Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Tfal mejtin bil-ġuħ fil-kampijiet tar-rifuġjati filwaqt li min jiffabbrika l-armi jiċċelebra fis-salotti. 

It-Tlieta, 25 ta' Frar 2014

 

Tfal mejtin bil-ġuħ fil-kampijiet tar-rifuġjati filwaqt li min jiffabbrika l-armi jiċċelebra fis-salotti:  l-istqarrija qawwija li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  L-omelija kollha tal-Qdusija Tiegħu kienet appell imqanqal għall-paċi u kontra kull gwerra, kemm fid-dinja kif ukoll fi ħdan il-familja.  Il-Papa saħaq li l-paċi ma tistax tkun biss kelma u heġġeġ lill-insara kollha biex jidrawx jaċċettaw l-iskandlu tal-gwerer.

 

Minn fejn jinbtu l-gwerer u l-ġlied fostkom?  Il-Papa Franġisku tnebbaħ mill-ittra tal-Appostlu Ġakbu li nsibu fl-ewwel qari, biex jikkundanna bil-qawwa kollha il-gwerer.  F'kumment dwar il-kwistjonijiet bejn l-appostli ta' Ġesù dwar min kien l-akbar fosthom, il-Papa wera li meta l-qlub jitbegħedu, tinbet il-gwerra.  Kuljum, fil-gazzetti naqraw dwar il-gwerer – qal il-Papa b'qalb tqila – naqraw li f'dal-post il-popolazzjoni nqasmet u hemm ħamsa mejta, f'postijiet oħra aktar vittmi.

 

Il-mejtin donnu li saru għadd li nżiduh kuljum għax drajna naqraw dawn l-affarijiet!  U kieku kellna l-paċenzja nelenkaw il-gwerer kollha li hawn fid-dinja, żgur li nimlew bosta paġni bil-kitba.  Donnu li l-ispirtu tal-gwerra ħakimna.  Isiru ċentinarji biex ifakkru l-Gwerra l-Kbira... li fiha mietu tant miljuni... u kulħadd skandaliżżat!  Imma llum l-istess!  Minflok gwerra kbira, ħafna gwerer żgħar ma' kullimkien, popli maqsumin.... u biex iħarsu l-interessi tagħhom joqtlu lil xulxin!”

Mi mnejn jiġu l-gwerer u l-kwsitjonijiet ta' bejnietna, staqsa l-Papa?  Il-gwerer, il-mibegħda, ir-rivalità, wieġeb lilu nnifsu, ma nixtruhomx mis-suq: qegħdin hawn, fi qlubna.  Franġisku fakkar li meta konna żgħar, fil-katekiżmu kienu jispjegawlna l-istorja ta' Kajin u Abel u lkoll konna niskandaliżżaw ruħna għax ma stajniex naċċettaw li bnieden joqtol lil ħuh.

 

Però llum tant miljuni joqtlu lill-aħwa, joqtlu lil xuxlin.  Imma din drajnieha.  L-ewwel gwerra dinjija, tenna l-Papa, tiskandaliżżana, imma din il-gwerra kbira mferxxa ma' kullimkien, imma xi ftit moħbija, ma tiskandaliżżaniex!  U tant u tant imutu minħabba biċċa art, minħabba ambizzjoni, minħabba l-mibegħda, minħabba għira razzjali.  Il-fanatiżmu, żied jgħid, iwassalna għall-gwerra, għall-ispirtu tad-dinja.

 

Illum sirna li quddiem konflitt inħossuna f'sitwazzjoni kurjuża: nippruvaw insolvu l-problema billi nikkustinjaw.  Bil-lingwaġġ tal-gwerra.  Ma jiġix l-ewwel il-lingwaġġ tal-paċi!  U l-konsegwenzi?  Aħsbu ftit dwar it-tfal mejtin bil-ġuħ fil-kampijiet tar-rifuġjati... aħsbu biss f'dan: dan hu l-frott tal-gwerra!  U jekk tridu, aħsbu dwar is-swali l-kbar, dwar il-festi li jagħmlu s-sidien tal-industriji tal-armi, li jiffabbrikaw l-armi, l-armi li jispiċċaw ikebbsu lil dawn il-konflitti.... . It-tifel marid, bil-ġuħ, f'kamp tar-rifuġjati.... u l-festi kbar, il-ħajja komda li jgħixu dawk li jiffabbrikaw l-armi!

 

X'qed jiġri fi qlubna, tenna Franġisku?  L-Appostlu Ġakbu, żied jgħid, jagħtina parir sempliċi: Ersqu lejn Alla u Hu jersaq lejkom.  Għalhekk, wissa l-Papa, dan l-ispirtu ta' gwerra, jbegħedna minn Alla mhux biss bogħod minn xulxin imma anki bogħod minn darna.

 

Kemm familji huma mfarrka għax il-missier, l-omm, m'għandhomx ħila jsibu t-triq tal-paċi u jagħżlu l-gwerra, u jagħmlu l-kawżi...... il-gwerra teqred!  Minn fejn ġejjin il-gwerer u l-kwsitjonijiet ta' bejnietna?  Forsi mhux ġejjin mill-passjonijiet tagħkom?  Fil-qalb!  Illum nipproponilkom li titolbu għall-paċi, għal dik il-paċi li donnu llum saret biss kelma u xejn aktar.  U biex din il-kelma jkollha s-saħħa li taħdem, nimxu fuq il-parir tal-Appostlu Ġakbu: Agħrfu l-miżerja tagħkom!.

 

Dik il-miżerja, żied il-Papa, li minnha jitnisslu l-gwerer: il-gwerer fil-familji, fil-kwartieri, kullimkien.  Min minna beka, reġa' staqsa, meta qara l-ġurnal jew meta ra dawk il-filmati fuq it-televixin?  Tant mejta!   Id-daħk tagħkom, kompla l-Papa hu u jikkwota lill-Appostlu Ġakbu, jinbidel f'luttu u l-ferħ tagħkom f'niket. 

Dan hu dak li għandu jiġri llum 25 ta' Frar: in-nisrani quddiem tant gwerer, kullimkien, għandu jibki, jagħmel il-luttu, jumilja ruħu.

 

Il-Mulej, temm il-Papa, jfehemna dan u jeħlisna milli nidraw naddattaw ruħna għall-aħbarijiet dwar il-gwerer.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.