Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Biex juri l-imħabba tenera ta’ Missier lejn il-bniedem, Alla għandu bżonn li l-bniedem jiċċekken.

Il-Ġimgħa,  27ta’ Ġunju 2014

 

Biex juri l-imħabba tenera ta’ Missier lejn il-bniedem, Alla għandu bżonn li l-bniedem jiċċekken.  Dan il-ħsieb żviluppah fl-omelija li għamel fid-Dar Santa Marta dalgħodu, il-Papa Franġisku.  Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

 

Ma jistenniex, imma jagħti; ma jitkellimx, imma jaġixxi.  Mhemmx ħjiel ta’ passività fil-mod kif il-Ħallieq iħobb lill-kreaturi tiegħu.  Fl-omelija l-Papa Franġisku tkellem dwar “il-qalb ta’ Ġesù” li niċċelebraw fil-liturġija tallum u afferma li Alla jtina l-grazzja u l-ferħ li fil-qalb ta’ Ibnu aħna niċċelebraw l-opri l-kbar tal-imħabba tiegħU.  Nistgħu ngħidu li llum hija l-festa tal-imħabba t’Alla fi Kristu Ġesù, tal-imħabba t’Alla għalina u fina.

 

Hemm żewġ aspetti tal-imħabba, qal il-Papa, l-ewwel hu li l-imħabba hija aktar filli tagħti milli li tirċievi.  It-tieni hu li l-imħabba tinsab fl-azzjoni aktar milli fil-kliem.  Meta ngħidu li hu aktar importanti li tagħti milli li tirċievi jfisser li l-imħabba hija komunikazzjoni: tikkomunika dejjem.  U din tintlaqa’ f’min ikun maħbub.  Meta ngħidu li hija aktar fl-azzjoni milli fil-kliem ifisser li l-imħabba dejjem tagħti l-ħajja, tkabbar.

 

Imma biex jifhem l-imħabba t’Alla l-bniedem għandu bżonn ifittex dimensjoni li tkun proporzjonalment bil-maqlub tal-immensità, jiġifieri ċ-ċokon, qal il-Papa.  Iċ-ċokon tal-qalb.  Franġisku fakkar li Mosè spjega lill-poplu Lhudi li dan kien magħżul minn Alla għax kien l-iżgħar fost il-popli.  Filwaqt li fil-Evanġelju, Ġesù jfaħħar lill-Missier “għax dawn il-ħwejjeġ ħbiehom lil min hu għaref u uriehom liċ-ċkejknin.  Għalhekk, spjega l-Qdusija Teigħu, Alla fir-relazzjoni tiegħu mal-bniedem, Alla jfittex relazzjoni bejn missier u ibnu ċkejken, imellsu u jgħidlu: Jien qiegħed miegħek.

 

Din hi t-tenerezza tal-Mulej, f’imħabbtu.  Dan hu dak li Hu jgħidilna u li jagħti l-qawwa lit-tenerezza tagħna.  Imma jekk aħna nħossuna qawwijin qatt mhu se jkollna l-esperjenza tat-tmellisa tal-Mulej, tat-tmellis tal-Mulej li hu tant sabiħ… tant sabiħ. 

 

“Tibżgħax, jien miegħek, jien immexxik minn idek.  Dan hu kollu kliem tal-Mulej li jgħinna nifhmu l-misteru tal-imħabba li Hu għandu għalina.  U meta Ġesù jitkellem dwaru nnifsu jgħid:  Jien ta’ qalb ħelwa u umli.  Anki Hu, li hu Iben Alla, jiċċekken biex jirċievi l-imħabba tal-Missier.

 

Sinjal partikolari ieħor tal-imħabba t’Alla hu li Hu ħabbna qabel ħabbejnieh aħna.  Hu dejjem qabilna.  Jistenniena, afferma l-Papa Franġisku li temm l-omelija billi talab ‘l Alla l-grazzja li aħna nidħlu f’din id-dinja tant misterjuża, li nistgħaġbu u li nkunu paċi ma’ din l-imħabba li tikkomunika ruħha lilna, li ttina l-ferħ u tmexxina fit-triq tal-ħajja billi tmexxina minn idejna bħalma aħna mmexxu t-tfal.

 

Meta naslu Hu jkun hemm jistenniena.  Meta nfittxuH Hu jkun fittixna qabel.  Hu dejjem qabilna, jistenniena biex jilqgħana f’qalbu, f’imħabbtu.  Dawn iż-żewġ affarijiet jistgħu jgħinuna biex nifhmu dan il-misteru tal-imħabba t’Alla għalina.  U biex din l-imħabba tesprimi ruħha hemm bżonn li aħna niċċekknu u hemm bżonn li nistgħaġbu meta aħna nfittxuH u nsibuH hemm, jistenniena.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.