Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw żewġ festi; it-tħabbira tal-maternita’ tal-Madonna, u l-inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla. IIt-Tlieta, 25 ta' Marzu 2014
Disa’ xhur mil-lum ikun il-Milied. F’dan il-jum, il-Knisja tfakkarna meta l-Mulej Alla permezz ta’ l-Arkanġlu Gabrijel stieden lill-Madonna biex issir Omm il-Messija, u hi aċċettat. F’dak il-mument, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, tnissel fiha Ġesù. Għalhekk nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw żewġ festi; it-tħabbira tal-maternita’ tal-Madonna, u l-inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla.
Din il-ġrajja nsibuha rrakkontata tajjeb ferm fil-Vanġelu: ”Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabriel f’belt tal-Galilija, jisimha Nażaret, għand xebba mgħarrsa ma raġel, jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: ”Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: ”Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: ”Kif ikun dan, ladarba jiena verġni?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: ”L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dawl tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: ”Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha. (Lq. 1:26-38).
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |