Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Knisja ma nistgħux inqisuha bħala sempliċi organizzazzjoni umana

It-Tnejn 27 ta’ Jannar 2014

Il-Knisja ma nistgħux inqisuha bħala sempliċi organizzazzjoni umana: id-differenza tinsab fid-dilka li tagħti lill-isqfijiet u lis-saċerdoti il-qawwa tal-Ispirtu biex iservu lill-poplu t'Alla.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa radd ħajr lin-numru kbir ta' saċerdoti qaddisin li fis-satra, jissagrifikaw ħajjithom bis-servizz li jagħtu ta' kuljum.

 

F'kumment dwar l-ewwel qari li fih naraw li t-tribuwijiet ta' Iżrael jidilku lil David bħala s-sultan tagħhom, il-Papa spjega t-tifsir spiritwali tad-dilka.  Mingħajr din id-dilka, afferma Franġisku, David kien ikun qiesu kap ta' ażjenda jew tar-Renju ta' Iżrael qiesu li dan kien xi għaqda politika.  David kien ikun sempliċiment “organiżżatur politiku”.

 

Iżda wara d-dilka, l-Ispirtu tal-Mulej jinżel f'David u jibqa' miegħu.  L-Iskrittura tgħid: David baqa' dejjem jikber fil-qawwa u l-Mulej Alla tal-eżerċti kien miegħu.  Din hi d-differenza li tagħmel id-dilka osserva l-Qdusija Tiegħu.  Il-midluk hu bniedem magħżul mill-Mulej.  L-istess jiġri fil-Knisja lill-isqfijiet u lis-saċerdoti.

L-isqfijiet ma jkunux magħżulin biss biex imexxu xi organiżżazzjoni bħal, ngħidu aħna l-Knisja partikolari, imma huma midlukin, għandhom id-dilka tal-Ispirtu tal-Mulej li qiegħda magħhom.  Imma l-isqfijiet kollha, aħna lkoll, midinbin, ilkoll!  Imma aħna midlukin.  Ilkoll irridu nkunu qaddisin ġurnata aktar minn oħra u nkunu fidili għal din id-dilka.  U hu dak li jagħmel il-Knisja,dak li jagħtiha l-għaqda, hu l-isqof li jagħmel dan f'isem Ġesù Kristu, għax hu midluk u mhux għax xi maġġornaza ivvutatlu.  Għax hu midluk.  F'din id-dilka, l-Knisja partikolari ssib il-qawwa tagħha.  U mal-isqof jipparteċipaw ukoll is-saċerdoti li huma midlukin ukoll.

 

Id-dilka, kompla l-Papa, tqarreb lill-isqfijiet u lis-saċerdoti lejn il-Mulej u ttihom il-ferħ u l-qawwa li jmexxu 'l quddiem lill-poplu, li jgħinuh, li jgħixu għas-servizz tal-poplu.  Tagħti l-ferħ li wieħed iħossu magħżul mill-Mulej, b'dik l-imħabba li biha Hu jħares lejna lkoll.  B'hekk, meta naħsbu dwar l-isqfijiet u s-saċerdoti rridu naħsbu fihom bħala bnedmin li għandhom id-dilka.

 

Għall-kuntrarju il-Knisja ma tistax tinfthiehem, mhux biss ma tinfthiehemx imma lanqas wieħed jista' jispjega kif il-Knisja tista' timxi 'l quddiem bil-ħiliet umani waħedhom.  Din id-djoċesi timxi 'l quddiem għax għandha poplu qaddis, u tant affarijiet oħra, imma ukoll għax bniedem li għandu d-dilka jmexxiha u jgħina tikber.

 

Din il-parroċċa timxi għax għandha tant organiżżazzjonijiet, tant affarijiet, imma għax għandha ukoll saċerdot midluk li jmexxiha.  U aħna, mill-istorja nafu biss biċċa żgħira għax kemm isqfijiet qaddisin, kemm saċerdoti, kemm patrijiet qaddisin ħallew ħajjithom minħabba s-servizz lejn id-djoċesi, lejn il-parroċċa.  Kemm nies irċivew il-qawwa tal-fidi, il-qawwa tal-imħabba, it-tama mingħand dawn il-kappillani anonimi li aħna lanqas nafuhom.  Hemm tant u tant minnhom!

Huma bosta, qal il-Papa Franġisku, il-kappillani tal-knejjes tal-kampanja u tal-ibliet, li bid-dilka tagħhom saħħew il-poplu tagħhom, tawh id-duttrina, is-sagramenti, jiġifieri l-qdusija.

 

Imma padre, jien qrajt fil-gażżetta li isqof, saċerdot, għamel din jew dik il-ħaġa!  Iva, anki jien qrajtu dan, imma għiduli, fil-ġurnali jaslu l-aħbrijiet dwar dak li jagħmlu tant saċerdoti, tant partijiet fil-parroċċi tal-kampanja u tal-ibliet?  Kemm jagħmlu karità u xogħol biex imexxu 'l quddiem lill-poplu fdat f'idejhom?

Le, hux?  Dak ma jasalx fl-aħbarijiet, qal il-Papa.  Id-dinja dejjem l-istess: aktar tagħmel ħoss siġra li taqa' mill-foresta sħiħa li qed tikber.  Illum, aħna u naħsbu dwar id-dilka ta' David, jagħmlilna tajjeb niftakru fl-isqfijiet tagħna u fis-saċerdoti kuraġġużi tagħna, qaddisin, twajbin u fidili, u nitolbu għalihom.  Hu bis-saħħa tagħhom li llum ninsabu hawn, temm il-Papa.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.