Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Għaliex in-nies jimxu wara Ġesù?  Għax jagħrfu li hu r-Ragħaj it-Tajjeb u kienu jistagħġbu bit-tagħlim tiegħu.

Il-Ħamis 26 ta’ Ġunju 2014

 

Għaliex in-nies jimxu wara Ġesù?  Għax jagħrfu li hu r-Ragħaj it-Tajjeb u kienu jistagħġbu bit-tagħlim tiegħu.  Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-dar Santa Marta dalgħodu.  Hu widdeb lil min il-fidi jirriduċieha f’moraliżmu, lil min jipprova jiskeb il-libertà politikament jew ifittex li jinnegozja mal-poter.

 

Il-folol kienu jmorru wara Ġesù għax kliemu kien jgħaġġeb ‘il-qlubhom. Kienu jistgħaġbu għax fi kliemu kienu jsibu xi ħaġa tajba, kbira.  L-oħrajn kienu jlabalbu imma ma kienux jaslu għand il-poplu.

 

Il-Papa elenka l-erba’ gruppi li kienu jintilfu fil-kliem fi żmien Ġesù: l-ewwel il-fariżej.  Dawn, qal il-Papa, kienu jagħmlu l-kult ta’ Alla, ir-reliġjon, sensiela ta’ kmandamenti…. U mill-għaxra li huma għamlu minnhom aktar minn tliet mija…. U għabbew dan il-piż fuq spallejn il-poplu.  Din kienet riduzzjoni tal-fidi f’Alla ħaj, qal il-Papa, saret serje ta’ regoli skont il-każ.

 

Per eżempju: int għandek tosserva r-raba’ kamndament!  Iva, iva! Trid titma’ lil missierek anzjan, lil ommok anzjana.  Iva, iva!  Imma tafx.. ma nistax… għax flusi tajthom kollha lit-tempju!  U l-ġenituri jmutu bil-ġuħ!  Dawn il-kontradizzjonijiet irriduċew il-kmandamenti f’każistika krudili.  Il-poplu kien iħarishom għax il-poplu jaf jirrispetta.  Kien iħares ir-regoli imma ma kienx jibqa’ jisma’ kliem il-fariżej… kien jitlaq ‘l hemm.

 

Grupp ieħor ta’ lablaba kienu s-saduċej.  Dawn, osserva Franġisku, ma kellhomx fidi, kienu tilfuha!  Il-mestjier reliġjuż tagħhom kienu jagħmluh fit-triq bil-kompromessi u l-ftehim mal-poter: il-poter politiku, il-poter ekonomiku.  Kienu nies ta’ poter.

 

It-tielet gurpp kienu r-rivoluzzjonarji, jew aħjar iż-żeloti li riedu jagħmlu rivoluzzjoni biex jeħilsu l-poplu ta’ Iżrael mill-ħakma ta’ Ruma.  Imma l-poplu, innota l-Papa, għandu moħħ u jaf jagħraf meta l-frotta tkun misjura u meta mhix hemm!  U ma kienx imur magħhom!  Ir-raba’ grupp, kienu nies twajba, l-Esseni.  Kienu monaċi li kienu jikkonsagraw ħajjithom lil Alla.  Madankollu, wissa’ l-Papa, huma kienu bogħod mill-poplu u għalhekk il-poplu ma setax isegwihom.

Dawn kienu l-ilħna li kienu jaslu għand il-poplu, qal il-Qdusija Tiegħu, imma ebda wieħed minnhom ma kellu l-qawwa li jkebbes il-qalb tal-poplu.  Ġesù, iva!  Il-folol, spjega l-Papa, kienu jibqgħu mistagħġbin: kienu jisimgħu lil Ġesù u qalbhom kienet titħeġġeġ; il-messaġġ ta’ Ġesù kien jasal fi qlubhom.

 

Ġesù kien jersaq qrib il-poplu, kien iffejjaqlu qalbu, kien jifhem id-diffikultajiet tiegħu.  Ġesù ma kienx jistħi jitkellem mal-midinbin, anzi kien imur ifittixhom.  .  Ġesù kien iħoss il-ferħ u kien iħobb imur għand il-poplu tiegħu.  Dan għaliex Ġesù  huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, in-nagħaġ kienu jisimgħu leħnu u jmorru warajh.

Kien għalhekk li l-poplu kien imur wara Ġesù; għax Hu r-Ragħaj it-Tajjeb.  Ma kienx fariżew li jippontifika l-każistika morali, mhux saduċew li kien jindihes mal-politiċi u man-nies tas-setgħa, ma kienx gwerrier li qed ifittex il-ħelsien politiku tal-poplu tiegħu u lanqas kontemplattiv magħluq ġo monasteru.

 

Kien Ragħaj, ragħaj li jitkellem il-lingwa tal-poplu tiegħu, jinftiehem, kien jgħid il-verità, l-affarijiet ta’ Alla.  Qatt ma kien jinnegozja l-affarijiet t’Alla!  Imma kien jgħidhom b’tali mod li l-poplu kien iħobb l-affarijiet ta’ Alla.  Għalhekk kien imur warajH.

 

Ġesù, żied il-Papa, qatt ma tbiegħed mill-poplu u qatt ma tbiegħed minn Missieru.  Ġesù, afferma mill-ġdid il-Papa, kien magħqud ħaġa waħda mal-Missier u għalhekk kien tant qrib tal-poplu tiegħu.  Hu kellu din l-awtorità u għal din ir-raġuni l-poplu kien jimxi warajh.  Il-Papa stieden lill-fidili biex jikkontemplaw lil Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb: jagħmlilna tajjeb naħsbu f’dan biex inħossu l-ferħ li nimxu warajH, al il-Papa.

 

Jien inħobb nimxi wara xi ħadd, staqsa l-Papa?  Wara dawk li jkellmuni dwar ħwejjeġ astratti jew dwar każistika morali, dawk li jgħidu li huma l-poplu t’Alla imma neqsin mill-fidi u jinnegozjaw mal-poter politiku, ekonomiku; dawk li dejjem iridu jagħmlu affarijiet strambi, distruttivi u jagħmlu gwerrer biex mingħalihom inisslu l-ħelsien imma li fl-aħħar mill-aħħar mhumiex it-troq tal-Mulej; jew inkella lill-kontemplattivi mbegħdin?  Lil min inħobb insegwi?

Jalla din il-mistoqsija, temm il-Papa Franġisku, twassalna biex nitolbu lil Alla l-Missier iressaqna qrib Ġesù biex nimxu wara Ġesù, biex nistgħaġbu b’dak li Ġesù jgħidilna.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.