Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-Nisrani ma jistax jifhem lil Kristu Redentur mingħajr is-Salib.

II-Ġimgħa, 26 ta' Settembru 2014

 

In-Nisrani ma jistax jifhem lil Kristu Redentur mingħajr is-Salib, mingħajr ma jkun dispost li jġorru miegħu, afferma l-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Kristu hu ugwali għaċ-Ċirenew.  Li jkollok il-fidi jfisser li tkun tidentifika ruħek hekk: aħna ta’ Ġesù jekk miegħu nġorru t-toqol tas-Salib.  Inkella nkunu mixjin fi triq li fid-deher tkun tajba, imma li ma tkunx vera.

Il-Vanġelu tallum, li fih insibu lil Kristu jistaqsi lid-dixxipli x’jgħidu n-nies dwau u kellu tweġibiet mill-aktar varjati, nebbaħ ir-riflessjoni li għamel il-Papa llum.

L-episodju, osserva l-Papa, irridu narawh fil-kuntest tal-Vanġelu li fih naraw lil Ġesù jindokra b’mod speċjali l-identità vera tiegħu.  F’bosta okkażjonijiet meta xi ħadd kien ikun wasal biex jikxef il-vera identità tiegħu, Ġesù kien iwaqqfu bħalma bosta drabi waqqaf ukoll lid-demonju biex ma jikxifx li “Hu kien l-Iben t’Alla li ġie biex isalva d-dinja.

Dan biex, spjega l-Papa Franġisku, in-nies ma jaqgħux f’xi ekwivoku u jaħsbu li l-Messija kien xi ġeneral li ġie biex ikeċċi lir-Rumani.  Meta kien waħdu mat-tnax biss Ġesù beda katekeżi dwar l-identità vera tiegħu.

Huwa qal li Bin il-Bniedem, jiġifieri l-Messija, il-Midluk, jeħtieġlu jbati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani, mill-kapijiet tas-saċerdoti u mill-iskribi, imut u mbagħad jirxoxta..  Din hi t-triq tal-Messija, tal-Ġust: il-Passjoni, is-Salib.

U lilhom jgħidilhom min kien verament.  Huma ma jkunux iridu jifhmu u fil-Vanġelu ta’ San Mattew naraw li Pietru jirrifjuta dan u jgħid: Le, le, Mulej..... .Imma hemm jibda’ jidher il-misteru tal-identità propja tiegħu: Iva, jien l-Iben t’Alla.  Din hi t-triq tiegħi: jeħtieġli ngħaddi minn din it-triq tat-tbatija.

Din hija, spjega l-Papa Franġisku, il-pedagoġija li juża Ġesù biex iħejji l-qlub tad-dixxipli tiegħu, il-qlub tal-bnedmin, biex jifhmu l-Misteru ta’ Alla.

L-imħabba t’Alla hija tant kbira, id-dnub hu tant ikreħ, kompla jgħid il-Papa Franġsiku, li Hu jsalvana hekk: b’din l-identità tas-Salib.  Ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Redentur mingħajr is-Salib: ma nistgħux nifhmuh dan!.

Nistgħu forsi naslu li nifmu li hu profeta kbir, jagħmel il-ġid, huwa qaddis.  Imma lil Kristu Redentur mingħajr is-Salib ma nistgħux nifhmuh.  Imma l-qlub tad-dixxipli, il-qlub tan-nies ma kienux lesti biex jifhmuh dan.  Ma kienux fehmu l-profeziji, ma kienux fehmu li kien propju Hu l-Ħaruf tas-sagrifiċċju.  Ma kienux preparati.

Hu biss nhar Ħadd il-Palm, innota l-Papa, li Kristu jippermetti lill-folla tistqarr bejn wieħed u ieħor l-identità tiegħu meta għajtet “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej”.  U Hu stess qal li jekk ma kienux se jgħajtu n-nies kien jgħajjat minflokom il-ġebel!

Minflok, hu biss wara mewtu li l-identità ta’ Ġesù tidher fil-milja tagħha u l-ewwel stqarrija jgħidha ċ-ċenturjun Ruman, fakkar Franġisku li żied jgħid li Ġesù jħejjina pass pass biex nifhmuh sewwa.  Iħejjijna biex nakkumpanjawh bis-slaleb tagħna fit-triq lejn ir-redenzjoni.

Iħejjijna, żied il-Qdusija Tiegħu biex inkunu Ċirenew u ngħinuh iġorr is-Salib.  U l-ħajja Nisranija tagħna mingħajr dan ma tkun Nisranija xejn.  Tkun ħajja spiritwali tajba....... “Ġesù hu l-profeta l-kbir, salvana ukoll... imma jien u Hu, le...... Le, int timxi miegħu fl-istess triq.  Anki l-identità tagħna ta’ Nsara għandha titħares u ma nqarrqux bina nfusna u naħsbu li l-fatt li aħna Nsara hu xi mertu, imma hu mixja spiritwali lejn il-perfezzjoni.  Mhux mertu imma grazzja pura, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.