Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Inħarsu lilna nfusna mill-vanità li tbegħedna mill-verità u tagħmilna qiesna bżieżaq tas-sapun. 

Il-Ħamis, 25 ta' Settembru 2014

 

Inħarsu lilna nfusna mill-vanità li tbegħedna mill-verità u tagħmilna qiesna bżieżaq tas-sapun.  Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa ħa spunt mill-qari meħud mill-Ktieb ta’ Koħelet u saħaq li anki meta jkunu qed jagħmlu l-ġid, l-Insara jridu jaħarbu t-tentazzjoni li jidhru.

Jekk fik mhemmx xi ħaġa li hija konsistenti, anki int tgħaddi bħalma jgħaddi kollox.  Din is-silta mill-Ktieb ta’ Koħelet tat l-okkażjoni lill-Papa biex jitkellem dwar il-vanità.

 

Hija tentazzjoni, osserva Franġisku, li mhix limitata biss għall-pagani imma thedded anki lill-Insara, lill-bnedmin ta’ fidi.  Il-Papa fakkar li lil min kien jiftaħar, Ġesù kien iċanfru ħafna.  Lid-dutturi tal-liġi kien jgħidilhom li m’għandhomx joqgħodu jippassiġġaw fil-pjazez b’ilbies għani qieshom prinċpijiet.

 

Meta titlob, wissa l-Mulej, jekk jogħġbok għamel dan fis-satra, titlobx biex jarawk in-nies, itlob fil-moħbi, mur f’kamartek.  L-istess ħaġa tgħodd, żied il-Papa, meta aħna ngħinu lill-foqra.  Iddoqqx trombi, għamel dan bil-moħbi.  Il-Missier jarah u dan ikun biżżejjed.

 

Imma l-vanituż jgħid: ara jien se nagħti daċ-ċekk għall-ħtiġijiet tal-Knisja u juri ċ-ċekk, imbagħad min-naħa l-oħra jqarraq bil-Knisja.  Il-vanituż jagħmel dan: jgħix biex jidher.

 

Meta ssum, jgħid il-Mulej, jekk jogħġbok toqgħodx tqarras wiċċek, tidhirx

imdejjaq biex kulħadd jinduna bik li qed issum.  Le, sum bil-ferħ, għamel il-penitenza bil-ferħ biex ħadd ma jinduna.  Il-vanità hekk hi: tgħix biex tidher.

L-Insara li jgħixu hekk, kompla l-Papa, biex jidhru, għall-vanità, jkunu qieshom paguni, jiftaħru.  Hemm min jgħid: jiena Nisrani, jien niġi minn dak il-qassis, minn dik is-soru, minn dak l-isqof, il-familja tiegħi hija familja Nisranija.  Jiftaħru.

Imma, staqsa l-Papa, ħajtek mal-Mulej?  Kif titlob?  Ħajtek u l-opri tal-ħniena kif jimxu flimkien?  Tmur iżżur lill-morda?  Għal din ir-raġuni Ġesù, kompla l-Qdusija Tiegħu, jgħidilna li rridu nibnu darna fuq il-blat, fuq il-verità.  Iżda, kien widdeb, il-vanitużi jibnu darhom fuq ir-ramel u dik id-dar taqa’, dik il-ħajja nisranija taqa’, tiżloq għax m’għandiex ħila tegħleb it-tentazzjonijiet.

 

Kemm Insara jgħixu biex jidhru, kompla jgħid.  Ħajjithom tidher qisha bużżieqa tas-sapun.  Sabiħa l-bużżieqa tas-sapun, ikollha ħafna kuluri!  Imma ddum sekondi …. u wara?......  Anki meta nħarsu lejn monumenti funebri, naraw li hija vanità għax il-verità hi li aħna mmorru lura lejn l-art għerja, kif kien jgħid il-Qaddej t’Alla Pawlu VI.  L-art għerja tistenniena, din hi l-verità finali tagħna.

Sadattant jien qed niftaħar jew qed nagħmel xi ħaġa?  Nagħmel il-ġid?  Infittex lil Alla?  Nitlob?  Dawn huma l-ħwejjeġ konsistenti.  Il-vanità hi giddieba, fantażjuża, tinganna lilha nnifisha, tinganna lill-vanituż, għax l-ewwel tagħmel tabirruħha li hija xi ħaġa u dak li jkun jibda jaħseb li sar importanti u jibda jemmen dan, miskin!

 

Dan hu dak li ġara lit-Tetrarka Erodi li, kif jgħidilna l-Vanġelu tallum, kien imaħħaħ il-ħin kollu dwar l-identità ta’ Ġesù.  Il-vanità, qal il-Papa, tiżra’ l-inkwiet, tneħħi l-paċi.  Hija bħal dawk in-nies li jagħmlu l-make-up u mbagħad jibżgħu li x-xita se tneħħilhom dak kollu li jkollhom fuq wiċċhom.  Il-vanità ma tħalliniex fil-paċi, il-verità biss ittina l-paċi.

 

Franġisku mbagħad tenna li l-unika blata li fuqha nistgħu nibnu ħajjitna hi Ġesù.  U niftakru li anki d-demonju lil Ġesù fid-deżert ittantah bil-vanità meta qallu: ejja miegħi, ejja mmmorru fuq it-tempju, ejja nagħmlu show; int intefa’ għal isfel u kulħadd jibda jemmen fik.  Id-demonju kien ippreżenta l-vanità lil Ġesù fuq platt.  Il-vanità, saħaq il-Papa, hija marda spiritwali gravi ħafna.

 

L-irħib tad-deżert Eġizzjani kienu jgħidu li l-vanità hija tentazzjoni li rridu niġġieldulha tul ħajjitna kollha, għax dejjem terġa’ lura lejna biex teħdilna l-verità.  U biex jispjegaw dan kienu jgħidu li qiesha basla: int teħodha f’idejk u tibda’ tqaxxar saff saff, int tneħħi saff vanità llum, ieħor għada u tqatta’ ħajtek tneħħiha saff saff biex tegħlibha.

U fl-aħħar tħossok kuntent: neħħejt il-vanità, qaxxart il-basla saff saff, imma f’idjek tibqgħalek ir-riħa.  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nkunux vanitużi, li nkunu veri, bil-verità tar-realtà u tal-Vanġelu, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.