni, ixxerred eżempju negattiv.

 

Ma nħallux il-kliem vojt iqarraq bina, kienet l-eżortazzjoni tal-Papa Franġisku, nisimgħu ħafna kliem, anki sabiħ, imwassal tajjeb, imma vojt, mingħajr sustanza.  Allura ejjew inġibu ruħna bħal ulied id-dawl.  Jagħmlilna tajjeb illum naħsbu dwar il-lingwaġġ tagħna, temm il-Qdusija Tiegħu, u nistaqsu lilna nfusna: jien Nisrani tad-dawl?  Jien Nisrani tad-dlam?  Jien Nisrani tan-nofs kedda?  U b’hekk inkunu qed nagħmlu pass’il quddiem lejn il-laqgħa tagħna mal-Mulej.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.